Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

F’Isaija kapitlu 53 insibu profezija Messjanika famuża. Vers 10 jgħid: “[I]l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-​mard.” X’ifisser dan?

Faċli tifhem għala tistaʼ tqum mistoqsija dwar Isaija 53:10. Il-​Kristjani veri lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li Alla tagħna, kollu mogħdrija u tenerezza, jogħġbu jgħakkes lil xi ħadd jew iġib il-​mard fuqu. Il-​Bibbja tagħtina l-​bażi biex inkunu fiduċjużi li Alla ma jiħux pjaċir jitturmenta lill-​innoċenti. (Dewteronomju 32:4; Ġeremija 7:​30, 31) Matul is-​sekli, Jehovah setaʼ kultant ippermetta s-​sofferenza għal xi raġunijiet li huma fi qbil maʼ l-​għerf u l-​imħabba tiegħu. Imma żgur li hu ma ġagħalx lil Ġesù, Ibnu l-​għażiż, ibati. Mela fil-​fatt x’qed tgħidilna din is-​silta?

Tajjeb, biex nifhmu t-​tifsira taʼ dan il-​vers ikun tajjeb li naqrawh kollu kemm hu, u ninnotaw il-​frażijiet “għoġbu” u “r-​rieda tal-​Mulej.” Isaija 53:10 jgħid hekk: “[I]l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-​mard. Talli joffri ruħu b’sagrifiċċji taʼ riparazzjoni, huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu; u r-​rieda tal-​Mulej isseħħ bih.”

Il-messaġġ ġenerali tal-​Bibbja jurina li “r-​rieda tal-​Mulej,” imsemmija fl-​aħħar tal-​vers, hija li jitwettaq l-​iskop tiegħu permezz tas-​Saltna. B’dan, Jehovah jkun qed jivvindika s-​sovranità tiegħu u jagħmilha possibbli għall-​bnedmin ubbidjenti li jinħelsu mid-​dnub li wirtu, jiġifieri, mid-​dnubiet tagħna. (1 Kronaki 29:11; Salm 83:19 [83:​18, NW]; Atti 4:24; Lhud 2:​14, 15; 1 Ġwann 3:8) Biex dan kollu jsir possibbli kien meħtieġ li l-​Iben t’Alla jsir bniedem u jipprovdi s-​sagrifiċċju tal-​fidwa. Bħalma nafu, Ġesù fil-​fatt sofra ħafna biex iwettaq dan. Il-​Bibbja tgħidilna li hu “tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-​ubbidjenza.” B’hekk, Ġesù bbenefika minn din is-​sofferenza.—Lhud 5:​7-9.

Ġesù kien jaf minn qabel li l-​korsa nobbli li kien se jieħu kienet tinvolvi wġigħ kbir. Dan jidher ċar mill-​kliem li qal fi Ġwann 12:​23, 24, fejn naqraw: “Waslet is-​siegħa li fiha Bin il-​Bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-​ħabba tal-​qamħ ma taqax fl-​art u tmut, hi tibqaʼ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.” Iva, Ġesù kien jaf li kellu jżomm l-​integrità tiegħu anki jekk dan kien ifisser li kellu jmut. Ir-​rakkont ikompli: “‘Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-​siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-​siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek.’ Dak il-​ħin instamaʼ leħen mis-​sema: ‘Jiena diġà gglorifikajtu, u nerġaʼ nigglorifikah.’”​—Ġwann 12:​27, 28; Mattew 26:​38, 39.

Huwa f’dan il-​kuntest li rridu nifhmu Isaija 53:10. Jehovah kien jaf tajjeb li l-​esperjenza taʼ Ibnu kienet se twassal biex f’ċertu sens ikun mgħakkes. Madankollu, billi Jehovah kellu f’moħħu l-​ġid glorjuż u estensiv li kien se jirriżulta, Hu ħa pjaċir b’dak li kellu jġarrab Ġesù. F’dan is-​sens Jehovah “għoġbu jgħakksu” lill-​Messija. U Ġesù wkoll għoġbu dak li setaʼ jwettaq, u fil-​fatt wettaq. Verament, bħalma jispiċċa Isaija 53:​10, ‘ir-​rieda tal-​Mulej seħħet bih.’