X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti taʼ It-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
• Għala nistgħu nkunu ċerti li t-twettiq tal-profezija dwar “smewwiet ġodda u art ġdida” f’Isaija 65:17-19 kien jinvolvi iktar mir-ritorn tal-Lhud mill-jasar?
Għax l-appostli Pietru u Ġwanni, li kitbu l-ittri tagħhom fl-ewwel seklu E.K., indikaw li kien se jkun hemm twettiq fil-futur, li jinvolvi barkiet oħra li għad iridu jseħħu. (2 Pietru 3:13; Apokalissi 21:1-4)—4/15, paġni 10-12.
• X’jistaʼ jkun hemm wara l-leġġendi tal-Greċja tal-qedem dwar l-uħud nofshom bnedmin u nofshom allat vjolenti?
Dan jistaʼ jkun tirqim u tgħawwiġ tal-fatt li qabel id-Dilluvju xi anġli ħadu iġsma umani u għexu ħajjiet vjolenti u immorali fuq l-art. (Ġenesi 6:1, 2)—4/15, paġna 27.
• X’inhuma xi ftit mill-perikli li għandhom joqogħdu attenti għalihom il-Kristjani maturi waqt it-tiġijiet?
Huwa importanti li jiġi evitat it-tbahrid, li jistaʼ jinqalaʼ jekk ikun hemm abbundanza t’alkoħol u żfin bla kontroll b’mużika tgħajjat. Jekk ma jkunx intqal biċ-ċar li kulħadd jistaʼ jattendi għar-riċeviment tat-tieġ, dawk li ma jkunux mistidnin m’għandhomx jattendu. L-għarus għandu jkun ċert li jkun hemm xi Kristjani responsabbli biex jaraw li ċ-ċelebrazzjoni tispiċċa f’ħin raġunevoli.—5/1, paġni 19-22.
• X’irid ifisser meta Salm 128:3 jsemmi li l-ulied huma bħal “xitel taż-żebbuġ” madwar il-mejda?
Taʼ spiss is-siġra taż-żebbuġ tarmi minn isfel. Meta z-zokk prinċipali taʼ siġra qadima ma jibqax jagħmel ħafna frott, madwarha jitilgħu friegħi ġodda li jistgħu jsiru zkuk b’saħħithom. B’mod simili, il-ġenituri jistgħu jifirħu meta jkollhom ulied li jagħmlu l-frott billi jaqdu lil Jehovah flimkien magħhom.—5/15, paġna 27.
• X’inhuma xi benefiċċji li t-tfal jiksbu minn ambjent bnin fil-familja?
Dan iservi bħala pedament biex l-ulied ikollhom ħarsa xierqa lejn l-awtorità, apprezzament lejn il-valuri xierqa, u relazzjonijiet ferriħin m’oħrajn. Ambjent bħal dan jistaʼ jgħinhom ukoll biex jiżviluppaw ħbiberija m’Alla.—6/1, paġna 18.
• X’kien sar f’pajjiż fil-Lvant Imbiegħed sabiex il-Kristjani jifhmu li kollha huma aħwa?
Il-kongregazzjonijiet kollha ġew imħeġġin biex ma jużawx titli għal ċerti wħud. Minflok, kulħadd għandu jitqies l-istess bħal aħwa.—6/15, paġni 21, 22.
• Ix-Xhieda taʼ Jehovah jaċċettaw mediċini magħmulin mid-demm?
Aħna nemmnu li l-kmand Bibliku ‘tbegħdu mid-demm’ jeskludi għalkollox it-trasfużjonijiet taʼ demm sħiħ jew tal-komponenti primarji tiegħu (plażma, ċelluli ħomor, ċelluli bojod, u platelets). (Atti 15:28, 29) Inkwantu għall-elementi magħmulin mill-komponenti primarji, kull Kristjan jiddeċiedi personalment, billi jżomm f’moħħu dak li tgħid il-Bibbja u r-relazzjoni li għandu m’Alla.—6/15, paġni 29-31.
• Huwa verament possibbli li nsibu serħan illum?
Iva. Permezz tal-Bibbja, Ġesù Kristu qed jiggwida lin-nies lejn il-qima pura u l-paċi deskritta f’Isaija 32:18. Barra minn hekk, dawk li qed jiksbu paċi bħal din għandhom il-prospett li jgawdu paċi għal dejjem fuq l-art fit-twettiq taʼ Salm 37:11, 29.—7/1, paġna 7.
• Liema rwol kellu George Young fl-istorja teokratika moderna?
B’seħħ mill-1917, hu ta prova li kien wieħed li jġorr id-dawl taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna f’ħafna pajjiżi. Il-ministeru tiegħu ħadu lejn il-Kanada, il-gżejjer tal-Karibew, il-Brażil u pajjiżi oħrajn taʼ l-Amerika t’Isfel, l-Amerika Ċentrali, Spanja, il-Portugall, dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, u l-Istati Uniti taʼ l-Amerika.—7/1, paġni 22-7.
• X’irid ifisser meta l-1 Korintin 15:29 jgħid li xi wħud “huma mgħammdin għall-mejtin?”
Il-punt hu li meta l-Kristjani jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis, huma jiġu mgħaddsin f’korsa taʼ ħajja li twassal għall-mewt tagħhom u mbagħad l-irxoxt għal ħajja fis-sema.—7/15, paġna 17.
• X’kien qed jagħmel l-appostlu Pawlu matul dawk li ġew deskritti s-snin siktin tiegħu?
Forsi hu għen biex jiġu stabbiliti jew imsaħħin il-kongregazzjonijiet tas-Sirja u ċ-Ċiliċja. Ħafna mit-tbatijiet imsemmijin fit-2 Korintin 11:23-27 żgur li seħħew matul dan il-perijodu, u dawn juru li hu kien qed iwettaq ministeru attiv.—7/15, paġni 26, 27.
• X’jistaʼ jgħinna biex inkunu raġunevoli dwar dak li nistennew?
Ftakar li Jehovah jifhimna. It-talb jistaʼ jgħinna nibbilanċjaw il-ħsieb tagħna, u juri li aħna modesti. Għajnuna oħra hi li niksbu ħarsa ġdida billi niftħu qalbna maʼ xi ħabib matur.—8/1, paġni 29, 30.