Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Uniku Mod Kif Neħilsu Għalkollox mill-Mibegħda

L-Uniku Mod Kif Neħilsu Għalkollox mill-Mibegħda

“M’hemmx mibegħda mingħajr biżaʼ. . . . Aħna nobogħduh dak li nibżgħu minnu, u għalhekk fejn hemm il-​mibegħda, hemm il-​biżaʼ moħbi.”—CYRIL CONNOLLY, KRITIKU U EDITUR LETTERARJU.

ĦAFNA soċjologi jemmnu li l-​mibegħda hija mqabbda fil-​fond fl-​inkonxju tal-​bniedem. “Il-​biċċa l-​kbira minnha tistaʼ tkun saħansitra programmata,” parti min-​natura umana nfisha, qal ċertu xjenzat politiku.

Wieħed jistaʼ jifhem għala dawk li jistudjaw in-​natura umana jaslu għal konklużjonijiet bħal dawn. L-​uniċi suġġetti li jistgħu jużaw għall-​istudju tagħhom huma rġiel u nisa li, skond ir-​rakkont ispirat tal-​Bibbja, huma mweldin “fil-​ħtija” u “fid-​dnub.” (Salm 51:7 [51:​5, NW]) Anki l-​Ħallieq innifsu, meta eluf taʼ snin ilu eżamina l-​bniedem imperfett, “ra li l-​ħażen tal-​bnedmin kien kiber fuq l-​art; u f’qalbu [il-bniedem] ma kienx għajr li jfassal il-​ħażen il-​jum kollu.”—Ġenesi 6:5.

Il-preġudizzju u d-​diskriminazzjoni, flimkien mal-​mibegħda li tirriżulta minnhom, huma l-​prodott taʼ l-​imperfezzjoni u l-​egoiżmu li wiret il-​bniedem. (Dewteronomju 32:5) B’sogħba, l-​ebda aġenzija jew gvern uman, tkun xi tkun il-​politika tagħhom, ma rnexxielhom jagħmlu liġi biex ibiddlu l-​qalb tal-​bniedem fi kwistjonijiet bħal dawn. Johanna McGeary, korrispondent għall-​affarijiet barranin, irrimarkat: “L-​ebda pulizija fid-​dinja, ikun kemm ikun b’saħħtu, ma jistaʼ jintervieni biex ineħħi għalkollox il-​mibegħda li kkawżat tant ċarċir taʼ demm fil-​Bosnja, is-​Somalja, il-​Liberja, il-​Kaxmir, u l-​Caucasus.”

Madankollu, qabel ma nibdew infittxu għas-​soluzzjoni, irridu niksbu fehma bażika taʼ x’hemm wara din il-​mibegħda.

Mibegħda Mkebbsa mill-​Biżaʼ

Jeżistu ħafna tipi differenti taʼ mibegħda. Il-​kittieb Andrew Sullivan ġabar il-​kwistjoni fil-​qosor b’mod addattat: “Hemm mibegħda li tibżaʼ, u mibegħda li tħoss biss stmerrija; hemm mibegħda li turi s-​saħħa, u mibegħda li tiġi min-​nuqqas taʼ saħħa; hemm il-​vendetta, u hemm il-​mibegħda li tiġi mill-​għira. . . . Hemm il-​mibegħda tat-​tirann, u l-​mibegħda tal-​vittma. Hemm mibegħda li tibqaʼ taqbad bil-​mod, u mibegħda li tisfuma fix-​xejn. U hemm mibegħda li tiżbroffa, u mibegħda li qatt ma tieħu n-​nar.”

Bla dubju, fost il-​fatturi prinċipali li fi żmienna qegħdin jixegħlu l-​konflitt mimli mibegħda hemm dawk soċjali u ekonomiċi. Taʼ spiss, l-​iktar preġudizzji qawwijin u atti taʼ mibegħda ssibhom f’dawk l-​inħawi fejn in-​nies li għandhom pożizzjoni ekonomika tajba huma ftit. Ukoll, il-​mibegħda tinbet spiss meta parti mill-​komunità tħoss li l-​livell t’għajxien tagħha qed jiġi mhedded bid-​dħul taʼ ħafna barranin fil-​pajjiż.

Xi wħud forsi jibdew iqisu lil dawn in-​nies ġodda bħala kompetituri fil-​qasam tax-​xogħol, għax jaħdmu b’pagi baxxi. Inkella forsi jħossu li dawn se jbaxxu l-​valur tal-​propjetà. Jekk dan il-​biżaʼ huwiex raġunevoli jew le hija kwistjoni oħra. Il-​biżaʼ taʼ telf ekonomiku u l-​biżaʼ li l-​livelli tal-​komunità jew taʼ l-​istil taʼ ħajja se jbatu huma fatturi qawwijin li jwasslu għall-​preġudizzju u l-​mibegħda.

X’għandu jkun l-​ewwel pass biex neħilsu għalkollox mill-​mibegħda? Bidla fl-​attitudnijiet.

Inbiddlu l-​Attitudni

“Il-​bidla vera tistaʼ tiġi biss bil-​volontà tan-​nies involuti,” osservat McGeary. U kif tistaʼ tinbidel il-​volontà tan-​nies? L-​esperjenza wriet li l-​iktar influwenza qawwija u dejjiema li tqanqal lil dak li jkun kontra l-​iżvilupp tal-​mibegħda tiġi mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Dan hu għaliex “il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-​ruħ u l-​ispirtu u l-​ġogi u l-​mudullun; u tgħarbel il-​ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb.”—Lhud 4:12.

Irridu nammettu li ma nistgħux neħilsu għalkollox mill-​preġudizzju u l-​mibegħda kif ġieb u laħaq. Imma dan jistaʼ jsir. Ġesù Kristu, il-​wieħed mill-​aqwa li jqanqal il-​qlub u li jġiegħel il-​kuxjenzi jkunu sensittivi, kien kapaċi jimmotiva lin-​nies biex jinbidlu. Miljuni taʼ nies irnexxielhom jimxu wara l-​parir għaqli taʼ Ġesù Kristu: “Ħobbu lill-​għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.”—Mattew 5:44.

Ġesù wera kemm kien jagħmel dak li jgħallem meta fost l-​iktar ħbieb intimi tiegħu inkluda lil Mattew, wieħed imwarrab u mibgħud mis-​soċjetà Lhudija minħabba li qabel kien jiġbor it-​taxxi. (Mattew 9:9; 11:19) Iktar minn hekk, Ġesù stabbilixxa mod taʼ qima safja li maż-​żmien kellu jinkludi eluf taʼ Ġentili li qabel kienu mwarrbin u mibgħudin. (Galatin 3:28) Nies minn kull parti tad-​dinja magħrufa f’dak iż-​żmien saru segwaċi taʼ Ġesù Kristu. (Atti 10:​34, 35) Dawn l-​individwi saru magħrufin għall-​imħabba tagħhom li tisboq. (Ġwann 13:35) Meta Stiefnu, wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù, ġie mħaġġar għall-​mewt minn irġiel mimlijin mibegħda, l-​aħħar kliem tiegħu kien: “Mulej, tgħoddulhomx dan id-​dnub.” Stiefnu xtaq l-​aħjar għal min kien jobogħdu.—Atti 6:​8-14; 7:​54-60.

Fi żmienna, il-​veri Kristjani wieġbu b’mod simili għall-​parir taʼ Ġesù biex jagħmlu t-​tajjeb, mhux biss maʼ ħuthom il-​Kristjani, imma wkoll maʼ dawk li jobogħduhom. (Galatin 6:10) Huma qed jaħdmu iebes biex ineħħu l-​mibegħda malizzjuża minn ħajjithom. Billi jagħrfu liema forzi qawwijin jistgħu jnisslu fihom il-​mibegħda, dawn jieħdu azzjoni pożittiva u juru mħabba flok mibegħda. Iva, bħalma qal żmien ilu wieħed raġel għaref, “il-​mibegħda tqanqal il-​ġlied, imma l-​imħabba tgħatti kull ħtija.”—Proverbji 10:12.

L-appostlu Ġwanni stqarr: “Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-​ħajja taʼ dejjem.” (1 Ġwann 3:15) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jemmnuh dan. B’riżultat taʼ dan, għalkemm ġejjin minn kull sfond etniku, kulturali, reliġjuż, u politiku, huma issa qed jingħaqdu f’komunità waħda, magħquda, mingħajr mibegħda taʼ xejn. Fi kliem ieħor, fratellanza globali taʼ veru.—Ara l-​kaxxi li hawn maʼ l-​artiklu.

Il-​Mibegħda Se Titqaċċat mill-​Għeruq!

Forsi tgħid, ‘Imma dan japplika biss għall-​individwi involuti. B’daqshekk m’aħniex se neħilsu għalkollox mill-​mibegħda.’ Veru, anki jekk ma jkollokx mibegħda f’qalbek, xorta waħda tistaʼ tisfa vittma tagħha. Għalhekk irridu nduru lejn Alla biex insibu l-​vera soluzzjoni għal din il-​problema globali.

L-iskop t’Alla hu li dalwaqt kull traċċa taʼ mibegħda se titneħħa minn fuq l-​art. Dan se jiġri taħt il-​ħakma tal-​gvern tas-​sema, xi ħaġa li Ġesù għallimna nitolbu għaliha: “Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.”—Mattew 6:​9, 10.

Meta din it-​talba titwieġeb għalkollox, il-​kundizzjonijiet li permezz tagħhom titqanqal il-​mibegħda mhux se jkunu jeżistu iktar. Is-​sitwazzjonijiet li jieħdu vantaġġ mill-​mibegħda se jkunu tneħħew. It-​tidwil, il-​verità, u t-​tjieba se jkunu ħadu post il-​propaganda, l-​injoranza, u l-​preġudizzju. Tabilħaqq, meta Alla ‘se jkun ixxotta kull demgħa minn għajnejna, ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.’—Apokalissi 21:​1-4.

Issa, terġaʼ għandna aħbar ferm isbaħ! Ħadd ma jistaʼ jiċħad li aħna qegħdin ngħixu fl-​“aħħar tad-​dinja.” B’hekk, nistgħu nkunu fiduċjużi li dalwaqt se naraw hawn fuq l-​art it-​tmiem tal-​mibegħda li tmur kontra r-​rieda t’Alla. (2 Timotju 3:​1-5; Mattew 24:​3-14) Fid-​dinja l-​ġdida mwegħda minn Alla, se jkun hemm spirtu taʼ fratellanza ġenwin għax il-​bnedmin se jkunu saru perfetti mill-​ġdid.—Luqa 23:43; 2 Pietru 3:13.

Imma m’għandekx għalfejn tistenna sa dak iż-​żmien biex tgawdi fratellanza ġenwina. Fil-​fatt, bħalma juru r-​rakkonti li hawn maʼ l-​artiklu, l-​imħabba Kristjana diġà mliet il-​qalb taʼ miljuni taʼ nies illi kieku kienu jkunu mimlijin mibegħda. Int ukoll mistieden biex issir parti minn din il-​fratellanza kollha mħabba!

[Stampa f’paġna 7]

Taħt is-​Saltna t’Alla kull traċċa taʼ mibegħda se titneħħa minn fuq l-​art