Uri Attitudni taʼ Stennija!
“Nistenna ’l Alla tas-salvazzjoni tiegħi, Alla tiegħi jismagħni.”—MIKEA 7:7.
1, 2. (a) Attitudni ħażina kif kienet taʼ ħsara għall-Iżraelin meta kienu fix-xagħri? (b) Kristjan x’jistaʼ jiġrilu jekk ma jikkultivax attitudni xierqa?
ĦAFNA affarijiet fil-ħajja nistgħu nqisuhom jew b’mod pożittiv jew b’mod negattiv, jiddependi mill-attitudni tagħna. Meta l-Iżraelin kienu fix-xagħri, Alla b’mod mirakoluż ipprovdielhom il-manna. Kien ikun ferm aħjar kieku ħarsu ħarsa madwarhom u raw l-art niexfa li kien hemm hemmhekk, għaliex b’hekk żgur li kienu jħossuhom grati ferm lejn Jehovah għall-għajxien tagħhom. Kieku għamlu hekk, kienu juru li kellhom attitudni pożittiva. Minflok, huma qagħdu jixxennqu għall-varjetà kbira taʼ ikel li kellhom fl-Eġittu u lmentaw li l-manna ma kellhiex togħma tajba. X’attitudni negattiva din!—Numri 11:4-6.
2 Illum, l-attitudni taʼ Kristjan tistaʼ bl-istess mod iġġiegħel l-affarijiet jidhru jew sbieħ jew koroh. Mingħajr l-attitudni xierqa, Kristjan malajr jistaʼ jitlef il-ferħ, u din tkun xi ħaġa serja, għaliex bħalma qal Neħemija: ‘Il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħna.’ (Neħemija 8:10) Attitudni pożittiva u ferriħija tgħinna biex nibqgħu b’saħħitna u biex ikollna l-paċi u l-għaqda fil-kongregazzjoni.—Rumani 15:13; Filippin 1:25.
3. L-attitudni xierqa li kellu Ġeremija kif għenitu fi żminijiet diffiċli?
3 Ġeremija wera attitudni pożittiva minkejja li kien jgħix fi żminijiet diffiċli. Saħansitra meta kien qed jara l-affarijiet orribbli li kienu qed iseħħu f’Ġerusalemm, meta din waqgħet fis-sena 607 Q.E.K., hu setaʼ jara l-affarijiet mil-lat pożittiv. Jehovah ma kienx se jinsa lil Iżrael, u l-ġens kien se jsalva. Fi ktieb Il-Biki taʼ Ġeremija, hu kiteb: “Hu bi grazzja tal-Mulej li aħna ma ntemmejniex għalkollox, għax il-ħniniet tiegħu ma jonqsu qatt: Jiġġeddu kull filgħodu. Kbira l-fedeltà tiegħek!” (Il-Biki taʼ Ġeremija 3:22, 23, KŻ) Matul l-istorja, il-qaddejja t’Alla li għaddew minn ċirkustanzi diffiċli ferm għamlu ħilithom biex iżommu attitudni pożittiva, saħansitra ferriħija.—2 Korintin 7:4; 1 Tessalonikin 1:6; Ġakbu 1:2.
4. Ġesù liema attitudni żamm, u din kif għenitu?
4 Sitt mitt sena wara Ġeremija, l-attitudni pożittiva li kellu Ġesù għenitu jissaporti. Naqraw li Ġesù “Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta zokk tat-tortura, billi stmerr l-għajb, u qagħad bil-qegħda fuq il-leminija tat-tron t’Alla.” (Lhud 12:2, NW) Kienet x’kienet l-oppożizzjoni jew il-persekuzzjoni li kellu jiffaċċja, saħansitra l-agunija fuq iz-zokk tat-tortura, hu żamm għajnejh fuq il-“ferħ li tqiegħed quddiemu.” Dak il-ferħ kien il-privileġġ li jivvindika s-sovranità taʼ Jehovah u jqaddes ismu, kif ukoll il-prospett li jġib barkiet kbar fuq l-umanità ubbidjenti fil-futur.
Irridu Nadottaw Attitudni taʼ Stennija
5. Liema hi sitwazzjoni waħda fejn attitudni taʼ stennija se tgħinna nżommu l-ħarsa xierqa lejn l-affarijiet?
5 Jekk nikkultivaw attitudni mentali bħal dik taʼ Ġesù, m’aħniex se nitilfu l-ferħ taʼ Jehovah, saħansitra meta l-affarijiet ma jiġux meta u kif nistennewhom aħna. Il-profeta Mikea qal: “Imma jien nittama fil-Mulej, nistenna ’l Alla tas-salvazzjoni tiegħi, Alla tiegħi jismagħni.” (Mikea 7:7; Lamentazzjonijiet 3:21, NW) Aħna wkoll nistgħu nuru attitudni taʼ stennija. Kif? B’ħafna modi. Per eżempju, forsi nħossu li wieħed mill-aħwa li għandu responsabbiltà t’awtorità aġixxa b’mod żbaljat u jeħtieġ li jiġi kkoreġut fil-pront. Attitudni taʼ stennija se tgħinna nirriflettu, ‘Veru żbalja, jew jien fhimt ħażin? Jekk żbalja, jistaʼ jkun il-każ li Jehovah qed jippermetti li jiġru dawn l-affarijiet għaliex iħoss li l-individwu se jitjieb u li mhux se jkun hemm bżonn jittieħdu passi drastiċi biex titranġa s-sitwazzjoni?’
6. Attitudni taʼ stennija kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd li qiegħed jissielet maʼ xi problema persunali?
6 Jistaʼ jkollna bżonn inżommu attitudni taʼ stennija meta nkunu inkwetati b’xi problema persunali jew qed nissieltu biex nirbħu xi dgħjufija. Nagħtu każ li qed nitolbu ’l Jehovah jgħinna, imma l-problema xorta waħda tibqaʼ hemm. Imbagħad x’se nagħmlu? Irridu nkomplu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insolvu dik il-problema, u mbagħad irid ikollna fidi fil-kliem taʼ Ġesù: “Ibqgħu itolbu, u se jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u se ssibu; ibqgħu ħabbtu, u se jinfetħilkom.” (Luqa 11:9, NW) Ibqaʼ itlob u stenna lil Jehovah jaġixxi. Fiż-żmien xieraq tiegħu u bil-mod tiegħu, Jehovah se jwieġeb it-talb tiegħek.—1 Tessalonikin 5:17.
7. Attitudni taʼ stennija b’liema mod tistaʼ tgħinna nżommu ħarsa xierqa dwar il-fatt li l-fehma tagħna tal-Bibbja tiġi ċċarata bil-mod il-mod?
7 Hekk kif jitwettqu l-profeziji tal-Bibbja, se jkollna fehma iktar ċara taʼ l-Iskrittura. Iżda xi kultant inħossu li ċerta skrittura qed tieħu wisq fit-tul biex tiġi ċċarata. Jekk din ma sseħħx fil-ħin li nixtiequ aħna, se nkunu lesti li nistennew? Irridu dejjem niftakru li Jehovah ra li kien xieraq li jgħarraf il-“misteru taʼ Kristu” ftit ftit, u dan ħa xi 4,000 sena. (Efesin 3:3-6) Allura, għandna għalfejn inkunu bla paċenzja? Niddubitaw aħna li “l-ilsir leali u diskret” ġie maħtur biex jagħti lin-nies taʼ Jehovah “l-ikel tagħhom fiż-żmien xieraq”? (Mattew 24:45, NW) Għala nċaħħdu lilna nfusna mill-ferħ divin għax ma jkunx possibbli li nifhmu kollox kompletament? Irridu niftakru li Jehovah hu l-wieħed li jiddeċiedi meta u kif jirrivela “l-ħwejjeġ moħbija” tiegħu.—Għamos 3:7.
8. Il-paċenzja taʼ Jehovah kif uriet li kienet taʼ benefiċċju għal ħafna?
8 Xi wħud jistgħu jkunu skuraġġiti minħabba li jħossu li wara li ilhom tant snin jaqdu lealment, għandhom mnejn ma jibqgħux ħajjin biex jaraw “Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ!” (Ġoel 3:3, 4 [2:30, 31, NW]) Huma xorta waħda jistgħu jiġu inkuraġġiti meta jħarsu lejn dan mil-lat pożittiv. Pietru ta l-parir: “Is-sabar li bih il-Mulej jeħodna qisuh bħala salvazzjoni.” (2 Pietru 3:15) Il-paċenzja taʼ Jehovah ppermettiet lil miljuni oħra taʼ nies li għandhom qalbhom disposta biex jitgħallmu l-verità. M’hijiex din xi ħaġa meraviljuża? Iżjed minn hekk, iktar ma Jehovah jdum jieħu paċenzja, iktar ikollna żmien biex nibqgħu ‘nħabirku għas-salvazzjoni tagħna stess bil-biżaʼ u t-tregħid.’—Filippin 2:12; 2 Pietru 3:11, 12.
9. Jekk aħna limitati f’dak li nistgħu nagħmlu fis-servizz taʼ Jehovah, kif tistaʼ attitudni taʼ stennija tgħinna nkampaw mas-sitwazzjoni?
9 Attitudni taʼ stennija se tgħinna biex ma nkunux skuraġġiti meta l-oppożizzjoni, il-mard, l-età, jew xi problemi oħrajn ifixkluna fis-servizz tas-Saltna. Jehovah jistenna li aħna naqduh b’ruħna kollha. (Rumani 12:1) Madankollu, l-Iben t’Alla, li “[j]ħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar,” ma jitlobx minna iktar milli nistgħu nagħtu taʼ bnedmin li aħna; u lanqas Jehovah ma jagħmel hekk. (Salm 72:13) B’hekk, niġu inkuraġġiti biex nagħmlu dak li nistgħu, billi nistennew bil-paċenzja sakemm jinbidlu ċ-ċirkustanzi, jew f’din is-sistema t’affarijiet jew f’dik li għad trid tiġi. Irridu dejjem niftakru li “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.”—Lhud 6:10.
10. Xi ħadd li jkollu attitudni taʼ stennija liema tendenza li ma togħġobx lil Alla jistaʼ jevita? Spjega.
10 Attitudni taʼ stennija tgħinna wkoll nevitaw li nkunu prużuntużi. Xi wħud li saru apostati ma kinux lesti li jistennew. Forsi ħassew li kien hemm bżonn li jsiru aġġustamenti, fil-mod taʼ kif nifhmu l-Bibbja jew fi kwistjonijiet organizzazzjonali. Iżda huma naqsu li jaċċettaw il-fatt li l-ispirtu taʼ Jehovah jqanqal lill-ilsir leali u diskret biex jagħmel aġġustamenti meta jkun il-waqt Tiegħu, u mhux meta jidhrilna aħna li hemm il-bżonn li jsiru. Kwalunkwe aġġustamenti li jsiru jridu jkunu fi qbil mar-rieda taʼ Jehovah, u mhux maʼ l-ideat persunali tagħna. L-apostati jħallu attitudni prużuntuża tħassrilhom moħħhom u tfixkilhom. Imma kieku kellhom il-ħila jadottaw l-attitudni mentali taʼ Kristu, kienu jkunu jistgħu jżommu l-ferħ tagħhom u jibqgħu parti mill-poplu taʼ Jehovah.—Filippin 2:5-8, NW.
11. Kif nistgħu nibbenefikaw miż-żmien li nqattgħu nistennew, u l-eżempji taʼ min inkunu qed insegwu?
11 M’għandniex xi ngħidu, li wieħed iżomm attitudni taʼ stennija ma jfissirx li jitgħażżen u joqgħod b’idu fuq żaqqu. Għandna ħafna x’nagħmlu. Per eżempju, jeħtieġ li nkunu medhijin fl-istudju persunali tal-Bibbja u nuru l-istess interess ġenwin f’affarijiet spiritwali li kellhom il-profeti leali u saħansitra l-anġli. Pietru tkellem dwar dan l-interess meta qal: “Il-profeti, li ħabbru l-grazzja li kellha tingħata lilkom, stħarrġu u tkixxfu fuq din is-salvazzjoni . . . Dawn huma ħwejjeġ li l-anġli stess jixtiequ jifhmuhom sewwa.” (1 Pietru 1:10-12) Mhux l-istudju persunali biss huwa essenzjali, imma wkoll li nattendu regolarment għal-laqgħat, u t-talb. (Ġakbu 4:8) Dawk li juru li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom billi jieklu ikel spiritwali u jassoċjaw maʼ Kristjani sħabhom ikunu qed juru li huma adottaw l-attitudni mentali taʼ Kristu.—Mattew 5:3, NW.
Irid Ikollna Ħarsa Realistika
12. (a) Adam u Eva liema indipendenza fittxew? (b) X’kien ir-riżultat talli l-bnedmin segwew il-passi taʼ Adam u Eva?
12 Meta Alla ħalaq l-ewwel koppja umana, hu żamm għalih innifsu d-dritt li jistabbilixxi l-livelli taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġenesi 2:16, 17) Adam u Eva riedu l-indipendenza mill-gwida t’Alla, u dan wassal biex id-dinja tinsab fl-istat li hi llum. L-appostlu Pawlu qal: “Kien permezz taʼ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Is-sitt elef sena taʼ storja umana minn żmien Adam s’issa wrew kemm hu veru l-kliem taʼ Ġeremija: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Meta wieħed jammetti kemm dan il-kliem taʼ Ġeremija hu minnu, ma jfissirx li hu xi tellief li rrassenja ruħu għal telfa, imma li hu bniedem realistiku. Dan jispjega li dawk is-sekli twal kollha li fihom il-‘bniedem ħakem fuq ieħor u għamillu l-ħsara’ kienu hekk minħabba li l-ħakma tal-bnedmin kienet indipendenti minn Alla.—Koħèlet 8:9.
13. Ix-Xhieda taʼ Jehovah liema ħarsa realistika għandhom dwar dak li jistgħu jwettqu l-bnedmin?
13 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrealizzaw li, minħabba s-sitwazzjoni tal-bniedem, hemm limiti għal dak li jistaʼ jkollhom f’din id-dinja li qed ngħixu fiha. Attitudni pożittiva tistaʼ tgħinna nżommu l-ferħ tagħna, imma m’hijiex is-soluzzjoni taʼ kollox. Fil-bidu tas-snin ħamsin, membru tal-kleru Amerikan ippubblika ktieb li kellu suċċess kbir, li jismu The Power of Positive Thinking. Il-ktieb issuġġerixxa li l-biċċa l-kbira taʼ l-ostakli nistgħu negħlbuhom jekk niffaċċjawhom b’attitudni pożittiva. Mod taʼ ħsieb pożittiv hu żgur taʼ min jammirah. Imma l-esperjenza turi li l-għarfien, is-sengħa, il-mezzi materjali, u bosta fatturi oħra jillimitawna milli nwettqu dak li nixtiequ. Barra minn hekk, il-problemi fuq skala dinjija huma kbar wisq biex il-bnedmin isolvuhom b’suċċess, ikun kemm ikun pożittiv il-ħsieb tagħhom!
14. Veru li x-Xhieda taʼ Jehovah għandhom attitudni negattiva? Spjega.
14 Minħabba li x-Xhieda taʼ Jehovah għandhom ħarsa realistika dwar dawn l-affarijiet, xi drabi huma jiġu akkużati li għandhom attitudni negattiva. Kuntrarju għal dan, huma ħerqanin biex jgħidu lin-nies dwar l-uniku Wieħed li jistaʼ jtejjeb il-ħajja tal-bniedem għal dejjem. F’dan ukoll qed jimitaw l-istess attitudni mentali li kellu Kristu. (Rumani 15:2) U huma qed jistinkaw biex jgħinu lin-nies jaħdmu biex ikollhom relazzjoni tajba m’Alla. Jafu li fl-aħħar mill-aħħar dan se jkun wettaq l-iktar ġid.—Mattew 28:19, 20; 1 Timotju 4:16.
15. Ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah kif itejjeb lill-individwi?
15 Ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jinjorawx il-problemi soċjali, speċjalment il-prattiċi maħmuġin taʼ madwarhom, li jmorru kontra dak li tgħid l-Iskrittura. Qabel ma individwu li juri interess isir Xhud taʼ Jehovah, hu jrid jagħmel xi bidliet, u taʼ spiss ikollu jaqtaʼ vizzji li ma jogħġbux lil Alla. (1 Korintin 6:9-11) B’hekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah għenu lil dawk li kienu lesti li jisimgħu biex jegħlbu s-sokor, l-abbuż tad-drogi, l-immoralità, u l-vizzju tal-logħob. Dawn l-individwi li biddlu ħajjithom tgħallmu jipprovdu għall-familji tagħhom b’mod responsabbli u onest. (1 Timotju 5:8) Meta l-individwi u l-familji tagħhom jiġu megħjunin b’dan il-mod, il-problemi fil-komunità jonqsu. Ikun hemm inqas min jabbuża mid-drogi, inqas vjolenza fil-familja, u ħafna inqas problemi oħra. Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma ċittadini li jobdu l-liġi u jgħinu lil oħrajn ibiddlu ħajjithom għall-aħjar. B’hekk, ikunu qed inaqqsu x-xogħol lil dawk l-aġenziji li jittrattaw il-problemi soċjali.
16. Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala ma jinvolvux ruħhom f’movimenti dinjin li jiġġieldu kontra l-inġustizzji?
16 Allura, ix-Xhieda taʼ Jehovah rnexxielhom ibiddluha x-xejra morali tad-dinja? F’dawn l-aħħar għaxar snin, in-numru taʼ Xhieda attivi telaʼ minn ftit inqas minn 3,800,000 għal kważi 6,000,000. Din hija żjieda taʼ madwar 2,200,000 ruħ, li ħafna minnhom warrbu prattiċi ħżiena meta saru Kristjani. Kienu bosta l-ħajjiet li marru għall-aħjar! Xorta waħda, dan in-numru huwa żgħir ħafna meta tqabblu maż-żjieda fil-popolazzjoni tad-dinja matul l-istess perijodu, li kienet taʼ 875,000,000! Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma ferħanin li jgħinu lil dawk li jwieġbu għall-messaġġ, għalkemm jirrealizzaw li ftit huma dawk il-bnedmin li jaqbdu t-triq għall-ħajja. (Mattew 7:13, 14) Waqt li x-Xhieda jistennew il-bidliet għall-aħjar fid-dinja kollha, li jistaʼ jġibhom Alla biss, huma ma jinvolvux ruħhom f’movimenti dinjin li jiġġieldu kontra l-inġustizzji. Dawn taʼ spiss jibdew b’intenzjonijiet tajbin imma jispiċċaw f’diżappunt u saħansitra fi vjolenza.—2 Pietru 3:13.
17. Ġesù x’għamel biex jgħin lil dawk taʼ madwaru, imma x’m’għamilx?
17 Meta jagħmlu dan, ix-Xhieda taʼ Jehovah jkunu qed juru li għandhom l-istess fiduċja f’Jehovah bħalma kellu Ġesù meta kien fuq l-art. Lura fl-ewwel seklu, Ġesù wettaq mirakli taʼ fejqan. (Luqa 6:17-19) Saħansitra qajjem lill-mejtin. (Luqa 7:11-15; 8:49-56) Imma ma neħħiex il-problema tal-mard jew rebaħ l-għadu, il-mewt. Hu kien jaf li kien għadu ma wasalx iż-żmien maħtur t’Alla biex jagħmel dan. Peress li Ġesù kien perfett, hu kellu abbiltajiet superjuri, u għalhekk x’aktarx li setaʼ jagħmel ħafna affarijiet biex isolvi l-problemi serji, kemm politiċi u kemm soċjali. Milli jidher, xi wħud min-nies taʼ żmienu riduh jieħu l-poter f’idejh u jaġixxi b’dan il-mod, imma Ġesù rrifjuta. Naqraw: “Dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: ‘Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!’ Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġaʼ warrab waħdu lejn l-għoljiet.”—Ġwann 6:14, 15.
18. (a) Ġesù kif dejjem baqaʼ juri attitudni taʼ stennija? (b) L-attività taʼ Ġesù kif inbidlet mill-1914 ’l hawn?
18 Ġesù rrifjuta li jinvolvi ruħu fil-politika jew f’ħidma purament soċjali għaliex kien jaf li kien għadu ma wasalx iż-żmien biex jieħu f’idejh il-qawwa taʼ sultan u jwettaq xogħlijiet taʼ fejqan għal kulħadd mad-dinja kollha. Saħansitra wara li telaʼ fis-smewwiet u rċieva l-ħajja immortali, hu kien lest li jistenna ż-żmien maħtur taʼ Jehovah qabel ma jaġixxi. (Salm 110:1; Atti 2:34, 35) Madankollu, mindu ġie mpoġġi fuq it-tron bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla fl-1914, hu jinsab għaddej “rebbieħ, biex ikompli jirbaħ.” (Apokalissi 6:1 [6:2, NW]; 12:10) Kemm aħna grati li nistgħu nissottomettu ruħna lejn saltnatu, waqt li oħrajn li jgħidu li huma Kristjani jagħżlu li jibqgħu fl-injoranza fejn jidħol it-tagħlim tal-Bibbja dwar is-Saltna!
L-Istennija—Iġġib id-Dwejjaq jew il-Ferħ?
19. L-istennija meta “tmarrad il-qalb,” u meta tkun xi ħaġa li ġġibilna l-ferħ?
19 Salamun kien jaf li l-istennija tistaʼ tkun taʼ dwejjaq. Hu kiteb: “It-tama [“l-istennija,” NW] mtawwla tmarrad il-qalb.” (Proverbji 13:12) Żgur li jekk xi ħadd għandu stennijiet li m’humiex ibbażati fuq is-sod, qalbu tistaʼ timrad minħabba li jibqaʼ diżappuntat. Madankollu, meta nistennew ġrajjiet taʼ ferħ, bħal ngħidu aħna, tieġ, twelid taʼ tarbija, jew laqgħa mal-maħbubin tagħna, se nimtlew bil-ferħ għax nantiċipaw il-jum li fih se jitwettqu, avolja jkun għad baqgħalhom biex jaslu. Dan il-ferħ jikber iktar jekk nużaw iż-żmien taʼ stennija bil-għaqal, billi nippreparaw għal dik il-ġrajja.
20. (a) Liema ġrajjiet taʼ l-għaġeb qegħdin nistennew b’fiduċja li naraw? (b) Kif nistgħu nsibu l-ferħ waqt li nistennew it-twettiq taʼ l-iskopijiet taʼ Jehovah?
20 Meta jkollna fiduċja sħiħa li l-istennijiet tagħna se jitwettqu, avolja ma nkunux nafu meta se jitwettqu, il-perijodu taʼ stennija m’għandux għalfejn ‘imarrad il-qalb.’ Il-qaddejja leali t’Alla jafu li r-Renju Millennjali taʼ Kristu hu qrib ferm. Huma fiduċjużi li se jaraw it-tmiem tal-mewt u l-mard. B’ħerqa u b’antiċipazzjoni, huma jistennew bil-ferħ iż-żmien meta se jilqgħu lura lil biljuni li jinsabu fl-oqbra, inkluż il-maħbubin mejtin tagħhom. (Apokalissi 20:1-3, 6; 21:3, 4) F’dawn iż-żminijiet taʼ kriżi ekoloġika, tgħidx kemm jinżlilhom għasel il-prospett li jaraw il-Ġenna stabbilita fuq l-art. (Isaija 35:1, 2, 7) Mela, kemm hu għaqli li ż-żmien li fadlilna nistennew nużawh bil-prudenza, billi ‘nħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej’! (1 Korintin 15:58) Ħa nkomplu nieklu l-ikel spiritwali. Ħa nibnu relazzjoni eqreb maʼ Jehovah. Ħa nfittxu lil oħrajn li qalbhom tqanqalhom biex jaqdu lil Jehovah. Ħa ninkuraġġixxu lil sħabna fit-twemmin. Ħa nieħdu vantaġġ sħiħ miż-żmien li Jehovah baqagħlu jħalli. Imbagħad, ‘qalbna mhux se timrad’ hekk kif nistennew lil Jehovah jaġixxi. Anzi, se timtela bil-ferħ!
Tistaʼ Tispjega?
• Ġesù kif wera attitudni taʼ stennija?
• Il-Kristjani f’liema sitwazzjonijiet ikollhom bżonn attitudni taʼ stennija?
• Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala huma kuntenti li jistennew lil Jehovah jaġixxi?
• Li nistennew lil Jehovah jaġixxi kif jistaʼ jġibilna l-ferħ?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 12]
Ġesù ssaporta minħabba l-ferħ li kellu quddiemu
[Stampa f’paġna 13]
Saħansitra wara snin taʼ servizz, aħna nistgħu nżommu l-ferħ tagħna
[Stampi f’paġna 15]
Miljuni tejbu ħajjithom billi saru Xhieda taʼ Jehovah