Dak li Se Tagħmel is-Saltna t’Alla
“Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.”—MATTEW 6:10.
1. X’se tkun tfisser il-miġja tas-Saltna t’Alla?
Meta Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla, hu kien jaf li din kienet se ttemm l-eluf taʼ snin li l-bniedem kien għamel jaħkem indipendentement minn Alla. Matul dan iż-żmien kollu, ir-rieda t’Alla ma kinitx qegħda ssir fuq l-art in ġenerali. (Salm 147:19, 20) Imma wara t-twaqqif tas-Saltna fis-sema, ir-rieda t’Alla trid issir maʼ kullimkien. Iż-żmien għal din il-bidla taʼ l-għaġeb, meta mill-ħakma umana se ngħaddu għal dik tas-Saltna t’Alla li se taħkem mis-sema, qed joqrob b’pass mgħaġġel.
2. X’se jimmarka l-bidla mill-ħakma umana għall-ħakma tas-Saltna?
2 Biex jimmarka din il-bidla se jkun hemm perijodu taʼ żmien li Ġesù sejjaħlu “diqa kbira li mill-bidu tad-dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.” (Mattew 24:21) Il-Bibbja ma tgħidx kemm kellu jkun twil dan il-perijodu, iżda l-għawġ kollu li jrid iseħħ matulu se jkun agħar minn kwalunkwe għawġ ieħor li qatt rat id-dinja. Fil-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira, se tiġri xi ħaġa li se taħsad bl-ikrah il-biċċa l-kbira tan-nies fid-dinja: il-qerda tar-reliġjonijiet foloz kollha. Ix-Xhieda taʼ Jehovah mhux se jinħasdu b’dan, għaliex ilhom jistennewh ħafna. (Apokalissi 17:1, 15-17; 18:1-24) It-tribulazzjoni l-kbira tispiċċa f’Armageddon meta s-Saltna t’Alla se tkisser is-sistema Satanika kollha kemm hi.—Danjel 2:44; Apokalissi 16:14, 16.
3. Ġeremija kif jiddeskrivih id-destin taʼ l-uħud diżubbidjenti?
3 X’se jkun ifisser dan għan-nies li ‘ma jagħrfux lil Alla, u għal dawk li ma jobdux’ l-aħbar tajba dwar is-Saltna tiegħu tas-sema mmexxija minn Kristu? (2 Tessalonikin 1:6-9) Il-profezija Biblika tgħidilna: “Araw! Il-ħsara tgħaddi minn ġens għal ġens, u riefnu kbir se jqum minn truf l-art. U jkunu l-maqtulin mill-Mulej dakinhar, mxerrda minn tarf sa tarf taʼ l-art. Ma jibkuhomx, ma jiġbruhomx, ma jidfnuhomx; u jsiru demel fuq wiċċ l-art.”—Ġeremija 25:32, 33.
It-Tmiem tal-Ħażen
4. Jehovah għala għandu kull raġun li jtemm din is-sistema mill-agħar?
4 Alla Jehovah ttollera l-ħażen għal eluf taʼ snin, u dan kien żmien twil biżżejjed biex individwi taʼ qalb onesta jaraw li l-ħakma umana ġġib biss diżastru. Per eżempju, sors wieħed jgħid li fis-seklu 20 biss inqatlu iktar minn 150 miljun persuna fi gwerer, rivoluzzjonijiet, u inkwiet ċivili ieħor. Il-kattiverija tal-bniedem spikkat b’mod partikulari fit-Tieni Gwerra Dinjija li fiha tilfu ħajjithom xi 50 miljun ruħ. Ħafna minn dawn mietu b’mod orribbli fil-kampijiet tal-konċentrament Nazisti. Sewwa sew bħalma kien imbassar fil-Bibbja, fi żmienna ‘n-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra komplew marru mill-ħażin għall-agħar.’ (2 Timotju 3:1-5, 13) Illum l-immoralità, il-kriminalità, il-vjolenza, il-korruzzjoni, u n-nuqqas taʼ rispett lejn il-livelli t’Alla żdiedu sew. Għalhekk, Jehovah għandu kull raġun li jtemm din is-sistema mill-agħar.
5, 6. Iddeskrivi l-ħażen li kien jeżisti f’Kangħan tal-qedem.
5 Is-sitwazzjoni tal-lum hija simili għal dik li kienet teżisti f’Kangħan xi 3,500 sena ilu. Il-Bibbja tgħid: “Kull ma jistkerrah u jobgħod il-Mulej huma għamluh lill-allat tagħhom, saħansitra ħarqu bin-nar lis-subjien u l-bniet tagħhom, lill-allat tagħhom.” (Dewteronomju 12:31) Jehovah qal lin-nazzjon taʼ Iżrael: “Minħabba l-ħażen taʼ dawn il-ġnus il-Mulej, Alla tiegħek, se jħarbathom quddiemek.” (Dewteronomju 9:5) Henry H. Halley, kittieb taʼ l-istorja Biblika, innota: “Il-qima taʼ Bagħal, Għastarot, u allat Kangħanin oħrajn kienet tikkonsisti f’orġji mill-iktar esaġerati; it-tempji tagħhom kienu ċentri taʼ korruzzjoni morali.”
6 Halley wera kemm kien kbir il-ħażen tagħhom, għax f’wieħed minn dawn il-postijiet, l-arkeoloġi “sabu għadd kbir taʼ ġarar li fihom kien hemm il-fdalijiet taʼ tfal li kienu ġew sagrifikati lil Bagħal.” Hu qal: “Dik l-akkwata kollha kienet ċimiterju taʼ trabi li kienu għadhom kif twieldu. . . . Il-Kangħanin kienu jqimu, billi jagħmlu ċerimonja reliġjuża b’atti immorali bla rażan, fil-preżenza taʼ l-allat tagħhom. Imbagħad, kienu joqtlu l-ewwel imweldin tagħhom bħala sagrifiċċju lil dawn l-istess allat. Jidher li fil-biċċa l-kbira, l-art taʼ Kangħan kienet saret tip taʼ Sodoma u Gomorra fuq skala nazzjonali. . . . Kellha ċivilizzazzjoni b’din il-kwalità taʼ ħmieġ u brutalità diżgustanti d-dritt li tkompli teżisti? . . . L-arkeoloġi li jħaffru fir-rovini taʼ bliet Kangħanin jistagħġbu kif Alla ma qeridhomx qabel.”
L-Art b’Wirt
7, 8. Alla kif se jnaddafha din l-art?
7 L-istess bħalma naddaf l-art taʼ Kangħan, Alla dalwaqt se jnaddaf l-art kollha u jagħtiha lil dawk li jagħmlu r-rieda tiegħu. “Għax it-tajbin jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.” (Proverbji 2:21, 22) U s-salmista jgħid: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar . . . Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:10, 11) Anki Satana se jitneħħa biex b’hekk “ma jqarraqx iżjed bil-ġnus sa ma jintemmu l-elf sena.” (Apokalissi 20:1-3) Iva, id-“dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17.
8 Ġesù ġabar fil-qosor it-tama meraviljuża li hemm għal dawk li jridu jgħixu għal dejjem fuq l-art, meta qal: “Henjin taʼ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.” (Mattew 5:5) X’aktarx li kien qed jirreferi għal Salm 37:29, li bassar: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Ġesù kien jaf li l-iskop taʼ Jehovah kien li jkollu nies taʼ qalb onesta jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-art. Jehovah jgħid: “Jien huwa li għamilt l-art, il-bniedem u l-bhejjem, li jinsabu fuq wiċċ l-art, bil-qawwa kbira tiegħi . . . , u nagħtiha lil min [“jistħoqqlu,” KŻ].”—Ġeremija 27:5.
Dinja Ġdida Meraviljuża
9. Is-Saltna t’Alla se tagħti bidu għal liema tip t’art?
9 Wara Armageddon, is-Saltna t’Alla se tagħti bidu għal “art ġdida” meraviljuża fejn se “tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) X’serħan kbir se jġib miegħu l-fatt li dawk li jsalvaw f’Armageddon se jkunu ħelsu minn din is-sistema t’affarijiet kiefra u mill-agħar! Kemm se jifirħu li jkunu daħlu fid-dinja ġdida taʼ tjieba taħt il-gvern tas-Saltna tas-sema, fejn hemm jistennewhom barkiet taʼ l-għaġeb u ħajja taʼ dejjem!—Apokalissi 7:9-17.
10. Liema affarijiet ħżiena mhux se jeżistu iktar taħt il-ħakma tas-Saltna?
10 In-nies mhux se jkunu iktar mhedda bi gwerer, kriminalità, ġuħ, jew saħansitra annimali feroċi. “Nagħmel . . . [mal-poplu tiegħi] patt taʼ sliem u neqred mill-art il-bhejjem selvaġġi. . . . U s-siġar tar-rabaʼ jagħtu l-frott tagħhom, u l-art in-nebbieta tagħha, u huma joqogħdu bla biżaʼ fl-irziezet tagħhom.” “Ix-xwabel tagħhom idewwbuhom f’sikek, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Il-ġnus ma jisiltux ix-xwabel għal xulxin, u ma jitħarrġux aktar għall-gwerra. Imma kull wieħed jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom.”—Eżekjel 34:25-28; Mikea 4:3, 4.
11. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li l-mard fiżiku se jispiċċa?
11 Il-mard, in-niket, u saħansitra l-mewt se jinqerdu. “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’ Il-poplu li hemm fiha tinħafirlu ħżunitu.” (Isaija 33:24) “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel. . . . ‘Ara, se nġedded kollox.’” (Apokalissi 21:4, 5) Meta kien fuq l-art, Ġesù wera li kellu l-abbiltà li jagħmel dawn l-affarijiet bil-qawwa li tah Alla. Bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis, Ġesù vvjaġġa mal-pajjiż kollu jfejjaq iz-zopop u l-morda.—Mattew 15:30, 31.
12. X’tama hemm għall-mejtin?
12 Iżda Ġesù għamel iktar minn hekk. Hu qajjem lill-mejtin. X’kienet ir-reazzjoni tan-nies umli? Meta rxoxta lil waħda tifla taʼ 12-il sena, il-ġenituri tagħha “baqgħu miblugħin bil-għaġeb.” (Mark 5:42) Dan kien eżempju ieħor taʼ dak li se jagħmel Ġesù mad-dinja kollha taħt il-ħakma tas-Saltna, meta mbagħad “kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.” (Atti 24:15) Immaġina ftit il-ferħ kbir li se jkun hemm meta l-mejtin jerġgħu jieħdu l-ħajja, grupp wara l-ieħor, u jingħaqdu mill-ġdid mal-maħbubin tagħhom! Bla dubju se jsir xogħol edukattiv kbir taħt id-direzzjoni tas-Saltna sabiex ‘l-art timtela bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.’—Isaija 11:9.
Is-Sovranità taʼ Jehovah Vendikata
13. Il-ħakma t’Alla kif se tintwera li hi ġusta u tajba?
13 Sa ma jintemmu l-elf sena taʼ ħakma mis-Saltna, ir-razza umana se tkun reġgħet kisbet il-perfezzjoni kemm tal-moħħ u kemm tal-ġisem. L-art se tkun ġnien taʼ Għeden globali, ġenna taʼ l-art. Se jkunu nkisbu l-paċi, l-hena, is-sigurtà, kif ukoll se jkun hawn soċjetà taʼ bnedmin li jħobbu lil xulxin. Qatt qabel il-ħakma tas-Saltna ma dehret xi ħaġa bħal din fl-istorja tal-bniedem! Imbagħad x’kuntrast enormi se jkun hemm bejn l-eluf taʼ snin li jkunu għaddew b’ħakma miżerabbli mill-bniedem u l-ħakma mill-aħjar tas-Saltna t’Alla li se taħkem għal elf sena mis-sema! Se jkun intwera biċ-ċar li l-ħakma t’Alla permezz tas-Saltna tiegħu hi superjuri għalkollox f’kull aspett. Id-dritt t’Alla li jaħkem, is-sovranità tiegħu, se jkun ġie vendikat totalment.
14. X’se jsir mir-ribelli meta jintemmu l-elf sena?
14 Fl-aħħar taʼ l-elf sena, Jehovah se jippermetti li l-bnedmin perfetti jużaw il-libertà taʼ l-għażla tagħhom u jiddeċiedu lil min iridu jaqdu. Il-Bibbja turi li x-‘Xitan se jinħall mill-ħabs tiegħu.’ Hu se jerġaʼ jipprova jqarraq bil-bnedmin, u xi wħud minnhom se jagħżlu li jkunu indipendenti minn Alla. Biex jevita li jerġaʼ jinqalaʼ l-għawġ għat-tieni darba, Jehovah se jeqred lil Satana, lid-demonji tiegħu, u lil dawk kollha li jiħduha kontra s-sovranità taʼ Jehovah. F’dak iż-żmien, ħadd ma jkun jistaʼ jilmenta li xi bniedem li jinqered għal dejjem ma jkunx ngħata ċans jew li t-triq ħażina li jkun qabad kienet minħabba l-imperfezzjoni. Le, huma se jkunu perfetti bħalma kienu Adam u Eva meta għażlu minn jeddhom li jirribellaw kontra l-ħakma taʼ tjieba taʼ Jehovah.—Apokalissi 20:7-10; Naħum 1:9.
15. L-uħud leali x’relazzjoni se jkollhom maʼ Jehovah?
15 Mill-banda l-oħra, x’aktarx li l-biċċa l-kbira tan-nies se jagħżlu li jappoġġaw is-sovranità taʼ Jehovah. Meta jinqerdu r-ribelli kollha, l-uħud twajbin se jieqfu quddiem Jehovah, għax ikunu għaddew l-aħħar prova taʼ lealtà. Dawn l-uħud leali mbagħad se jiġu aċċettati minn Jehovah bħala wliedu. Għaldaqstant, huma se jerġaʼ jkollhom dik ir-relazzjoni m’Alla li kellhom Adam u Eva qabel ma rribellaw. B’hekk jitwettaq Rumani 8:21: “[I]l-ħlejjaq [ir-razza umana] huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.” Il-profeta Isaija jbassar: “[Alla] jeqred il-mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ.”—Isaija 25:8.
It-Tama taʼ Ħajja taʼ Dejjem
16. Għala huwa xieraq li nħarsu ’l quddiem lejn il-premju taʼ ħajja taʼ dejjem?
16 Xi prospett meraviljuż hemm jistenna lill-uħud leali, li jkunu jafu li Alla se jitfaʼ fuqhom xita taʼ benefiċċji spiritwali u materjali! Is-salmista b’mod xieraq qal: “Int tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-ġid.” (Salm 145:16) Jehovah jinkuraġġixxi lil dawk li jagħmlu parti mill-klassi għall-art biex jagħmlu t-tama taʼ ħajja fil-Ġenna taʼ l-art parti mill-fidi tagħhom fih. Filwaqt li l-kwistjoni tas-sovranità taʼ Jehovah hija l-iktar ħaġa importanti, hu ma jistenniex li n-nies jaqduh mingħajr il-prospett li jiġu premjati. Fil-Bibbja, il-lealtà lejn Alla u t-tama taʼ ħajja eterna huma marbutin sew flimkien bħala parti importanti mill-fidi li l-Kristjan għandu f’Alla. “Kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.”—Lhud 11:6.
17. Ġesù kif wera li kien xieraq li nkunu msaħħin bit-tama tagħna?
17 Ġesù qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Hawnhekk hu rabat l-għarfien dwar Alla u l-iskopijiet tiegħu mal-premju li dan iġib miegħu. Biex nieħdu eżempju, meta wieħed midneb talab lil Ġesù biex dan jiftakar fih meta jidħol fis-Saltna tiegħu, Ġesù qal: “[Int] tkun fil-Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Ma qalx lir-raġel biex ikollu fidi anki jekk ma jieħu l-ebda premju. Kien jaf li Jehovah jrid li l-qaddejja tiegħu jkollhom it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-art biex tgħinhom ikampaw mad-diversi provi li jħabbtu wiċċhom magħhom f’din id-dinja. B’hekk, li jħarsu ’l quddiem lejn il-premju huwa vitali għall-Kristjani għax jgħinhom jissaportu.
Il-Futur tas-Saltna
18, 19. X’se jiġri mis-Sultan u s-Saltna fit-tmiem tar-Renju Millennjali?
18 Ladarba s-Saltna kienet il-gvern użat minn Jehovah biex jgħinu jġib id-dinja u l-abitanti umani tagħha għall-perfezzjoni u jerġaʼ jħabbibhom miegħu, x’se jkun l-irwol tas-Sultan Ġesù Kristu u l-144,000 slaten u qassisin wara l-Millennju? “Mbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan ‘sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh’.”—1 Korintin 15:24, 25.
19 Meta Kristu jgħaddi s-Saltna lil Alla, kif nistgħu nifhmuhom l-iskritturi li jgħidu li din se tibqaʼ għal dejjem? Dak li se twettaq is-Saltna se jibqaʼ għal dejjem. Kristu se jiġi onorat għal dejjem minħabba s-sehem li kellu biex tiġi vendikata s-sovranità t’Alla. Imma ladarba d-dnub u l-mewt ikunu spiċċaw kompletament, u l-umanità tkun ġiet mifdija, ma jkollux bżonn jibqaʼ jaqdi bħala Feddej. Ir-Renju Millennjali tas-Saltna se jkun ukoll twettaq għalkollox; u għalhekk Jehovah mhux se jkollu bżonn iktar l-għajnuna taʼ xi gvern bejnu u l-bnedmin ubbidjenti. Hekk, “Alla jkun kollox f’kollox.”—1 Korintin 15:28.
20. Kif nistgħu nsiru nafu x’hemm fil-futur għal Kristu u l-144,000?
20 X’se jkun l-irwol taʼ Ġesù u tal-ħakkiema sħabu fil-futur, wara li jkun intemm ir-Renju Millennjali? Il-Bibbja ma tgħidilniex. Madankollu, nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah se jagħtihom ħafna privileġġi oħra taʼ servizz. Jalla lkoll kemm aħna llum nappoġġaw is-sovranità taʼ Jehovah u naqilgħu l-ħajja taʼ dejjem! Hekk, fil-futur, se nkunu ħajjin biex insiru nafu mhux biss dak li Jehovah għandu lest għas-Sultan u sħabu s-slaten u qassisin, iżda wkoll għall-univers taʼ l-għaġeb tiegħu kollu kemm hu.