Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah Dejjem Jippremja lil Kulmin Hu Leali

Jehovah Dejjem Jippremja lil Kulmin Hu Leali

Bijografija

KIF RAKKONTATA MINN VERNON DUNCOMBE

Kien fil-​għaxija. Kont għadni kemm kilt u bħas-​soltu qabbadt sigarett. Imbagħad lil marti Aileen staqsejtha: “Kif marret il-​laqgħa l-​lejla?”

QAGĦDET taħsibha ftit u mbagħad qalet: “Inqrat ittra biex iħabbru xi ħatriet ġodda, u semmew lilek. Ħatruk bħala dak li jieħu ħsieb il-​mikrofoni u d-​daqq tal-​mużika. L-​aħħar sentenza taʼ l-​ittra kienet tgħid: ‘Jekk xi ħadd minn dawk li nħatru għadu jpejjep, dan għandu d-​dmir li jikteb lis-​Soċjetà biex jgħidilha li ma jistax jaċċetta l-​inkarigu.’” a It-​tweġiba tiegħi ħarġet imkarkra imma deċiżiva: “Sewwa, sewwa, sewwa! Mela hekk qalu.”

Heżżiżt snieni u għaffiġt is-​sigarett fl-​ashtray li kien hemm ħdejja. “Ma nafx għaliex għażlu lili għal din il-​ħatra. Imma s’issa għadni qatt ma rrifjutajt xi inkarigu, u mhux bi ħsiebni nibda issa.” Iddeċidejt li qatt ma npejjep iktar u dik id-​deċiżjoni kellha effett profond fuq ħajti bħala Kristjan u bħala mużiċist. Nixtieq nirrakkonta xi ftit mill-​ġrajjiet li wasslu għal din id-​deċiżjoni.

Il-​Ħajja fil-​Familja Meta Kont Għadni Żgħir

Twelidt f’Toronto, il-​Kanada, nhar il-​21 taʼ Settembru, 1914. Kont l-​ewwel minn erbaʼ subien u żewġt ibniet taʼ Vernon u Lila, ġenituri li kienu jħobbuna ferm u kienu jaħdmu iebes għalina. Warajja fl-​età kien hemm ħuti Yorke, imbagħad Orlando, Douglas, Aileen u Coral. Meta kien għad kelli disaʼ snin, ommi poġġietli vjolin f’idejja u rranġatli biex nibda nitgħallem il-​mużika fl-​Iskola tal-​Mużika taʼ Harris. Il-​ħajja kienet iebsa, imma ommi u missieri sabu minfejn iħallsu l-​miżata taʼ l-​iskola u l-​ispejjeż tat-​trasport. Iktar tard studjajt it-​teorija u l-​armonija tal-​mużika fil-​Konservatorju Rjali tal-​Mużika f’Toronto. Fl-​età taʼ 12-il sena, ħadt sehem f’konkors taʼ daqq taʼ mużika bl-​amment f’Massey Hall, teatru prestiġjuż tal-​mużika fil-​qalba taʼ Toronto. Il-​konkors kien miftuħ għall-​mużiċisti żgħażagħ kollha f’dik il-​belt. Jien ġejt l-​ewwel u rbaħt vjolin mill-​isbaħ li tawhuli f’kaxxa miksija bil-​ġilda tal-​kukkudrill.

Maż-żmien tgħallimt ukoll indoqq il-​pjanu u l-​kuntrabaxx. Grupp minna konna spiss indoqqu f’riċevimenti żgħar u fi żfin organizzat għall-​istudenti nhar taʼ Ġimgħa u s-​Sibt fil-​għaxija. Kien f’waħda minn dawn is-​serati taʼ żfin li ltqajt għall-​ewwel darba maʼ Aileen. Matul l-​aħħar sena fl-​iskola sekondarja, kont indoqq maʼ diversi orkestri madwar il-​belt kollha. Wara li spiċċajt mill-​iskola ġejt mistieden nidħol fl-​orkestra taʼ Ferde Mowry, u dan kien għalija impjieg tajjeb u regulari sa l-​1943.

Insir Naf lil Jehovah

Ommi u missieri ltaqgħu mal-​verità tal-​Bibbja għall-​ewwel darba ftit qabel ma faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Missieri kien jieħu ħsieb il-​vetrini fi stabbiliment kbir fil-​qalba taʼ Toronto u, fil-​kamra taʼ l-​ikel, kien joqgħod jismaʼ l-​konversazzjoni għaddejja bejn żewġ ħaddiema oħra li kienu Studenti tal-​Bibbja (kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien). Imbagħad, meta kien jiġi d-​dar fil-​għaxija, lil ommi kien joqgħod jgħidilha b’dak li jkun samaʼ. Xi snin wara, fl-​1927, l-​Istudenti tal-​Bibbja organizzaw konvenzjoni kbira ġo Toronto fil-​Coliseum li jagħmel parti mill-​Canadian National Exhibition Grounds. Aħna konna noqogħdu żewġ kantunieri ’l bogħod u żammejna magħna 25 ruħ li ġew minn Ohio, fl-​Istati Uniti.

Wara dan, waħda mill-​Istudenti tal-​Bibbja, Ada Bletsoe, taʼ spiss bdiet iżżur lil ommi u tħallilha l-​letteratura li tkun għadha kif ħarġet. Darba minnhom qaltilha: “Mrs. Duncombe, ili żmien inħallilek il-​letteratura. Qatt qrajt xi ħaġa minnha?” Għalkemm kellha sitt itfal xi trabbi, ommi daħħlitha f’rasha li r-​rivisti tibda taqrahom mill-​bidu sa l-​aħħar, u qatt ma waqfet. Madankollu, jien ma tantx tajt kasha l-​letteratura. Kont qed nipprova ngħaddi mill-​eżamijiet u kont involut ħafna fil-​mużika.

F’Ġunju taʼ l-​1935, jien u Aileen iżżewwiġna fi knisja Anglikana. Peress li kont tlaqt mill-​United Church meta kelli 13-il sena, ma kelli ebda rbit reliġjuż ieħor; u allura fir-​reġistru taż-​żwieġ niżżilt li jien kont wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, avolja ma kontx Xhud.

Ridna li fil-​futur irrabbu familja u xtaqna li nkunu ġenituri tajbin. Għaldaqstant, bdejna naqraw it-​Testment il-​Ġdid flimkien. Madankollu, għalkemm l-​intenzjoni kienet hemm, kien hemm affarijiet oħrajn li bdew itellfuna. Erġajna pprovajna iktar tard imma ġara l-​istess. Imbagħad fil-​Milied taʼ l-​1935 irċivejna ktieb imgeżwer bħala rigal li kien jismu The Harp of God. Marti qaltli: “X’rigal tal-​Milied mhux tas-​soltu bagħtitilna ommok.” Xorta waħda, wara li tlaqt għax-​xogħol, hi bdiet taqrah u għoġobha. Għal xi żmien ma kont naf b’xejn dwar dan. Rigward ix-​xewqa tagħna li rrabbu familja, din ma rnexxietx. It-​tarbija tifla li twelditilna fl-​1 taʼ Frar, 1937, mititilna. Kemm tnikkitna!

Dik il-​ħabta, il-​familja tiegħi kienet qed tieħu sehem b’mod attiv fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u kont sirt naf li missieri kien l-​uniku pubblikatur tas-​Saltna fil-​familja li kien għadu ma sab lil ħadd li jaċċetta mingħandu abbonament fir-​rivista Consolation (illum Stenbaħ!). Dik kienet il-​mira fil-​ministeru taʼ l-​għalqa għal dak ix-​xahar. Avolja ma kont għadni qrajt ebda pubblikazzjoni minn tas-​Soċjetà, iddispjaċieni għalih u għedtlu: “OK, pa, abbona lili; u hekk tkun bħall-​oħrajn.” Ġie s-​sajf, u l-​orkestra ċċaqalqet barra l-​belt biex iddoqq f’post fejn kien ikun hemm it-​turisti. Ir-​rivista Consolation ġiet hemm bil-​posta. Ġiet il-​ħarifa, u l-​orkestra ġiet lura Toronto. Ir-​rivisti komplew jaslu fl-​indirizz il-​ġdid tagħna, u kont għadni lanqas biss ftaħt waħda minnhom.

Matul waħda mill-​btajjel tal-​Milied, ħarist lejn il-​munzell taʼ rivisti li kelli u kkonkludejt li, ladarba kont ħallast għalihom, kien imissni naqra mqar xi ftit minnhom biex nara x’kien fihom. L-​ewwel waħda li ftaħt ħasditni. Kien fiha artiklu li jikxef l-​intriċċi politiċi u l-​korruzzjoni li kien hemm dak iż-​żmien. Bdejt nitkellem maʼ sħabi l-​mużiċisti dwar dak li kont qed naqra. Imma bdew imeruni, u allura kelli nkompli naqra iżjed sabiex niddefendi ruħi. Bla ma kont naf, kont bdejt nagħti xiehda dwar Jehovah. U minn dak iż-​żmien ’l hawn, qatt ma waqaft naqrahom il-​pubblikazzjonijiet Bibliċi mill-​aqwa taʼ “l-​ilsir leali u diskret.”—Mattew 24:​45, NW.

Għalkemm matul il-​ġimgħa kont dejjem imħabbat minħabba x-​xogħol, ma domtx ma bdejt nattendi l-​laqgħat taʼ nhar taʼ Ħadd maʼ Aileen. Darba minnhom fl-​1938, hekk kif wasalna għal-​laqgħa tal-​Ħadd, laqgħuna żewġ aħwa nisa mdaħħlin fiż-​żmien, u waħda minnhom qaltli: “Ħija żagħżugħ, għadek ma ħadthiex il-​waqfa tiegħek favur Jehovah? Taf int, Armageddon qegħda bieb u għatba!” Kont naf li Jehovah hu l-​uniku Alla veru, u kont konvint li din hi l-​organizzazzjoni tiegħu. Ridt inkun parti minnha, u għalhekk fil-​15 t’Ottubru, 1938, tgħammidt. Aileen tgħammdet xi sitt xhur warajja. Inħossni tant ferħan li l-​membri kollha tal-​familja tiegħi saru qaddejja dedikati taʼ Jehovah.

X’ferħ ġarrabt fi sħubija mal-​poplu t’Alla! Malajr bdejt inħossni komdu magħhom. Meta ma kontx inkun nistaʼ nattendi, kont inkun dejjem ħerqan biex inkun naf x’ġara waqt il-​laqgħat. Dik il-​lejla partikulari li semmejt fil-​bidu kienet waħda li ġabet bidla kbira fis-​servizz tiegħi lil Jehovah.

Żmien taʼ Bidla Kbira Għalina

Xi ħaġa oħra sinjifikanti li ġabet bidla ġrat fl-​1 taʼ Mejju taʼ l-​1943. F’Settembru tas-​sena taʼ qabel konna attendejna konvenzjoni kbira għall-​ewwel darba, l-​Assemblea Teokratika tad-​Dinja l-​Ġdida fi Cleveland, Ohio. Hemmhekk, sewwa sew f’nofs taʼ gwerra dinjija terribbli li kienet donnha qatt ma se tispiċċa, smajna lil Ħuna Knorr, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Society, b’kuraġġ kbir jagħti t-​taħdita pubblika eċċitanti, “Il-​Paċi—Jistaʼ Jkun li Tibqaʼ?” Għadna niftakru sew kif uriena, minn kapitlu 17 taʼ l-​Apokalissi, li kellu jkun hemm perijodu taʼ paċi wara li tispiċċa l-​gwerra u li matulu kellu jitwettaq xogħol kbir taʼ ppridkar.

L-iktar li laqtitna kienet it-​taħdita mogħtija minn Ħuna Knorr iktar kmieni, “Ġeftaħ u l-​Wegħda li Għamel.” Hemm kienet saret sejħa għal iktar pijunieri! Jien u Aileen ħarisna lejn xulxin u għedna għalenija (flimkien maʼ ħafna oħrajn f’dak iż-​żmien): “Għalina qed jgħid!” Minnufih bdejna nippjanaw biex nimxu ’l quddiem ħalli nagħmlu xogħol iktar importanti.

Projbizzjoni fuq ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah kienet ilha teżisti fil-​Kanada sa mill-​4 taʼ Lulju, 1940. Meta bdejna bħala pijunieri fl-​1 taʼ Mejju, 1943, kienet għadha xi ħaġa illegali li tagħti xiehda dwar Jehovah u li toffri l-​letteratura tas-​Soċjetà fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Fil-​qadi tagħna bħala Kristjani, konna nġorru magħna biss il-​kopja persunali tagħna tal-​verżjoni tal-​Bibbja King James. Ftit jiem biss wara li ngħatajna l-​ewwel inkarigu tagħna bħala pijunieri fil-​belt taʼ Parry Sound, ġewwa Ontario, Stewart Mann, pijunier taʼ esperjenza, intbagħat mill-​uffiċċju tal-​fergħa biex jaħdem fl-​għalqa magħna. Xi provvediment taʼ mħabba kien dak! Ħuna Mann kellu manjieri sbieħ ferm u dejjem kien bi tbissima fuq fommu. Tgħallimna ħafna mingħandu u veru ħadna pjaċir naħdmu miegħu. Konna qed immexxu għadd taʼ studji tal-​Bibbja meta s-​Soċjetà bagħtitna naħdmu fil-​belt taʼ Hamilton. Ftit wara dan, għalkemm kont qbiżt l-​età tal-​lieva, bagħtu għalija biex inservi fl-​armata. Talli ma ridtx nidħol suldat arrestawni nhar il-​31 taʼ Diċembru, 1943. Wara li tellgħuni l-​qorti, kelli niskonta sentenza f’kamp tax-​xogħol alternattiv sa Awissu taʼ l-​1945.

Preċiż wara li nħlist, jien u Aileen irċivejna inkarigu bħala pijunieri li ħadna fil-​belt taʼ Cornwall, Ontario. Ftit wara dan, irħejnielha lejn Quebec wara li d-​Dipartiment Legali tas-​Soċjetà tana inkarigu speċjali biex ngħinu f’xi kawżi li kien hemm quddiem il-​qorti. Dan kien fi żmien Duplessis ġewwa Quebec, meta l-persekuzzjoni kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah kienet l-​iktar ħarxa. F’ħafna ġranet kull ġimgħa, kont insib ruħi f’xi erbaʼ swali differenti tal-​qorti biex ngħin lil ħutna. Dawk kienu żminijiet eċċitanti li jsaħħu l-​fidi.

Wara l-​konvenzjoni taʼ Cleveland fl-​1946, ngħatajna inkarigi għal xogħol distrettwali u tas-​circuit li ħa lili u lil marti minn tarf għall-​ieħor tal-​Kanada. Kienu qed jiġru ħafna affarijiet malajr. Fl-​1948 ġejna mistidnin nattendu l-​11-il klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Ħutna Albert Schroeder u Maxwell Friend kienu tnejn mill-​għalliema tagħna, u l-​klassi tagħna taʼ 108 studenti kienet tinkludi 40 mill-​midlukin. Kienet tabilħaqq esperjenza taʼ ġid kbir, meta tqis li kellna magħna tant qaddejja taʼ Jehovah li kienu ilhom jaqdu għal bosta snin!

Darba minnhom ġie jżurna minn Brooklyn Ħuna Knorr. Fit-​taħdita tiegħu, hu talab għal 25 volontier biex jitgħallmu l-​lingwa Ġappuniża. Il-​108 li konna offrejna ruħna! Kienet biċċa xogħol għall-​president li jagħżel hu min kienu se jkunu. Naħseb li Jehovah ggwidaha l-​għażla għax veru ma setgħetx tkun aħjar. Ħafna mill-​25 li ntgħażlu u li mbagħad kellhom il-​privileġġ li jiftħu x-​xogħol fil-​Ġappun għadhom jaqdu hemm sal-​lum. Xjaħu, iva, imma għadhom hemm. Xi wħud, bħal Lloyd u Melba Barry, iktar tard ngħataw ħatriet f’postijiet oħrajn. Lloyd kien membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna sa ma miet is-​sena l-​oħra. Flimkien magħhom ilkoll nifirħu bir-​rigal li tana Jehovah.

Wasal jum il-​gradwazzjoni, u aħna ntbgħatna l-​Ġamajka. Madankollu, peress li kien għad hemm xi kawżi pendenti quddiem il-​qorti fi Quebec, qalulna biex immorru lura l-​Kanada.

Ħafna Iktar Mużika!

Għalkemm il-​mużika kont tlaqtha biex insir pijunier, milli jidher il-​mużika ma telqitnix. Is-​sena taʼ wara, il-​president tas-​Soċjetà, Nathan Knorr, u s-​segretarju tiegħu, Milton Henschel, ġew fl-​arena taʼ Maple Leaf Gardens, ġewwa Toronto. It-​taħdita pubblika taʼ Ħuna Knorr intitolata “Tard Iktar Milli Taħseb Int!” saħħret lil kulħadd. Għall-​ewwel darba, jien ġejt mistieden nieħu ħsieb l-​orkestra tal-​konvenzjoni. Ħejjejna arranġamenti bil-​valz għal xi għanjiet popolari mill-​Kingdom Service Song Book (1944). L-​aħwa dehru li għoġobhom ix-​xogħol. Meta spiċċa l-​programm is-​Sibt wara nofsinhar, bdejna nipprattikaw dak li konna se ndoqqu l-​Ħadd. Minn taħt għajnejja lmaħt lil Ħuna Henschel ġej lejna min-​naħa l-​oħra taʼ l-​arena, u jien waqqaft l-​orkestra sabiex inkun nistaʼ mmur niltaqaʼ miegħu. Staqsieni: “Kemm għandek mużiċisti hawnhekk f’din l-​orkestra?” “Meta nkunu kollha preżenti, madwar 35,” weġibtu. “Tajjeb wisq. Is-​sajf li ġej fi New York se jkollok id-​doppju,” qalli.

Madankollu, qabel ma wasal is-​sajf, ġejt mistieden immur Brooklyn. Minħabba ċ-​ċirkustanzi, Aileen għall-​ewwel ma setgħetx tiġi miegħi. Il-​bini l-​ġdid f’124 Columbia Heights kien għadu ma tlestiex għalkollox. Allura tawni sodda fil-​bini oriġinali, f’kamra żgħira maʼ żewġ aħwa mill-​midlukin. Dawn kienu x-​xwejjaħ Ħuna Payne u Karl Klein, li miegħu kont qed niltaqaʼ għall-​ewwel darba. Konna marsusin? Iva. Imma xorta waħda ingwalajnieha flimkien. Iż-​żewġ aħwa, li t-​tnejn kienu akbar minni fl-​età, kienu l-​veru paċenzjużi u jissaportu. Kont nipprova ma nkunx taʼ xkiel! Kienet lezzjoni tajba dwar x’kapaċi jwettaq l-​ispirtu t’Alla. Mill-​fatt li ltqajt maʼ Ħuna Klein u ħdimt miegħu ksibt tant u tant barkiet! Dejjem kien qalbu tajba u lest biex jgħin. Konna naħdmu tajjeb flimkien u bqajna ħbieb tal-​qalb għal iktar minn 50 sena.

Kien privileġġ kbir għalija li nassisti bil-​mużika fil-​konvenzjonijiet taʼ Yankee Stadium fl-​1950, fl-​1953, fl-​1955 u fl-​1958. Fl-​1963 ukoll kelli sehem fir-​responsabbiltajiet orkestrali maʼ Al Kavelin fil-​konvenzjoni li saret fl-​istadju taʼ Rose Bowl, ġewwa Pasadena, il-​Kalifornja. Fil-​konvenzjoni ġewwa Yankee Stadium fl-​1953, ġie preżentat programm mużikali l-​Ħadd qabel it-​taħdita pubblika. Erich Frost introduċa lis-​soprana Edith Shemionik (li wara saret Weigand), li kantat il-​kompożizzjoni tiegħu “Ejjew, bħala Xhieda!” bl-​akkumpanjament orkestrali tagħna. Imbagħad fraħna ferm meta, għall-​ewwel darba, smajna l-​ilħna ħelwin u sbieħ taʼ ħutna rġiel u nisa mill-​Afrika. Mir-​Rodeżja tat-​Tramuntana (illum Żambja), il-​missjunarju Harry Arnott kien ġab tejp mill-​isbaħ irrekordjat biex nieħdu pjaċir nisimgħuh. Il-​ħoss taʼ dawk l-​ilħna beda jidwi maʼ l-​istadju kollu.

L-​Irrekordjar tal-​Ktieb taʼ l-​Għanjiet taʼ l-​1966

Tiftakru l-​ktieb taʼ l-​għanjiet bil-​qoxra ratba roża, “Singing and Accompanying Yourselves With Music in Your Hearts”? Meta konna qed nagħmlu l-​aħħar preparazzjonijiet għalih, Ħuna Knorr qalli: “Se nirrekordjaw xi ħaġa minnhom. Irridek torganizza orkestra żgħira, bi ftit vjolini u xi żewġ flawti. Ma rrid ’il ħadd ‘joqgħod idoqq it-​trombi’!” Is-​Sala tas-​Saltna f’Betel kellha sservi bħala studjo, imma konna qed ninkwetaw xi ftit dwar dan. X’kien se jiġri hekk kif il-​ħoss tal-​mużika jirbombja mal-​ħitan bla purtieri, mal-​madum taʼ l-​art, u mas-​siġġijiet tal-​ħadid li jingħalqu? Min setaʼ jgħinna nsolvu l-​problemi taʼ l-​eku li jinħoloq? Xi ħadd issuġġerixxa lil Tommy Mitchell, li kien jaħdem maʼ l-​ABC Network Studios. Ikkuntattjajna lil Ħuna Mitchell, li aċċetta mill-​qalb li jgħinna.

Wasal l-​ewwel Sibt fil-​għodu meta kellna nibdew nirrekordjaw. Hekk kif il-​mużiċisti bdew jaslu wieħed wieħed, ħu minnhom kellu kaxxa tat-​trumbun f’idu. Jien ftakart x’kien qalli Ħuna Knorr: “Ma rrid ’il ħadd ‘joqgħod idoqq it-​trombi’!” Issa, xi stajt nagħmel? Qgħadt inħares lejn dan il-​ħu joħroġ it-​trumbun mill-​kaxxa, iwaħħal it-​truf f’posthom, u jibda jdoqq xi ħaġa. Dak il-​ħu kien Tom Mitchell, u l-​ewwel ftit noti li daqq kienu tant sbieħ. It-​trumbun beda jinstemaʼ qisu vjolin! Għedt bejni u bejn ruħi, ‘dan il-​ħu għal magħna!’ Ħuna Knorr qatt m’oġġezzjona.

F’dik l-​orkestra, kellna grupp taʼ mużiċisti mill-​aqwa li kienu wkoll aħwa rġiel u nisa li verament jafu jħobbu. Ħadd minnhom ma kien xi prima donna! L-​irrekordjar kien biċċa xogħol iebsa, imma lanqas ħadd ma gerger. Meta lestejna kollox, kien hemm id-​dmugħ f’għajnejn kulħadd; u l-​ħbiberija intima li sibna f’xulxin għadha teżisti sal-​lum fost dawk li ħadu sehem. Kollha kemm aħna ħadna pjaċir b’dak il-​privileġġ u, grazzi għal Jehovah, għamilna li kellna nagħmlu.

Privileġġi Premjanti Oħrajn

Wara dawn is-​snin kollha għadni ngawdi l-​ministeru full-time. Qattajt 28 sena f’inkarigi taʼ xogħol fis-​circuit u fid-​distrett u kull waħda minnhom kienet taʼ ferħ għalija. Wara dan qattajt ħames snin nieħu ħsieb is-​Sala taʼ l-​Assembleat f’Norval, Ontario, fejn issir assemblea tas-​circuit fi tmiem kull ġimgħa u fejn isiru wkoll il-​konvenzjonijiet distrettwali bil-​lingwi barranin. Jien u Aileen dejjem kien ikollna x’nagħmlu. Fl-​1979/80, il-​faċilitajiet tas-​Sala taʼ l-​Assembleat intużaw mill-​periti u l-​inġiniera biex ifasslu l-​fergħa futura tas-​Soċjetà f’Halton Hills. Wara x-​xogħol li għamilna fis-​Sala taʼ l-​Assembleat, inkarigu ieħor wassalni biex ikolli iktar sehem fil-​qasam tal-​mużika fi Brooklyn, mill-​1982 sa l-​1984.

L-għażiża marti mietet fis-​17 taʼ Ġunju, 1994, sebat ijiem biss wara li konna ċċelebrajna d-​59 anniversarju taż-​żwieġ tagħna. Konna qattajna 51 sena taʼ servizz devot bħala pijunieri flimkien.

Meta nirrifletti fuq il-​ħafna esperjenzi li għaddejt minnhom f’ħajti, niftakar kif il-​Bibbja kienet għalija gwida prezzjuża ferm. Xi kultant nuża l-​Bibbja persunali taʼ Aileen u nħoss ferħ kbir meta ninnota l-​versi sħaħ, il-​frażijiet speċifiċi u l-​kliem individwali li kienu messewlha qalbha u li kienet immarkat. Bħalma kien fil-​każ taʼ Aileen, jien ukoll għandi skritturi li fihom tifsira speċjali għalija. Waħda minnhom hija Salm 137, li jesprimi din it-​talba sabiħa lil Jehovah: “Ħa ma nkun nistaʼ ndoqqha qatt iktar l-​arpa jekk ninsiek, Ġerusalemm! Ħa ma nkun nistaʼ nkanta qatt iktar jekk ma niftakarx fik, jekk ma naħsibx fik bħala l-​akbar ferħ tiegħi!” (Salm 137:​5, 6, Today’s English Version) Għalkemm il-​mużika nħobbha, l-​akbar ferħ tiegħi jiġi milli naqdi lealment lil Jehovah, li ppremjani b’ħajja mimlija u sodisfaċenti.

[Nota taʼ taħt]

a The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Ġunju, 1973, spjega għala kien li minn dak iż-​żmien ’il quddiem kull individwu kellu jieqaf ipejjep qabel ma setaʼ jitgħammed u jsir wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 28]

Maʼ Aileen fl-​1947

[Stampa f’paġna 30]

Waħda mis-​sessjonijiet bikrin biex nirrekordjaw