Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Is-Siegħa Tiegħu Kienet Għadha Ma Waslitx”

“Is-Siegħa Tiegħu Kienet Għadha Ma Waslitx”

“Ħadd minnhom ma medd idejh fuqu, għax is-​siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.”—ĠWANN 7:30.

1. Liema żewġ fatturi ddeterminaw il-​mod kif aġixxa Ġesù?

1“BIN il-​bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-​kotra.” Hekk qalilhom Ġesù Kristu lid-​dixxipli tiegħu. (Mattew 20:28) Lill-​gvernatur Ruman Ponzju Pilatu, qallu: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” (Ġwann 18:37) Ġesù kien jaf eżatt għala kellu jmut u liema xogħol kien jeħtieġlu jagħmel qabel ma jmut. Hu kien jaf ukoll kemm kellu żmien biex iwettaq il-​missjoni tiegħu. Il-​ministeru tiegħu fuq l-​art bħala l-​Messija kellu jdum biss tliet snin u nofs. Dan beda bil-​magħmudija tiegħu fl-​ilma fix-​Xmara Ġordan (fis-sena 29 E.K.), hekk kif bdiet l-​aħħar ġimgħa simbolika mis-​70 li ġew profetizzati. Il-​ministeru tiegħu ntemm meta miet fuq iz-​zokk tat-​tortura f’nofs dik il-​ġimgħa (fis-sena 33 E.K.). (Danjel 9:​24-27; Mattew 3:​16, 17; 20:​17-19) Għaldaqstant, il-​mod kif aġixxa Ġesù fuq l-​art kien determinat minn żewġ fatturi: l-iskop għala ġie hawn fuq l-​art u l-​fatt li kien konxju sew taż-​żmien imwaqqat.

2. Ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju kif jiddeskrivuh lil Ġesù Kristu, u hu kif wera li kien konxju tal-​missjoni li kellu?

2 Ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju jiddeskrivu lil Ġesù Kristu bħala bniedem li jagħmel dak li jgħid u li vvjaġġa mal-​Palestina kollha jxandar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla u jagħmel ħafna xogħlijiet taʼ l-​għaġeb. Matul il-​parti bikrija tal-​ministeru dinamiku taʼ Ġesù, jintqal dwaru: “Is-​siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.” Ġesù nnifsu stqarr: “Iż-​żmien tiegħi għadu ma għalaqlix.” Meta l-​ministeru tiegħu kien wasal biex jintemm, hu uża l-​espressjoni “waslet is-​siegħa.” (Ġwann 7:​8, 30; 12:23) Il-​fatt li Ġesù kien konxju tas-​siegħa, jew taż-​żmien li kellu biex iwettaq ix-​xogħol li ġie inkarigat jagħmel, inkluż il-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, żgur li effettwa dak li qal u għamel. Il-​fatt li nifhmu dan jistaʼ jgħinna mhux biss biex insiru nafu aħjar il-​personalità tiegħu u l-​mod kif kien jaħseb, iżda wkoll biex ‘nimxu fuq il-​passi tiegħu’ iktar mill-​qrib.—1 Pietru 2:21.

Determinat li Jagħmel ir-​Rieda t’Alla

3, 4. (a) X’jiġri waqt festa taʼ tieġ f’Kana? (b) L-​Iben t’Alla għala joġġezzjona għas-​suġġeriment taʼ Marija li għandu jagħmel xi ħaġa dwar in-​nuqqas taʼ nbid, u aħna x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

3 Ninsabu fis-​sena 29 E.K. Għaddew biss ftit jiem minn mindu Ġesù għażel personalment l-​ewwel dixxipli tiegħu. Issa ġew ilkoll fir-​raħal taʼ Kana li jinsab fid-​distrett tal-​Galilija biex jattendu għal festa taʼ tieġ. Marija, omm Ġesù, qegħda hemmhekk ukoll. L-​inbid kważi spiċċa. Marija tissuġġerixxi li binha għandu jagħmel xi ħaġa, billi tgħidlu: “Ma għandhomx inbid.” Imma Ġesù jweġibha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-​siegħa tiegħi għadha ma waslitx.”—Ġwann 1:35-51; 2:​1-4.

4 It-​tweġiba taʼ Ġesù, “X’hemm bejni u bejnek, mara?” hija f’għamla taʼ mistoqsija li fl-​antik kienet tintuża biex turi oġġezzjoni għal dak li jkun ġie suġġerit jew propost. Ġesù għala joġġezzjona għall-​kliem taʼ Marija? Sewwa, issa hu għandu 30 sena. Għadu kif tgħammed xi ftit tal-​ġimgħat ilu, meta wkoll ġie midluk bl-​ispirtu qaddis, u preżentat minn Ġwanni l-​Għammied bħala l-​“Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-​dnub tad-​dinja.” (Ġwann 1:​29-34; Luqa 3:​21-23) Issa l-​ordnijiet kellu jiħodhom biss mingħand il-​Wieħed b’awtorità suprema li bagħtu fuq l-​art. (1 Korintin 11:3) Ħadd, lanqas membru tal-​familja tiegħu stess, ma setaʼ jindaħal fix-​xogħol li Ġesù ġie jwettaq fuq l-​art. Kemm jidher ċar li Ġesù huwa determinat li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru mit-​tweġiba li ta lil Marija! Jalla aħna nkunu determinati bl-​istess mod biex inwettqu dmirna kollu lejn Alla.—Koħèlet 12:13.

5. Ġesù Kristu liema miraklu jagħmel f’Kana, u dan x’effett għandu fuq nies oħrajn?

5 Marija tifhmu l-​punt taʼ binha, u immedjatament tħalli kollox f’idejh u tgħid lill-​qaddejja: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.” U Ġesù jsolviha l-​problema. Hu jqabbad lill-​qaddejja biex jimlew il-​ġarar bl-​ilma, u jbiddel l-​ilma fl-​ifjen inbid. Dan iseħħ bħala introduzzjoni għas-​setgħa taʼ Ġesù li jagħmel il-​mirakli, biex iservi bħala sinjal li l-​ispirtu t’Alla qiegħed fuqu. Meta d-​dixxipli l-​ġodda jaraw dan il-​miraklu, il-​fidi tagħhom tissaħħaħ.—Ġwann 2:​5-11.

Żeluż għad-​Dar taʼ Jehovah

6. Ġesù għala jagħdab għal dak li jara fit-​tempju f’Ġerusalemm, u x’azzjoni jieħu?

6 Waslet ir-​rebbiegħa tas-​sena 30 E.K., u Ġesù flimkien maʼ sħabu jinsabu fi triqithom lejn Ġerusalemm biex jattendu għall-​Qbiż. Waqt li jkunu hemmhekk, id-​dixxipli tiegħu jaraw lill-​Mexxej tagħhom jaġixxi b’mod mhux tas-​soltu. In-​negozjanti rgħiba Lhud qed ibigħu l-​annimali u l-​għasafar għas-​sagrifiċċji eżatt ġewwa t-​tempju. U iktar minn hekk, qed jitolbu prezz għoli ħafna mingħand l-​adoraturi leali Lhud. Mimli għadab, Ġesù jieħu azzjoni. Hu jagħmel frosta bil-​ħbula u lill-​bejjiegħa jkeċċihom ’il barra. Waqt li jxerred il-​flus tas-​sarrafa, hu jaqilbilhom l-​imwejjed. “Warrbu dawn minn hawn,” hu jordna lill-​bejjiegħa tal-​ħamiem. Meta d-​dixxipli taʼ Ġesù jarawh jaġixxi bi ħrara bħal din, huma jiftakru fil-​profezija dwar l-​Iben t’Alla: “Il-​ħeġġa għal darek fnietni.” (Ġwann 2:​13-17; Salm 69:10 [69:​9, NW]) Aħna wkoll irridu ngħassu b’mod żeluż biex ma nħallux il-​qima tagħna titniġġes b’tendenzi dinjin.

7. (a) X’iqanqal lil Nikodemu biex iżur lill-​Messija? (b) X’nitgħallmu mix-​xiehda li Ġesù ta lill-​mara Samaritana?

7 Filwaqt li qiegħed Ġerusalemm, Ġesù jwettaq ħafna sinjali taʼ l-​għaġeb, u ħafna nies ipoġġu fidi fih. Saħansitra Nikodemu, membru tas-​Sinedriju, jew il-​qorti superjuri Lhudija, jimpressjona ruħu b’Ġesù u jżuru bil-​lejl biex jitgħallem iktar. Imbagħad, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jibqgħu madwar tmien xhur “fl-​art tal-​Lhudija,” jew il-​Ġudea, jippridkaw u jagħmlu dixxipli. Madankollu, wara l-​arrest taʼ Ġwanni l-​Għammied huma jitilqu mill-​Ġudea u jerħulha lejn il-​Galilija. Hekk kif jivvjaġġaw mid-​distrett tas-​Samarija, Ġesù jaħtaf l-​opportunità biex jagħti xiehda bir-​reqqa lil waħda mara Samaritana. Dan iwitti t-​triq biex ħafna Samaritani jibdew jemmnu. Ejja noqogħdu attenti biex aħna wkoll naħtfu kull opportunità li jistaʼ jkollna biex nitkellmu dwar is-​Saltna.—Ġwann 2:23; 3:​1-22; 4:1-42; Mark 1:14.

Tagħlim Estensiv fil-​Galilija

8. Ġesù jagħti bidu għal liema xogħol fil-​Galilija?

8 Qabel ma tasal “is-​siegħa” tal-​mewt tiegħu, Ġesù għandu ħafna x’jagħmel fis-​servizz taʼ Missieru tas-​sema. Fil-​Galilija, Ġesù jagħti bidu għal ministeru saħansitra akbar minn dak li sar fil-​Ġudea u Ġerusalemm. Hu jdur “il-​Galilija kollha jgħallem fis-​sinagogi tagħhom, ixandar l-​Evanġelju tas-​Saltna u jfejjaq kull xorta taʼ mard u dgħufija fost il-​poplu.” (Mattew 4:23) Kliemu: “Indmu għax is-​Saltna tas-​Smewwiet waslet,” jidwi mad-​distrett kollu kemm hu u jqanqal lin-​nies biex jieħdu azzjoni. (Mattew 4:17) Wara ftit xhur, tnejn mid-​dixxipli taʼ Ġwanni l-​Għammied jiġu għand Ġesù biex jaraw b’għajnejhom stess dak li kien qed jagħmel. Hu jgħidilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-​aħbar taʼ dak li rajtu u smajtu; kif l-​għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-​zopop jimxu, il-​lebbrużi jfiqu, it-​torox jisimgħu, il-​mejtin iqumu, u kif il-​bxara t-​tajba qiegħda tixxandar lill-​fqar. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!”—Luqa 7:22, 23.

9. Il-​folol għala jmorru bi ħġarhom għand Kristu Ġesù, u x’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan?

9 ‘Il-​fama tajba dwar Ġesù tinxtered maʼ dawk l-​inħawi kollha,’ u folol kbar jiġu bi ħġarhom għandu mill-​Galilija, mid-​Dekapoli, minn Ġerusalemm, mill-​Ġudea, u mill-​inħawi ’l hemm mill-​Ġordan. (Luqa 4:​14, 15; Mattew 4:24, 25) Dawn jiġu għandu mhux biss minħabba l-​fejqan mirakoluż li jagħmel imma wkoll biex jisimgħu t-​tagħlim meraviljuż tiegħu. Il-​messaġġ tiegħu hu wieħed li jqanqal u li jinkuraġġixxi. (Mattew 5:1–​7:27) Kliemu mimli ħlewwa u pjaċevoli. (Luqa 4:22) Il-​folol jibqgħu “mistagħġba bil-​mod tat-​tagħlim tiegħu,” għaliex hu jitkellem mill-​Iskrittura b’awtorità. (Mattew 7:​28, 29; Luqa 4:32) Min ma jħossux miġbud lejn raġel bħal dan? Jalla aħna wkoll niżviluppaw l-​arti tat-​tagħlim biex b’hekk inkunu nistgħu niġbdu individwi taʼ qalb onesta lejn il-​verità.

10. In-​nies tal-​belt taʼ Nazaret għala jipprovaw joqtluh lil Ġesù, u għala ma jirnexxilhomx?

10 Madankollu, mhux kulmin jismaʼ lil Ġesù hu lest li jaċċetta l-​messaġġ tiegħu. Saħansitra fil-​bidu tal-​ministeru tiegħu meta jkun qed jgħallem fis-​sinagoga taʼ Nazaret, il-​belt fejn kien twieled, isir attentat biex joqtluh. Għalkemm in-​nies tal-​belt jibqgħu meraviljati bil-​“kliem mimli ħlewwa” tiegħu, huma jridu jaraw il-​mirakli. Madankollu, Ġesù mhux biss ma jwettaqx ħafna xogħlijiet taʼ l-​għaġeb hemmhekk, iżda talli jikxef l-​egoiżmu u n-​nuqqas taʼ fidi tagħhom. Inkorlati għall-​aħħar, dawk li jkunu fis-​sinagoga jqumu, jaħtfu lil Ġesù, u jiħduh b’ġirja waħda għal fuq għolja biex jixħtuh għal rasu minn fuq l-​irdum. Imma hu jiskappa minn taħt idejhom u jiżgiċċalhom. Is-​“siegħa” tal-​mewt tiegħu għadha ma waslitx.—Luqa 4:​16-30.

11. (a) Xi mexxejja reliġjużi għala jiġu jisimgħuh lil Ġesù? (b) Ġesù għala jiġi akkużat li kiser is-​Sibt?

11 Il-​mexxejja reliġjużi, fosthom l-​iskribi, il-​Fariżej, is-​Sadduċej u oħrajn, taʼ sikwit ikunu preżenti wkoll fil-​post fejn ikun qed jippriedka Ġesù. Ħafna minnhom ikunu hemmhekk mhux biex jisimgħu u jitgħallmu, imma biex jipprovaw isibu xi difett fuq xiex jaqbduh. (Mattew 12:38; 16:1; Luqa 5:17; 6:​1, 2) Per eżempju, waqt li qiegħed f’Ġerusalemm għall-​Qbiż tas-​sena 31 E.K., Ġesù jfejjaq wieħed raġel li ilu 38 sena marid. Il-​mexxejja reliġjużi Lhud jakkużaw lil Ġesù li kien kiser is-​Sibt. Hu jweġibhom: “Missieri għadu jaħdem sa issa: mela naħdem jien ukoll.” Issa l-​Lhud jixluh li qed jidgħi, għax billi jsejjaħ lil Alla bħala Missieru kien qed jgħid li hu l-​Iben t’Alla. Huma jfittxu li joqtluh lil Ġesù, imma hu jitlaq minn Ġerusalemm lejn il-​Galilija flimkien mad-​dixxipli tiegħu. Kemm ikun għaqli min-​naħa tagħna jekk aħna bl-​istess mod nevitaw li jkollna xi konfront bla bżonn maʼ dawk li jopponuna, hekk kif nużaw l-​enerġija kollha tagħna għax-​xogħol taʼ li nippridkaw is-​Saltna u nagħmlu dixxipli.—Ġwann 5:​1-18; 6:1.

12. Ġesù b’liema mod estensiv ikopri t-​territorju fil-​Galilija?

12 Wara dan, Ġesù jillimita l-​biċċa l-​kbira tal-​ministeru tiegħu għall-​Galilija, fejn iqattaʼ madwar sena u nofs. Hu jmur Ġerusalemm biss biex jattendi għat-​tliet festi li l-​Lhud kienu jagħmlu taʼ kull sena. B’kollox, hu għamel tliet kampanji taʼ ppridkar fil-​Galilija: l-​ewwel maʼ 4 dixxipli ġodda, imbagħad mat-​12-il appostlu. It-​tielet kampanja hija akbar, u din id-​darba jieħdu sehem ukoll l-​appostli li issa huma mħarrġin. X’xiehda estensiva tingħata fil-​Galilija dwar il-​verità!—Mattew 4:​18-25; Luqa 8:​1-3; 9:​1-6.

Jippriedka b’Kuraġġ fil-​Ġudea u l-​Perea

13, 14. (a) Il-​Lhud f’liema okkażjoni jipprovaw jaqbduh lil Ġesù? (b) L-​uffiċjali għala ma jirnexxilhomx jarrestawh lil Ġesù?

13 Ninsabu fil-​Ħarifa tas-​sena 32 E.K., u s-​“siegħa” taʼ Ġesù għad fadlilha. Il-​Festa taʼ l-​Għerejjex qorbot. Ħut Ġesù mill-​omm issa jħeġġuh: “Itlaq minn hawn u mur il-​Lhudija.” Huma jridu li Ġesù juri l-​qawwa mirakoluża tiegħu lil dawk kollha li huma miġburin għall-​festa f’Ġerusalemm. Iżda Ġesù huwa konxju tal-​periklu. Għalhekk, jgħid lil ħutu: “Jiena ma nitlax għaliha din il-​festa, għax iż-​żmien tiegħi għadu ma għalaqlix.”—Ġwann 7:​1-8.

14 Wara li jdum ftit ieħor fil-​Galilija, Ġesù jitlaʼ Ġerusalemm “mhux bid-​dieher, imma bil-​moħbi.” Il-​Lhud qegħdin ifittxuh tabilħaqq fil-​festa, u jistaqsu: “Dan fejn hu?” Meta l-​festa tkun diġà għaddiet nofsha, Ġesù jmur fit-​tempju u jibda jgħallem b’kuraġġ. Huma jfittxu li jaqbduh, forsi biex jitfgħuh il-​ħabs jew biex joqtluh. Madankollu, ma jirnexxilhomx għax ‘is-​siegħa tiegħu għadha ma waslitx.’ Issa ħafna wħud ipoġġu fidi f’Ġesù. Anki xi uffiċjali li ntbagħtu mill-​Fariżej biex jaqbduh jiġu lura idhom f’idhom, jgħidu: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-​bniedem!”—Ġwann 7:​9-14, 30-46.

15. Il-​Lhud għala jaqbdu l-​ġebel biex iwaddbuh lil Ġesù, u mbagħad hu jagħti bidu għal liema kampanja taʼ ppridkar?

15 Il-​konflitt bejn Ġesù u l-Lhud li jopponuh ikompli sejjer matul il-​festa, hekk kif Ġesù jkompli jgħallem fit-​tempju dwar Missieru. Fl-​aħħar ġurnata tal-​festa, il-​Lhud tant huma rrabjati bl-​istqarrija taʼ Ġesù li hu kien diġà jeżisti qabel ma sar bniedem, li jaqbdu l-​ġebel biex iwaddbuhulu. Imma hu jinħeba u jaħrab mingħajr girfa. (Ġwann 8:​12-59) Filwaqt li jibqaʼ ’l bogħod minn Ġerusalemm, Ġesù jagħti bidu għal kampanja kbira taʼ ppridkar fil-​Ġudea, billi jagħżel 70 dixxiplu u, wara li jagħtihom xi istruzzjonijiet, jibgħathom tnejn tnejn biex jaħdmu t-​territorju. Huma jmorru minn qabel f’kull post u belt li Ġesù qed jippjana li jżur maʼ l-​appostli tiegħu.—Luqa 10:​1-24.

16. Ġesù jaħrab minn liema periklu waqt il-​Festa tad-​Dedikazzjoni, u f’liema xogħol jerġaʼ jintefaʼ b’ruħu u b’ġismu?

16 Fix-​xitwa tas-​sena 32 E.K., is-​“siegħa” taʼ Ġesù tkompli toqrob. Hu jasal f’Ġerusalemm għall-​Festa tad-​Dedikazzjoni, jew tal-​Konsagrazzjoni. Il-​Lhud xorta għadhom qed ifittxu li joqtluh. Hekk kif Ġesù jgħaddi mil-​loġġa tat-​tempju mimlija kolonni, idawruh. Għal darb’oħra jerġgħu jakkużawh li qed jidgħi, u jaqbdu l-​ġebel biex joqtluh. Imma bħalma għamel f’okkażjonijiet oħra, Ġesù jaħrab. Fi żmien qasir hu jerġaʼ jibda jivvjaġġa u jgħallem. Din id-​darba jmur minn belt għal belt u minn raħal għal raħal fid-​distrett tal-​Perea, in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan mill-​Ġudea. Ħafna nies ipoġġu fidi fih. Imma meta jirċievi messaġġ dwar il-​ħabib tal-​qalb tiegħu Lazzru jkollu jerġaʼ jmur lura lejn il-​Ġudea.—Luqa 13:33; Ġwann 10:​20-42.

17. (a) Ġesù x’messaġġ urġenti jirċievi waqt li qed jippriedka fil-​Perea? (b) X’juri li Ġesù hu konxju kemm taʼ l-​iskop taʼ dak li jrid jagħmel kif ukoll taż-​żmien imwaqqat?

17 Il-​messaġġ urġenti ġej mingħand Marta u Marija, ħut Lazzru, li jgħixu Betanja, fil-​Ġudea. “Mulej, ara, ħabibek marid,” jgħid il-​messaġġier. “Din m’hijiex marda tal-​mewt,” iwieġeb Ġesù, “iżda hi għall-​glorja taʼ Alla, biex biha tingħata glorja lill-​Iben taʼ Alla.” Biex ikun jistaʼ jitwettaq dan l-​għan, Ġesù jibqaʼ apposta jumejn oħra fil-​post fejn qiegħed. Imbagħad jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Ejjew nerġgħu mmorru l-​Lhudija.” Mimlijin stagħġib, huma jwiġbuh: “Rabbi, il-​Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?” Imma Ġesù jaf li dak li baqaʼ ‘mis-​sigħat taʼ bi nhar,’ jew iż-​żmien li tah Alla biex iwettaq il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, huwa qasir. Hu jaf eżatt x’irid jagħmel u għala.—Ġwann 11:​1-10.

Miraklu li Ħadd Ma Setaʼ Jinjorah

18. X’inhi s-​sitwazzjoni f’Betanja meta jasal Ġesù, u x’jiġri wara l-​wasla tiegħu?

18 F’Betanja, tkun Marta l-​ewwel waħda li tiltaqaʼ maʼ Ġesù. Hi tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.” Warajha jiġu Marija u n-​nies li kienu ġew għandhom. Ilkoll qegħdin jibku. “Fejn qegħedtuh?” jistaqsihom Ġesù. Huma jwiġbuh: “Mulej, ejja u ara.” Meta jaslu fuq il-​qabar tal-​mafkar, li hu għar magħluq bi blata, Ġesù jgħidilhom: “Neħħu l-​blata.” Billi ma tifhimx dak li bi ħsiebu jagħmel Ġesù, Marta tipprotesta: “Mulej, issa beda jrejjaħ: ġa ilu erbat ijiem mejjet.” Imma Ġesù jistaqsi: “Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-​glorja taʼ Alla?”—Ġwann 11:​17-40.

19.Ġesù għala jitlob pubblikament qabel ma jirxoxta lil Lazzru?

19 Hekk kif titneħħa l-​blata li qed tagħlaq il-​qabar taʼ Lazzru, Ġesù jitlob b’leħen għoli sabiex in-​nies ikunu jafu li dak li kien se jagħmel kien se jitwettaq bil-​qawwa t’Alla. Imbagħad hu jgħajjat b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!” Lazzru joħroġ b’idejh u riġlejh għadhom imkeffnin u b’wiċċu mgħotti b’ċarruta. Jgħidilhom Ġesù: “Ħollulu l-​faxex u ħalluh imur.”—Ġwann 11:​41-44.

20. X’jagħmlu n-​nies li jaraw lil Ġesù jirxoxta lil Lazzru?

20 Meta jaraw dan il-​miraklu, ħafna mil-​Lhud li kienu ġew biex ifarrġu lil Marta u lil Marija jpoġġu fidi f’Ġesù. Oħrajn jitilqu biex jgħidu lill-​Fariżej b’dak li ġara. X’kienet ir-​reazzjoni taʼ dawn? Bla telf taʼ żmien, huma u l-​qassisin ewlenin ilaqqgħu malajr malajr lis-​Sinedriju. Fil-​ferneżija taʼ dak il-​ħin, huma jilmentaw: “X’sejrin nagħmlu? Għax dan il-​bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali. Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu r-​Rumani, u jeqirdulna kemm it-​tempju u kemm il-​ġens tagħna.” Imma Kajfa, il-​Qassis il-​Kbir, jgħidilhom: “Intom ma tafu xejn. Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-​poplu u mhux jinqered il-​ġens kollu.” Għalhekk, minn dak in-​nhar ’il quddiem jibdew jiftehmu biex joqtlu lil Ġesù.—Ġwann 11:​45-53.

21. Il-​miraklu taʼ l-​irxoxt taʼ Lazzru jservi bħala introduzzjoni għal liema ħaġa?

21 Għalhekk, billi jdum ma jasal f’Betanja, Ġesù jistaʼ jwettaq dan il-​miraklu li ħadd ma jistaʼ jinjorah. Bis-​setgħa mogħtija lilu minn Alla, Ġesù jirxoxta raġel li ilu mejjet erbat ijiem. Minkejja l-​pożizzjoni għolja tiegħu, is-​Sinedriju kellu jinnota u jikkundanna għall-​mewt lil dan il-​Wieħed li jagħmel il-​mirakli! B’hekk, dan il-​miraklu jservi bħala introduzzjoni għal bidla importanti ħafna fil-​ministeru taʼ Ġesù—il-​bidla miż-​żmien taʼ meta s-​“siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx” għaż-​żmien meta “waslet is-​siegħa.”

Int Kif Twieġeb?

• Ġesù kif wera li kien konxju tax-​xogħol li tah Alla?

• Ġesù għala joġġezzjona għas-​suġġeriment t’ommu dwar l-​inbid?

• X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù spiss ittratta maʼ l-​opponenti tiegħu?

• Ġesù għala ma jiħux azzjoni mill-​ewwel meta jimrad Lazzru?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 12]

Ġesù uża l-​enerġija kollha tiegħu fir-​responsabbiltà li tah Alla