Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tissaqqa ż-Żerriegħa tal-Verità fiċ-Ċilì

Tissaqqa ż-Żerriegħa tal-Verità fiċ-Ċilì

Proklamaturi tas-​Saltna Jirrapportaw

FID-​DEŻERT li hemm fit-​tramuntana taċ-​Ċilì, jafu jgħaddu bosta snin qabel ma tagħmel ix-​xita. Imma meta tagħmel, l-​art niexfa kollha blat tinbidel f’tapit mill-​isbaħ taʼ fjuri taʼ kull lewn. Din il-​wirja spettakolari tiġbed turisti mill-​pajjiż kollu.

Madankollu, xi ħaġa ferm iktar interessanti minn din qed isseħħ fost in-​nies taċ-​Ċilì. L-​ilmijiet tal-​verità mill-​Bibbja qegħdin igelglu lejn kull rokna taʼ dan il-​pajjiż, u ħafna nies sinċieri qegħdin “iwarrdu” billi jsiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. Mezz wieħed li qed jintuża biex jixxerrdu dawn l-​ilmijiet taʼ verità huwa t-​telefon. L-​esperjenzi li ġejjin juru l-​frott tajjeb li qed jinħasad permezz taʼ dan il-​metodu taʼ għoti taʼ xiehda.

• Karina, evanġelizzatriċi full-time, ġiet mistiedna tieħu sehem f’assemblea tas-​circuit biex turi lill-​udjenza kif tagħti xiehda bit-​telefon. Madankollu, Karina, qatt ma kienet ipprovat tagħti xiehda b’dan il-​metodu. Għalhekk, sabiex jinkuraġġixxu lil Karina tieħu sehem fil-​programm taʼ l-​assemblea, wieħed anzjan u martu għaddew magħha xi punti dwar kif tistaʼ tagħti xiehda bit-​telefon. Ħeġġewha wkoll biex titlob lil Jehovah jmexxiha hu f’din il-​ħaġa. Hekk għamlet, u sa fl-​aħħar iddeċidiet li tipprova ċċempel lil xi ħadd.

Karina għażlet numru tat-​telefon minn raħal fil-​qrib. Dik li wieġbet kienet it-​telephone operator. Karina spjegatilha l-​iskop tat-​telefonata tagħha, u l-​mara dehret li ħadet pjaċir. Huma ftehmu li jerġgħu jitkellmu tlett ijiem wara, u ż-​żjara lura bit-​telefon wasslet biex inbeda studju tal-​Bibbja minn fuq il-​pubblikazzjoni Alla X’Jirrikjedi Minna? Minn dakinhar ’l hawn, l-​istudji li għamlu flimkien kienu tassew interessanti u pjaċevoli, u Karina bagħtitilha xi letteratura biex twieġeb il-​mistoqsijiet tagħha.

• Bernarda ħadet l-​inizjattiva biex tagħti xiehda lil wieħed raġel li ċemplilha bi żball. Minflok ma ħaditu bil-​herra, Bernarda introduċiet lilha nfisha bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah u staqsietu fiex setgħet tgħinu. Dan ta bidu għal diskursata bejniethom, u r-​raġel qagħad jismagħha waqt li spjegatlu kif is-​Saltna t’Alla dalwaqt se tneħħi kull inġustizzja. Ir-​raġel taha n-​numru tat-​telefon tiegħu, u hi għamlitlu żjajjar lura permezz tat-​telefon. Matul waħda mid-​diskursati tagħhom, Bernarda qratlu silta mill-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem. Hu staqsieha minfejn setaʼ jikseb kopja, u għalhekk Bernarda bagħtitlu waħda, flimkien maʼ kopja tal-​Bibbja. Saru arranġamenti biex imur s’għandu wieħed mill-​aħwa li joqgħod f’dawk l-​inħawi. Dan il-​ħu issa qed ikompli “jsaqqi” din il-​“pjanta” li qed tiffjorixxi.

Tabilħaqq, fil-​ħamrija spiritwali niexfa qoxqox taʼ din id-​dinja, hemm żerriegħa moħbija lesta biex tinbet malli tintlaħaq mill-​ilmijiet tal-​verità li jagħtu l-​ħajja. Hemm eluf taʼ nies bl-​għatx li qed ikomplu “jinbtu” u “jwarrdu” billi jsiru qaddejja leali t’Alla Jehovah.—Isaija 44:​3, 4.