Il-Wirt Prezzjuż Tagħna—X’Ifisser Għalik?
“Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.”—MATTEW 25:34.
1. In-nies liema xorta t’affarijiet wirtu?
IL-BNEDMIN kollha għandhom affarijiet li wirtuhom. Xi wħud għandhom mnejn wirtu affarijiet materjali li għenuhom jgħixu ħajja komda. Oħrajn wirtu ħajja taʼ faqar. F’ċerti każi, minħabba dak li jkunu ġarrbu jew semgħu, dawk tal-ġenerazzjonijiet taʼ qabilna għaddew wirt taʼ mibegħda bejn il-gruppi etniċi. Madankollu, aħna lkoll għandna ħaġa waħda komuni. Ilkoll irċivejna mingħand l-ewwel raġel, Adam, wirt tad-dnub. Dak il-wirt maż-żmien iwassalna għall-mewt.—Koħèlet 9:2, 10; Rumani 5:12.
2, 3. Jehovah liema wirt għamel possibbli fil-bidu għan-nisel taʼ Adam u Eva, u huma għala ma rċivewhx?
2 Jehovah, bħala Missier tas-sema kollu mħabba, offra lill-bnedmin wirt bil-wisq differenti, dak taʼ ħajja taʼ dejjem fil-perfezzjoni f’Ġenna taʼ l-art. L-ewwel ġenituri tagħna, kellhom bidu perfett u bla dnub. Alla Jehovah ta din il-pjaneta Art lill-bnedmin bħala rigal. (Salm 115:16) Ipprovda l-ġnien taʼ Għeden bħala kampjun taʼ kif setaʼ jsir il-globu kollu kemm hu, u poġġa quddiem l-ewwel ġenituri tagħna inkarigu taʼ l-għaġeb u affaxxinanti. Huma kellhom iġibu t-tfal fid-dinja, jieħdu ħsieb l-art u l-varjetà kbira taʼ pjanti u annimali, u jkabbru l-limiti tal-Ġenna taʼ l-art biex din tinfirex mal-globu kollu. (Ġenesi 1:28; 2:8, 9, 15) Nisilhom kellu jieħu sehem f’dan kollu. Kemm hi ħaġa sabiħa li tkun tistaʼ tgħaddi wirt meraviljuż bħal dan lil uliedek!
3 Madankollu, jekk riedu li jgawdu dan kollu, Adam u Eva u nisilhom kien jeħtieġ li jkollhom relazzjoni tajba m’Alla. Kellhom l-obbligu li juru mħabba u ubbidjenza lejn Jehovah, imma Adam u Eva m’apprezzawx dak li Alla kien tahom u m’obdewx il-kmandament tiegħu. Tilfu d-dar Ġenna tagħhom kif ukoll il-prospetti glorjużi li Alla kien poġġielhom quddiemhom. Għalhekk ma setgħux jgħaddu dawn l-affarijiet lil nisilhom.—Ġenesi 2:16, 17; 3:1-24.
4. Kif nistgħu niksbu l-wirt li tellfilna Adam?
4 Fil-ħniena tiegħu, Jehovah għamel provvediment sabiex in-nisel taʼ Adam u Eva setaʼ jkollu l-opportunità li jirċievi l-wirt li Adam kien tellfilhom. Kif? Fiż-żmien maħtur t’Alla, Ibnu stess, Ġesù Kristu, offra l-ħajja perfetta tiegħu għan-nom tan-nisel taʼ Adam. Permezz taʼ dan, Kristu xtrahom ilkoll. Madankollu, il-wirt mhux se jsir tagħhom awtomatikament. Jeħtieġ li jkollhom waqfa approvata quddiem Alla. Din jistgħu jiksbuha billi jeżerċitaw fidi fil-valur tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, li kien ipatti għad-dnub, u billi juru dik il-fidi bl-ubbidjenza tagħhom. (Ġwann 3:16, 36; 1 Timotju 2:5, 6; Lhud 2:9; 5:9) Turi int b’ħajtek li qed tapprezza dan il-provvediment?
Wirt Mgħoddi mil-Linja t’Abraham
5. Abraham kif wera li kien japprezza r-relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah?
5 Hekk kif Jehovah wettaq l-iskop tiegħu għall-art, hu ttratta maʼ Abraham b’mod speċjali. Lil dan ir-raġel leali tah direzzjonijiet biex jitlaq minn pajjiżu u jmur f’art li kien se jurih Hu stess. Abraham obda minn qalbu. Wara li wasal hemmhekk, Jehovah qal li kien in-nisel t’Abraham, u mhux Abraham innifsu, li kellu jirċievi dik l-art bħala wirt. (Ġenesi 12:1, 2, 7) Abraham kif irreaġixxa? Hu kien lest li jaqdi lil Jehovah fi kwalunkwe post u bi kwalunkwe mod li kien jgħidlu Alla sabiex nislu jkun jistaʼ jirċievi dak il-wirt. Abraham qeda lil Jehovah f’art barranija għal 100 sena sakemm miet. (Ġenesi 12:4; 25:8-10) Kont tagħmel hekk int? Jehovah qal li Abraham kien il-‘ħabib’ tiegħu.—Isaija 41:8.
6. (a) Abraham x’wera meta kien lest li jissagrifika lil ibnu? (b) Abraham liema wirt prezzjuż setaʼ jgħaddi lil nislu?
6 Abraham dam jistenna snin twal biex ikollu iben, lil Iżakk, u dan kien il-mimmi t’għajnejh. Meta t-tifel kiber u sar raġel żagħżugħ, Jehovah ta istruzzjonijiet lil Abraham biex jieħdu u joffrih bħala sagrifiċċju. Abraham ma kienx jaf li hu kien se juri minn qabel dak li Alla nnifsu kien se jagħmel meta kellu jagħti lil Ibnu bħala prezz tal-fidwa. Madankollu, hu obda u kien wasal sal-punt li kien se joffri lil Iżakk bħala sagrifiċċju meta l-anġlu taʼ Jehovah waqqfu. (Ġenesi 22:9-14) Jehovah kien diġà qal li l-wegħdi li kien għamel lil Abraham kellhom jitwettqu mil-linja taʼ Iżakk. Għaldaqstant, jidher ċar li Abraham kellu fidi li Alla kien se jerġaʼ jqajjem lil Iżakk mill-mewt, jekk ikun hemm bżonn, għalkemm din il-ħaġa ma kienet saret qatt qabel. (Ġenesi 17:15-18; Lhud 11:17-19) Għaliex Abraham ma żammx lura milli joffri lil ibnu, Jehovah ddikjara: “Jitbierku b’nislek il-ġnus kollha taʼ l-art.” (Ġenesi 22:15-18) Dan indika li n-Nisel imsemmi f’Ġenesi 3:15, il-ħellies Messjaniku, kellu jiġi mil-linja t’Abraham. X’wirt prezzjuż għadda lil nislu!
7. Abraham, Iżakk, u Ġakobb, kif urew li kienu japprezzaw il-wirt tagħhom?
7 Abraham ma kienx jaf x’kien ifisser dak li Jehovah kien qed jagħmel dakinhar. La ibnu Iżakk u lanqas in-neputi tiegħu Ġakobb, li saru “werrieta miegħu taʼ l-istess wegħda,” ma kienu jafu. Imma dawn ilkoll kellhom fiduċja f’Jehovah. Ma rabtux qalbhom maʼ xi saltna taʼ xi belt li kien hemm fil-pajjiż, għaliex kienu qed iħarsu ’l quddiem lejn xi ħaġa aħjar. Din kienet “il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.” (Lhud 11:8-10, 13-16) Madankollu, mhux kulħadd min-nisel taʼ Abraham apprezza l-wirt li setaʼ jiret permezz tiegħu.
Xi Wħud li Stmerru l-Wirt
8. Eżaw kif wera li m’apprezzax kemm kien prezzjuż il-wirt tiegħu?
8 Eżaw, l-iben il-kbir taʼ Iżakk, xejn m’apprezzaha l-primaġenitura tiegħu. Ma kienx japprezzahom l-affarijiet sagri. Għalhekk, ġurnata fost l-oħrajn Eżaw qabdu l-ġuħ u bigħ il-primaġenitura tiegħu lil ħuh Ġakobb. U għalxiex? Għal ikla waħda li kienet tikkonsisti minn ħobż u soppa taʼ l-għads! (Ġenesi 25:29-34; Lhud 12:14-17) Il-ġens li permezz tiegħu kellhom jitwettqu l-wegħdi li Alla għamel lil Abraham kien ġej minn Ġakobb, li ismu ġie mibdul minn Alla għal Iżrael. Liema opportunitajiet partikulari fetaħ għalihom dak il-wirt?
9. Minħabba l-wirt spiritwali tagħhom, liema ħelsien ġarrab in-nisel taʼ Ġakobb, jew Iżrael?
9 Fiż-żmien meta kien hemm ġuħ kbir, Ġakobb u l-familja tiegħu marru l-Eġittu. Hemmhekk huma tkattru u saru numerużi ferm, però saru wkoll ilsiera. Madankollu, Jehovah ma nesiex il-patt li kien għamel maʼ Abraham. Fiż-żmien maħtur tiegħu, Alla ħeles lill-ulied Iżrael mill-jasar u għarrafhom li kien se jiħodhom “f’art tnixxi ħalib u għasel,” dik l-istess art li kien wiegħed lil Abraham.—Eżodu 3:7, 8; Ġenesi 15:18-21.
10. Liema żviluppi straordinarji oħra seħħew f’konnessjoni mal-wirt taʼ wlied Iżrael biswit il-Muntanja Sinaj?
10 Meta wlied Iżrael kienu fi triqithom lejn l-Art Imwegħda, Jehovah ġabarhom flimkien biswit il-Muntanja Sinaj. Hemmhekk qalilhom: “Jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżodu 19:5, 6) Wara li l-poplu qabel maʼ dan minn jeddu u kien b’fehma waħda, Jehovah tahom il-Liġi tiegħu. Din kienet xi ħaġa li m’għamilha maʼ ebda poplu ieħor.—Salm 147:19, 20.
11. X’kienu xi wħud mill-affarijiet prezzjużi li ġew inklużi fil-wirt spiritwali taʼ wlied Iżrael?
11 X’wirt spiritwali kellu dak il-ġens ġdid! Huma kienu jqimu lill-uniku Alla veru. Kienu ġew meħlusin mill-Eġittu u raw b’għajnejhom stess ġrajjiet li jqanqlu l-biżaʼ meta ngħataw il-Liġi biswit il-Muntanja Sinaj. Il-wirt tagħhom kompla jsir iktar prezzjuż hekk kif irċivew iktar “orakli t’Alla” permezz tal-profeti. (Rumani 3:1, 2) Ġew maħturin minn Jehovah biex ikunu x-xhieda tiegħu. (Isaija 43:10-12) In-Nisel Messjaniku kellu jidher fil-ġens tagħhom. Il-Liġi kienet tipponta lejh, kienet se tidentifikah, u kienet se tgħinhom japprezzaw kemm kellhom bżonnu. (Galatin 3:19, 24) Iktar minn hekk, kienu se jingħataw l-opportunità biex jaqdu flimkien maʼ dan in-Nisel Messjaniku bħala saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.—Rumani 9:4, 5.
12. Għalkemm l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwegħda, huma x’ma ġarrbux? Għala?
12 Jehovah wassal lill-Iżraelin lejn l-Art Imwegħda, preċiż bħalma kien wegħedhom. Imma bħalma spjega iktar tard l-appostlu Pawlu, minħabba n-nuqqas taʼ fidi tagħhom, dik l-art ma kinitx verament post taʼ “mistrieħ.” Bħala poplu, huma ma daħlux fil-“mistrieħ taʼ Alla” għaliex la għarfu u lanqas ħadmu fi qbil maʼ l-iskop taʼ jum il-mistrieħ t’Alla, li beda wara l-ħolqien taʼ Adam u Eva.—Lhud 4:3-10.
13. X’tilef Iżrael bħala ġens talli m’apprezzax il-wirt spiritwali tiegħu?
13 In-numru taʼ dawk li kienu se jieħdu sehem mal-Messija fis-Saltna tiegħu tas-sema bħala saltna taʼ qassisin u ġens qaddis, setaʼ jiġi fformat kollu minn Iżrael naturali. Imma dawn m’apprezzawx il-wirt prezzjuż tagħhom. Fdal biss minn Iżrael naturali aċċetta lill-Messija meta ġie. B’riżultat taʼ dan, numru żgħir biss ġie inkluż fis-saltna taʼ qassisin li kienet imbassra. Is-Saltna ttieħdet mingħand Iżrael naturali u ‘ngħatat lil ġens li jagħmel il-frott minnha.’ (Mattew 21:43) Dan liema ġens hu?
Wirt fis-Smewwiet
14, 15. (a) Wara l-mewt taʼ Ġesù, il-ġnus kif bdew ibierku lilhom infushom permezz taʼ “nisel” Abraham? (b) Il-membri taʼ l-“Iżrael taʼ Alla” x’jirċievu bħala wirt?
14 Il-ġens li lilu ngħatat is-Saltna huwa l-“Iżrael taʼ Alla,” Iżrael spiritwali, ifformat minn 144,000 segwaċi taʼ Ġesù Kristu mnisslin mill-ispirtu. (Galatin 6:16; Apokalissi 5:9, 10; 14:1-3) Xi wħud minn dawn il-144,000 kienu Lhud naturali, imma l-biċċa l-kbira kienu mill-ġnus Ġentili. B’hekk, bdiet titwettaq il-wegħda li Jehovah kien għamel lil Abraham, li permezz taʼ ‘nislu’ kienu se jitbierku l-ġnus kollha. (Atti 3:25, 26; Galatin 3:8, 9) Meta dik il-wegħda bdiet titwettaq għall-ewwel darba, nies mill-ġnus ġew midlukin bl-ispirtu qaddis u adottati minn Alla Jehovah bħala wlied spiritwali, ħut Ġesù Kristu. B’hekk, huma wkoll saru parti sekondarja taʼ dak in-“nisel.”—Galatin 3:28, 29.
15 Qabel ma miet, lil dawk il-membri Lhud prospettivi taʼ dak il-ġens ġdid, Ġesù introduċielhom il-patt il-ġdid, li kellu jsir validu permezz taʼ demmu stess. Fuq il-bażi tal-fidi tagħhom f’dak is-sagrifiċċju li għamel validu l-patt il-ġdid, dawk li jiġu mdaħħlin f’dan il-patt kellhom jintgħamlu “perfetti għal dejjem.” (Lhud 10:14-18) Huma setgħu jiġu “dikjarati twajbin” u dnubiethom jiġu maħfurin. (1 Korintin 6:11, NW) B’hekk, f’dan is-sens huma bħalma kien Adam qabel ma dineb. Madankollu, dawn m’humiex se jgħixu f’ġenna taʼ l-art. Ġesù qal li kien sejjer iħejjilhom post fis-sema. (Ġwann 14:2, 3) Dawn iċedu l-prospetti taʼ ħajja fuq l-art sabiex ikollhom ‘wirt merfugħ għalihom fis-sema.’ (1 Pietru 1:4) X’se jagħmlu hemmhekk? Ġesù spjega: “Nagħmel patt magħkom . . . għal saltna.”—Luqa 22:29, NW.
16. Liema inkarigu taʼ l-għaġeb taʼ servizz hemm jistenna lill-Kristjani midlukin?
16 Mis-sema, dawk li se jsaltnu maʼ Kristu, fost affarijiet oħra, se jgħinu biex l-art tinħeles minn kull traċċa taʼ ribelljoni kontra s-sovranità taʼ Jehovah. (Apokalissi 2:26, 27) Bħala l-parti sekondarja tan-nisel spiritwali t’Abraham, huma se jkollhom sehem f’li jġibu l-barka taʼ ħajja perfetta lin-nies tal-ġnus kollha. (Rumani 8:17-21) X’wirt prezzjuż għandhom!—Efesin 1:16-18.
17. Il-Kristjani midlukin liema aspetti tal-wirt tagħhom igawdu waqt li għadhom fuq l-art?
17 Imma l-wirt tas-segwaċi midlukin taʼ Ġesù m’huwiex biss għall-futur. Ħadd ma setaʼ jgħinhom isiru jafu lil Jehovah, l-uniku Alla veru, bil-mod li għenhom Ġesù. (Mattew 11:27; Ġwann 17:3, 26) Bil-kliem u bl-eżempju, għallimhom x’ifisser li wieħed ‘jafda’ f’Jehovah u x’hemm involut f’li wieħed jobdi lil Jehovah. (Lhud 2:13, KŻ; 5:7-9) Ġesù fdalhom l-għarfien tal-verità dwar l-iskop t’Alla u aċċertahom li l-ispirtu qaddis kien se jiggwidahom biex ikunu jistgħu jifhmuh iktar bis-sħiħ. (Ġwann 14:24-26) Hu daħħlilhom f’moħħhom u f’qalbhom l-importanza tas-Saltna t’Alla. (Mattew 6:10, 33) Barra minn hekk, Ġesù fdalhom l-inkarigu biex jagħtu xiehda u jagħmlu dixxipli min-nies f’Ġerusalemm, fil-Lhudija, fis-Samarija u fl-iktar partijiet imbegħda taʼ l-art.—Mattew 24:14; 28:19, 20; Atti 1:8.
Wirt Prezzjuż għal Folla Kbira
18. Il-wegħda taʼ Jehovah li l-ġnus kollha kienu se jbierku lilhom infushom permezz tan-“nisel” taʼ Abraham, b’liema mod qed titwettaq illum?
18 X’aktarx li n-numru sħiħ taʼ Iżrael spiritwali, dik il-“merħla ċkejkna” taʼ werrieta tas-Saltna, diġà ġie magħżul. (Luqa 12:32) Jehovah issa ilu għaxriet taʼ snin li tefaʼ l-attenzjoni tiegħu fuq il-ġbir taʼ folla kbira taʼ nies oħra mill-ġnus kollha. B’hekk, il-wegħda li Jehovah għamel lil Abraham, li permezz tan-“nisel” tiegħu l-ġnus kollha kienu se jbierku lilhom infushom, qed titwettaq bil-kbir. Dawn l-uħud imberkin qegħdin bl-istess mod jagħtu servizz sagru lil Jehovah bil-ferħ u jagħrfu li s-salvazzjoni tagħhom tiddependi milli jkollhom fidi fil-Ħaruf t’Alla, Ġesù Kristu. (Apokalissi 7:9, 10) Aċċettajtha int l-istedina ħanina taʼ Jehovah biex tkun parti minn dan il-grupp hieni?
19. Lejn liema wirt qed iħarsu dawk li issa qed jiġu mberkin?
19 Jehovah liema wirt prezzjuż joffri lil dawk li m’humiex parti mill-merħla ċkejkna? Le, m’huwiex xi wirt fis-smewwiet. Hu dak il-wirt li Adam setaʼ għadda lil nislu—il-prospett taʼ ħajja eterna fil-perfezzjoni f’ġenna taʼ l-art li bil-mod il-mod se tinfirex madwar il-globu kollu. Se tkun dinja li fiha “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” (Apokalissi 21:4) Allura l-Kelma t’Alla lilek qed tgħidlek: “Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb; għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ; qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, u jagħtik dak li tixtieq qalbek. Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar . . Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu. Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:3, 4, 10, 11, 29.
20. In-“nagħaġ oħra” kif igawdu ħafna mill-wirt spiritwali tal-Kristjani midlukin?
20 In-“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù għandhom wirt fil-qasam taʼ l-art taʼ dik is-Saltna tas-sema. (Ġwann 10:16a) Għalkemm dawn m’humiex se jkunu fis-smewwiet, il-parti l-kbira tal-wirt spiritwali li se jgawdu l-midlukin se jiġi mgħoddi lilhom. Huwa permezz tan-numru kollettiv tal-midlukin bħala “l-ilsir leali u diskret,” li nfetaħ il-bieb biex in-nagħaġ oħra jistgħu jifhmu l-wegħdi prezzjużi li hemm fil-Kelma t’Alla. (Mattew 24:45-47, NW; 25:34) Ilkoll flimkien, dawn il-midlukin u n-nagħaġ oħra jafu u jqimu lill-uniku Alla veru, Jehovah. (Ġwann 17:20, 21) Ilkoll flimkien huma jroddu ħajr lil Alla għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, li għandu l-valur li jpatti għad-dnub. Huma jaqdu flimkien bħala merħla waħda taħt Ragħaj wieħed, Ġesù Kristu. (Ġwann 10:16b) Huma jagħmlu parti minn fratellanza globali waħda kollha mħabba. Għandhom l-istess privileġġ li jkunu Xhieda taʼ Jehovah u tas-Saltna tiegħu. Iva, jekk int qaddej dedikat u mgħammed taʼ Jehovah, dan kollu hu inkluż fil-wirt spiritwali tiegħek.
21, 22. Kif nistgħu lkoll kemm aħna nuru li ngħożżu l-wirt spiritwali tagħna?
21 Kemm tqisu bħala prezzjuż dan il-wirt spiritwali? Tgħożżu biżżejjed li tara li l-iktar ħaġa importanti f’ħajtek tibqaʼ dejjem dik li tagħmel ir-rieda t’Alla? Bħala evidenza taʼ dan, qiegħed int tagħti kas il-parir tal-Kelma tiegħu u taʼ l-organizzazzjoni tiegħu biex tattendi regolarment għal-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni Kristjana? (Lhud 10:24, 25) Tqisu dan il-wirt daqshekk taʼ valur li tkompli taqdi lil Alla minkejja t-tbatijiet? Huwa l-apprezzament tiegħek kbir biżżejjed li jsaħħek biex tirreżisti kull tentazzjoni li tagħmel xi ħaġa li tistaʼ twasslek biex titilfu?
22 Jalla lkoll kemm aħna ngħożżu l-wirt spiritwali li Alla tana. Waqt li nżommu għajnejna ffokati fuq il-Ġenna taʼ l-art li għandna quddiemna, ejja nieħdu sehem bis-sħiħ fil-privileġġi spiritwali li Jehovah qed jagħtina issa. Jekk fil-veru sens tal-kelma nibnu ħajjitna madwar ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah, aħna nkunu qed nuru kemm verament huwa prezzjuż għalina dan il-wirt li tana Alla. Jalla nkunu fost dawk li jiddikjaraw: “Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, u nbierek ismek għal dejjem taʼ dejjem.”—Salm 145:1.
Kif Tispjega?
• Li kieku Adam baqaʼ leali lejn Alla, liema wirt kien jgħaddilna?
• Nisel Abraham kif ittrattah il-wirt li huma setgħu jiksbu?
• X’hemm inkluż fil-wirt tas-segwaċi midlukin taʼ Kristu?
• X’inhu l-wirt tal-folla l-kbira, u dawn kif jistgħu juru li verament japprezzawh?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 20]
Nisel Abraham irċieva l-wegħda taʼ wirt prezzjuż
[Stampi f’paġna 23]
Tapprezza int il-wirt spiritwali tiegħek?