‘Jitkellmu Dwar it-Tjubija u l-Imħabba’
F’DAWN l-aħħar snin, ix-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza saru l-mira taʼ kampanja intensa biex isimhom jitħammeġ b’akkużi foloz. L-għedewwa tagħhom użaw ħafna nofs veritajiet u tagħrif żbaljat biex il-pubbliku jingħata impressjoni ħażina tagħhom. Fil-bidu taʼ l-1999, ix-Xhieda taʼ Jehovah maʼ Franza kollha qassmu mat-12-il miljun kopja taʼ fuljett bit-titlu Nies taʼ Franza, Qegħdin Titqarrqu! F’dan il-fuljett, huma ċaħdu għalkollox l-istqarrijiet malafamanti li saru kontrihom.
Ftit tal-jiem wara dik il-kampanja, Mr. Jean Bonhomme, tabib li darba kien ukoll membru parlamentari, bagħat ittra miftuħa lil ġurnal lokali. Fiha kiteb: “Minn żmien għal żmien, ix-Xhieda taʼ Jehovah jiġu jżuruni d-dar. Jiġu jkellmuni dwar it-tjubija u l-imħabba universali. . . . Ma jisforzawnix. Jesprimu ruħhom bil-kalma u joqogħdu jisimgħuni bil-ħlewwa meta nesprimi d-dubji tiegħi.”
Rigward il-ħarsa spiritwali tax-Xhieda taʼ Jehovah, Mr. Bonhomme qal: “Il-fatt li huma maqtugħin mid-dinja, fil-każ tagħhom, ma tantx jistaʼ jagħmel ħsara. Mill-banda l-oħra, il-mod kif ċerti politikanti huma maqtugħin mid-dinja huwa ferm iktar taʼ theddida għall-paċi taċ-ċittadini u għall-armonija tas-soċjetà.”