Uri l-Istess Attitudni Mentali li Kellu Kristu
“Jalla dak Alla li jipprovdi s-sabar u l-faraġ jagħtikom li jkollkom bejnietkom l-istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.”—RUMANI 15:5, NW.
1. Il-ħajja taʼ dak li jkun kif tistaʼ tiġi effettwata mill-attitudni tiegħu?
L-ATTITUDNI tagħmel differenza kbira fil-ħajja. Din tistaʼ tinfluwenza ferm il-mod kif wieħed jaġixxi f’ċerti sitwazzjonijiet u kif ħaddieħor jaġixxi miegħu. Per eżempju, xi ħadd jistaʼ jkun indifferenti jew ħabrieki, pożittiv jew negattiv, ġellied jew wieħed li jikkoopera, igerger jew juri apprezzament. Meta wieħed ikollu attitudni tajba jistaʼ jkun ferħan saħansitra f’sitwazzjonijiet diffiċli. Imma għal bniedem li jkollu attitudni ħażina xejn ma jidher tajjeb, lanqas meta kollox ikun miexi ħarir.
2. Wieħed kif jitgħallimhom l-attitudnijiet?
2 Wieħed jistaʼ jitgħallem l-attitudnijiet, kemm tajbin u kemm ħżiena. Fil-fatt, dawn ikollna nitgħallmuhom. Meta tirreferi għal tarbija tat-twelid, il-Collier’s Encyclopedia tgħid: “Huma x’inhuma l-attitudnijiet li jistaʼ jkollha matul is-snin, hi trid taħdem biex tiżviluppahom jew titgħallimhom, ftit jew wisq bħalma trid taħdem biex tiżviluppa jew titgħallem xi lingwa jew kwalunkwe sengħa oħra.” L-attitudnijiet kif nitgħallmuhom? Hemm bosta affarijiet li jwasslu għal dan, però l-iktar li għandhom effett fuqna huma l-ambjent li ngħixu fih u n-nies li nagħmluha magħhom. L-enċiklopedija li semmejna qabel tgħid: “Huwa faċli għalina li nitgħallmu jew nittieħdu mill-attitudnijiet taʼ dawk li huma qrib tagħna.” Eluf taʼ snin ilu, il-Bibbja qalet xi ħaġa simili: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.”—Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33.
Eżempju taʼ l-Attitudni Xierqa
3. Min kien eżemplari fl-attitudni tiegħu, u aħna kif nistgħu nimitawh?
3 Bħal f’kull ħaġa oħra, Ġesù Kristu ħallielna l-aqwa eżempju anki f’dik li hi attitudni. Hu qal: “Jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll.” (Ġwann 13:15) Biex inkunu bħal Ġesù, l-ewwel irridu nitgħallmu dwaru. a Aħna nistudjaw il-ħajja taʼ Ġesù bl-intenzjoni li nagħmlu dak li rrikkmanda l-appostlu Pietru: “Għal dan intom kontu msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Il-mira tagħna hi li kemm jistaʼ jkun inkunu bħal Ġesù. Dan jinkludi li nikkultivaw l-attitudni mentali li kellu hu.
4, 5. Liema aspett taʼ l-attitudni mentali taʼ Ġesù jispikka f’Rumani 15:1-3, u l-Kristjani kif jistgħu jimitawh?
4 X’inhu involut f’li jkollna l-attitudni mentali taʼ Ġesù Kristu? Kapitlu 15 taʼ l-ittra li Pawlu kiteb lir-Rumani jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija. Fl-ewwel ftit versi taʼ dan il-kapitlu, Pawlu jirreferi għal kwalità li tispikka taʼ Ġesù meta jgħid: “Aħna li aħna sħaħ fil-fidi għandna ngħinu lid-dgħajfa jerfgħu l-piż tagħhom u mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna. Kull wieħed minna għandu jfittex kif jogħġob lil għajru għall-ġid tiegħu. Għax Kristu ma fittixx jogħġob lilu nnifsu, kif inhu miktub: ‘It-tagħjir taʼ dawk li għajru lilek waqaʼ fuqi.’”—Rumani 15:1-3.
5 Il-Kristjani huma inkuraġġiti biex ikunu preparati li jgħinu bl-umiltà kollha lil oħrajn fil-bżonnijiet tagħhom u mhux ikun moħħhom biex jogħġbu lilhom infushom. Meta jagħmlu dan ikunu qed jimitaw l-attitudni taʼ Ġesù. Tabilħaqq, kwalità li jintgħarfu minnha dawk li huma “sħaħ fil-fidi” hi li dejjem ikunu lesti li jaqdu lil oħrajn bl-umiltà kollha. Ġesù, li kien b’saħħtu spiritwalment iktar minn kull bniedem ieħor li qatt għex, qal dwaru nnifsu: ‘Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.’ (Mattew 20:28) Bħala Kristjani, aħna wkoll irridu nkunu lesti li naqdu lil oħrajn, inkluż dawk li huma “dgħajfa.”
6. Kif nistgħu nimitaw il-mod kif aġixxa Ġesù meta kienu jippersegwitawh u jgħajruh?
6 Kwalità oħra mill-aħjar li wera Ġesù kienet dik li hu dejjem kien jaħseb u jaġixxi b’mod pożittiv. Hu qatt ma ħalla l-attitudni negattiva t’oħrajn teffettwa l-attitudni mill-aħjar tiegħu f’li jaqdi lil Alla; u hekk għandna nagħmlu aħna. Kulmeta għajruh u ppersegwitawh għax kien iqim lil Alla bil-fedeltà, Ġesù ssaporta mingħajr ma lmenta. Kien jaf li dawk li qed jipprovaw jogħġbu lil għajrhom f’dak li hu ‘għall-ġid tagħhom’ kellhom jistennew oppożizzjoni minn dinja li la temmen u lanqas tħoss xejn.
7. Ġesù kif wera l-paċenzja, u aħna għala għandna nagħmlu bħalu?
7 Ġesù wera attitudni xierqa b’modi oħra. Hu qatt ma wera nuqqas taʼ sabar maʼ Jehovah imma stenna bil-paċenzja t-twettiq taʼ l-għanijiet Tiegħu. (Salm 110:1; Mattew 24:36; Atti 2:32-36; Lhud 10:12, 13) Iktar minn hekk, Ġesù ma kienx jitlef il-paċenzja mas-segwaċi tiegħu. Hu qalilhom: “Tgħallmu minni”; imma għax kellu “qalb ħelwa,” it-tagħlim tiegħu kien isaħħaħhom u jserrħilhom qalbhom. U peress li kien “umli,” hu qatt ma uża kliem tqil biex jimpressjona lil oħrajn u lanqas qatt ma kien prużuntuż. (Mattew 11:29) Pawlu jinkuraġġina biex nimitaw dawn l-aspetti taʼ l-attitudni taʼ Ġesù meta jgħid: “Żommu din l-attitudni mentali fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù, li, għalkemm kien qiegħed jeżisti fis-sura t’Alla, [hu] ma ta ebda konsiderazzjoni għal ħtif, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla. Le, imma battal lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ lsir u sar li jixbah lill-bnedmin.”—Filippin 2:5-7, NW.
8, 9. (a) Għala rridu naħdmu biex nikkultivaw attitudni mhix egoista? (b) Għala m’għandniex naqtgħu qalbna jekk nonqsu li nsegwu perfettament l-eżempju li ħallielna Ġesù, u Pawlu kif kien eżempju tajjeb f’dan?
8 Bil-kliem faċli ngħidu li rridu naqdu lil oħrajn u npoġġu l-ħtiġijiet tagħhom qabel tagħna. Imma jekk bl-onestà kollha neżaminaw l-attitudni mentali tagħna, għandu mnejn insibu li f’qalbna m’aħniex kompletament lesti li nagħmlu hekk. Dan għala? L-ewwel ħaġa għax aħna writna tendenzi egoisti mingħand Adam u Eva, u t-tieni għax qed ngħixu f’dinja li tinkuraġġixxi l-egoiżmu. (Efesin 4:17, 18) Biex niżviluppaw attitudni mhix egoista, taʼ spiss ikun ifisser li nikkultivaw mod taʼ ħsieb li hu kuntrarju għan-natura imperfetta li twelidna biha. Dan ifisser li rridu nkunu determinati u li nagħmlu sforz.
9 Kultant, l-imperfezzjoni ovvja tagħna tant tkun differenti mill-eżempju perfett li ħallielna Ġesù li ġġagħalna naqtgħu qalbna. Nibdew niddubitaw jekk huwiex possibbli li qatt jistaʼ jkollna l-istess attitudni mentali li kellu Ġesù. Imma nnota l-kliem inkuraġġanti taʼ Pawlu: “Naf li t-tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f’ġismi. Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb m’hux hemm. M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx. Skond il-bniedem taʼ ġewwa togħġobni l-liġi taʼ Alla; iżda nilmaħ fil-membri taʼ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi taʼ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi.” (Rumani 7:18, 19, 22, 23) Veru, l-imperfezzjoni kienet taʼ tfixkil għal Pawlu, għax minħabba fiha min jaf kemm-il darba xtaq jagħmel ir-rieda t’Alla imma ma setax. Iżda l-attitudni tiegħu, jiġifieri l-mod kif kien jaħseb u jħossu dwar Jehovah u l-Liġi tiegħu, kienet eżemplari. L-attitudni tagħna tistaʼ tkun hekk ukoll.
Nirranġaw Attitudnijiet Żbaljati
10. Pawlu liema attitudni mentali inkuraġġiehom jikkultivaw lill-Filippin?
10 Jistaʼ jkun li xi wħud ikollhom bżonn jirranġaw xi attitudni żbaljata? Iva. Dan ġara fil-każ taʼ xi Kristjani fl-ewwel seklu. Fl-ittra tiegħu lill-Filippin, Pawlu tkellem dwar li wieħed ikollu l-attitudni xierqa. Hu kiteb: “M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu [ħajja fis-sema permezz taʼ l-irxoxt bikri], jew li jien ġa perfett. Imma nross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili. Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ’l taʼ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejjħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù. Aħna li aħna perfetti [jew maturi], ħa nkunu taʼ din il-fehma [“attitudni mentali,” “NW”].”—Korsiv tagħna; Filippin 3:12-15.
11, 12. Jehovah b’liema modi jgħarrafna liema attitudni mentali xierqa għandu jkollna?
11 Il-kliem taʼ Pawlu juri li kulmin sar Kristjan u ma jħossx il-bżonn li jagħmel progress għandu attitudni ħażina. Dan ikun naqas li jadotta l-attitudni mentali taʼ Kristu. (Lhud 4:11; 2 Pietru 1:10; 3:14) Hija s-sitwazzjoni taʼ xi ħadd bħal dan bla tama? Xejn affattu. Alla jistaʼ jgħinna nbiddlu l-attitudni tagħna jekk verament inkunu rridu. Pawlu jkompli: “Jekk taħsbu xort’oħra f’xi ħaġa, Alla jgħarraf din [l-attitudni] ukoll lilkom.”—Filippin 3:15, Karm Żammit.
12 Madankollu, jekk nixtiequ li Jehovah jgħarrafna liema hi l-attitudni xierqa, aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna. Dawk li ‘jaħsbuha xort’oħra’ jistgħu jiġu megħjunin jiżviluppaw attitudni xierqa billi jagħmlu studju tal-Kelma t’Alla bit-talb u permezz tal-letteratura Kristjana li jipprovdilna l-“ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45, NW) L-anzjani Kristjani, li huma maħturin mill-ispirtu qaddis biex jirgħu l-kongregazzjoni t’Alla, jieħdu gost joffru l-appoġġ tagħhom. (Atti 20:28) Kemm aħna grati li Jehovah jqisna taʼ nies imperfetti li aħna, u bl-imħabba kollha joffrilna l-għajnuna! Jalla naċċettawha.
Nitgħallmu minn Oħrajn
13. X’nitgħallmu mir-rakkont Bibliku taʼ Ġob dwar li wieħed ikollu attitudni xierqa?
13 F’Rumani kapitlu 15, Pawlu juri li jekk nimmeditaw fuq eżempji tal-passat, dan jistaʼ jgħinna nirranġaw l-attitudni tagħna. Hu jikteb: “Kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama.” (Rumani 15:4) Xi wħud mill-qaddejja leali taʼ Jehovah li għexu fil-passat kien jeħtiġilhom jirranġaw ċerti aspetti mill-attitudni tagħhom. Per eżempju, Ġob ġeneralment kien juri attitudni mill-aħjar. Qatt ma waħħal f’Alla għad-deni u f’ebda ħin ma ħalla t-tbatija tnaqqaslu l-fiduċja li kellu f’Alla. (Ġob 1:8, 21, 22) Madankollu, hu kellu t-tendenza li jiġġustifika lilu nnifsu. Jehovah dderieġa lil Eliħu biex jgħin lil Ġob jikkoreġi din it-tendenza. Minflok ma ħa għalih, Ġob aċċetta b’umiltà kbira li hu kellu bżonn jibdel l-attitudni tiegħu, u minn jeddu ħa l-passi meħtieġa biex jagħmel dan.—Ġob 42:1-6.
14. Kif nistgħu nimitaw lil Ġob meta niġu mogħtijin parir dwar l-attitudni tagħna?
14 Se nirreaġixxu aħna bħal Ġob kieku xi ħadd minn sħabna l-Kristjani b’qalb tajba jgħidilna li qed nuru attitudni żbaljata? Jalla nkunu bħal Ġob, u qatt ma ‘ngħidu dagħwa waħda kontra Alla.’ (Ġob 1:22) Jekk inbatu xi inġustizzja, jalla qatt ma nilmentaw jew inwaħħlu f’Jehovah għad-diffikultajiet li niffaċċjaw. Jalla ma noqogħdux nipprovaw niġġustifikaw lilna nfusna billi niftakru li, huma x’inhuma l-privileġġi li jistaʼ jkollna fis-servizz taʼ Jehovah, aħna xorta għadna “qaddejja li ma niswew għal xejn.”—Luqa 17:10.
15. (a) Liema attitudni ħażina wrew xi wħud mis-segwaċi taʼ Ġesù? (b) Pietru kif wera attitudni mill-aħjar?
15 Matul l-ewwel seklu, xi wħud minn dawk li semgħu lil Ġesù wrew attitudni mhix xierqa. Darba minnhom, Ġesù qal xi ħaġa li ma setgħux jifhmuha. B’riżultat taʼ dan, “ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: ‘Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?’” Huwa ċar li dawk li tkellmu hekk kellhom attitudni ħażina, u din wasslithom biex ma jibqgħux jisimgħu lil Ġesù. Ir-rakkont jgħidilna: “Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.” Allura kollha kemm huma kellhom attitudni ħażina? Le. Ir-rakkont ikompli: “Mbagħad Ġesù qal lit-Tnax: ‘Tridux titilqu intom ukoll?’ Wieġbu Xmun Pietru: ‘Mulej, għand min immorru?’” Fil-fatt, Pietru wieġeb il-mistoqsija tiegħu stess: “Inti għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 6:60, 66-68) X’attitudni mill-aħjar! Meta jkun hemm xi spjegazzjonijiet jew tidwil dwar kif nifhmu l-Iskrittura, li forsi nsibuhom diffiċli biex naċċettawhom, ma jkunx għaqli li aħna nuru l-attitudni li wera Pietru? Xi bluha tkun jekk nieqfu milli naqdu lil Jehovah jew ingergru kontra “l-eżempju tat-tagħlim sħiħ” sempliċement għax ikun hemm xi affarijiet li ma nkunux nistgħu nifhmuhom mill-ewwel!—2 Timotju 1:13.
16. Il-mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmien Ġesù liema attitudni mill-agħar urew?
16 Il-mexxejja reliġjużi Lhud taʼ l-ewwel seklu naqsu li juru l-attitudni mentali li kellu Ġesù. Huma wrew kemm kienu determinati b’mod stinat li ma jagħtux kasu meta qajjem lil Lazzru mill-mewt. Għal dawk li kellhom attitudni tajba, dan il-miraklu kien prova ċerta li Ġesù kien mibgħut minn Alla. Madankollu, naqraw: “Għalhekk il-qassisin il-kbar u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u qalu: ‘X’sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali. Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu r-Rumani, u jeqirdulna kemm it-tempju u kemm il-ġens tagħna.’” X’soluzzjoni kellhom? “Minn dak in-nhar ’il quddiem bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh.” Minbarra li kkonfoffaw biex joqtlu lil Ġesù, huma bdew jaraw kif se jeqirdu l-evidenza ħajja li kienet turi li hu kien jagħmel il-mirakli. “Il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll.” (Ġwann 11:47, 48, 53; 12:9-11) X’għajb ikun għalina jekk inħallu attitudni bħal din titrabba fina u minħabba f’hekk, l-affarijiet li suppost iferrħuna nibdew narawhom koroh u jibdew idejquna! Iva, u dan jistaʼ jkun saħansitra perikoluż.
Nimitaw l-Attitudni Pożittiva taʼ Ġesù
17. (a) Danjel f’liema ċirkustanzi wera li ma kellux attitudni beżżiegħa? (b) Ġesù kif wera li kien kuraġġuż?
17 Il-qaddejja taʼ Jehovah jżommu attitudni pożittiva. L-għedewwa taʼ Danjel ikkonfoffaw biex iġagħlu li tgħaddi liġi li kienet tgħid li għal 30 jum ħadd ma setaʼ jitlob lil xi alla jew bniedem ieħor ħlief lis-sultan. Danjel kien jaf li dan kien se jeffettwa r-relazzjoni tiegħu m’Alla Jehovah. Kien dan se jżommu lura milli jitlob lil Alla għal 30 jum? Le, hu kompla bla biżaʼ jitlob lil Jehovah tliet darbiet kuljum, kif kellu d-drawwa jagħmel. (Danjel 6:7-18 [6:6-17, NW]) Bl-istess mod, Ġesù rrifjuta li jħalli l-għedewwa tiegħu jbeżżgħuh. Darba waħda f’jum is-Sibt, iltaqaʼ maʼ raġel b’idu niexfa. Ġesù kien jaf li ħafna Lhud li kien hemm preżenti ma kinux se jieħdu pjaċir jekk hu jfejjaq lil xi ħadd nhar taʼ Sibt. Għalhekk staqsiehom direttament biex jgħidulu l-opinjoni tagħhom dwar il-kwistjoni. Meta rrifjutaw, Ġesù qabad u fejjaq lil dak ir-raġel. (Mark 3:1-6) Ġesù qatt ma żamm lura milli jwettaq l-inkarigu tiegħu meta ħass li hekk kien xieraq li jagħmel.
18. Xi wħud għala jiħduha kontrina, imma aħna kif għandna nirreaġixxu għall-attitudni negattiva tagħhom?
18 Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah jafu li huma wkoll qatt m’għandhom jibżgħu meta xi ħadd jiħodha kontrihom u juri attitudni negattiva lejhom. Inkella, ma jkunux qed juru li għandhom l-attitudni mentali li kellu Ġesù. Hemm ħafna li jopponu lix-Xhieda taʼ Jehovah. Xi wħud minnhom jagħmlu dan għax ma jkunux jafu l-fatti u oħrajn għax jobogħdu lix-Xhieda jew il-messaġġ tagħhom. Imma jalla ma nħallux l-attitudni żorra tagħhom teffettwa l-attitudni pożittiva tagħna. Qatt m’għandna nħallu lil ħaddieħor jgħidilna hu kif għandna nqimu ’l Alla.
19. Kif nistgħu nuru attitudni mentali bħal dik taʼ Ġesù Kristu?
19 Ġesù dejjem wera attitudni mentali pożittiva lejn is-segwaċi tiegħu u lejn l-arranġamenti t’Alla, minkejja kemm kien ikun diffiċli li jagħmel dan. (Mattew 23:2, 3) Aħna għandna nimitaw l-eżempju tiegħu. Veru, sħabna huma imperfetti, imma mhux anki aħna? Barra minn hekk, fejn nistgħu nsibu nies aħjar u ħbieb verament leali jekk mhux fil-fratellanza tagħna taʼ madwar id-dinja? Jehovah għadu ma taniex fehma kompleta tal-Kelma miktuba tiegħu, imma liema grupp reliġjuż jifhimha iktar? Ejja nżommu l-attitudni mentali xierqa, dik l-istess attitudni mentali li kellu Ġesù Kristu. Fost affarijiet oħra, dan jinkludi li nkunu nafu nistennew sakemm Jehovah jaġixxi, bħalma se niddiskutu fl-artiklu li jmiss.
Tistaʼ Tispjega?
• Ħajjitna kif tiġi effettwata mill-attitudni tagħna?
• Iddeskrivi l-attitudni mentali li kellu Ġesù Kristu.
• X’nistgħu nitgħallmu mill-attitudni li kellu Ġob?
• Liema attitudni xierqa jrid ikollna meta niffaċċjaw xi oppożizzjoni?
[Noti taʼ taħt]
a Il-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., jiddiskuti l-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 7]
Kristjan li għandu l-attitudni xierqa jkun lest li jgħin lil oħrajn
[Stampa f’paġna 9]
Studju tal-Kelma t’Alla bit-talb jgħinna nadottaw l-attitudni mentali li kellu Kristu