Karba għall-Għajnuna
“Insieni Alla!” ilmentat waħda mara Brażiljana. Wara li żewġha miet f’daqqa, hi ħasset li ħajjitha ma kien baqgħalha ebda skop. Qatt ipprovajt tfarraġ lil xi ħadd li jkun imnikket daqshekk jew li forsi qed jitkarrab għall-għajnuna?
Xi wħud tant jaqtgħu qalbhom li jispiċċaw biex itemmu ħajjithom ħesrem. Għadd kbir minn dawn huma żgħażagħ. Skond il-gazzetta Folha de S. Paulo, riċerka li saret fil-Brażil turi li s-“suwiċidju fost iż-żgħażagħ żdied b’26 fil-mija.” Per eżempju, ikkunsidra l-każ taʼ Walter, a żagħżugħ f’São Paulo. Dan la kellu ġenituri, la kellu dar, la kellu privatezza, u lanqas kellu ħbieb li setaʼ jorbot fuqhom. Biex itemm il-miżerja li kien jinsab fiha, Walter iddeċieda li jaqbeż għal isfel minn fuq pont.
Edna, omm mhix miżżewġa, diġà kellha żewġt itfal meta ltaqgħet maʼ raġel ieħor. Wara xahar biss, dawn bdew jgħixu flimkien fid-dar t’ommu, li kienet tiddiletta bl-ispiritiżmu u tħobb il-qatra. Edna wildet tarbija oħra, bdiet tixrob bl-addoċċ, u tant saret dipressa li pprovat tagħmel suwiċidju. Fl-aħħarnett, tilfet il-kustodja taʼ wliedha.
Xi ngħidu għax-xjuħ? Marija kienet ċajtiera u tħobb tpaċpaċ ħafna. Madankollu, meta bdiet tikber, bdiet tinkwieta dwar l-impjieg tagħha bħala infermiera għaliex beżgħet li tagħmel xi żball. Minħabba f’hekk, saret dipressa. Wara li pprovat tfejjaq lilha nfisha, fittxet l-għajnuna medika, u l-kura li ngħatat donnha li kienet qed tgħinha. Imma meta tilfet l-impjieg tagħha fl-età taʼ 57 sena, id-dipressjoni reġgħet ħakmitha b’tali mod u manjiera li ma setgħet tara l-ebda soluzzjoni. F’moħħha Marija bdiet tberren biex tagħmel suwiċidju.
“Madwar 10 fil-mija tan-nies li jkunu dipressi jipprovaw jagħmlu suwiċidju,” jgħid il-Professur José Alberto Del Porto taʼ l-Università taʼ São Paulo. “Huwa diffiċli li temmen li kien hemm iktar nies li mietu b’suwiċidju milli b’omiċidju, imma b’sogħba hekk hu,” jirrapporta Dr. David Satcher, kirurgu ġenerali fl-Istati Uniti.
Kultant min jipprova jagħmel suwiċidju jkun fil-fatt qed jitkarrab għall-għajnuna. U żgur li l-membri tal-familja u l-ħbieb ikunu jridu jagħmlu l-aħjar ħaġa għal dak il-wieħed li jkun tilef kull tama. M’għandniex xi ngħidu, mhux se jkun t’għajnuna li nużaw espressjonijiet bħal:
“Tibqax titħassar lilek innifsek,” “Ħafna nies qegħdin f’sitwazzjoni ferm agħar minn tiegħek” jew, “Illum jew għada kulħadd tiġih ħażina.” Minflok, għala ma tipprovax tkun ħabib veru u semmiegħ tajjeb? Iva, ipprova għin lil min ikun qataʼ qalbu biex jara li l-ħajja hi taʼ min jgħixha.L-awtur Franċiż Voltaire kiteb: “Il-bniedem li, f’attakk taʼ malinkonija, joqtol lilu nnifsu llum, ikun xtaq li għex kieku stenna ġimgħa oħra.” Sewwa, allura, in-nies iddisprati kif jistgħu jiskopru li l-ħajja hi taʼ min jgħixha?
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Stampa f’paġna 3]
Għadd li dejjem jiżdied taʼ żgħażagħ u adulti jagħmlu suwiċidju
[Stampa f’paġna 4]
Kif tistaʼ tgħinu lil min ikun tilef kull tama?