Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja Ktieb li Jiggwidana fil-Ħajja

Il-Bibbja Ktieb li Jiggwidana fil-Ħajja

“IL-​KELMA taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar . . . u tgħarbel il-​ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb.” (Lhud 4:12) Din id-​deskrizzjoni turi x’tistaʼ twettaq il-​Kelma t’Alla u ċertament li tittimbra l-​Bibbja bħala li hi iktar minn sempliċi ktieb interessanti.

“Il-​messaġġ tagħha huwa vitali għal ħajjitna daqs in-​nifs li nieħdu,” qal sewwa wieħed li jikteb dwar ir-​reliġjon. U żied: “Meta tqis kemm nixtiequ u nixxennqu għall-​fejqan illum u taqra l-​Bibbja b’dan f’moħħok, ir-​riżultat ikun taʼ l-​għaġeb.” Bħal fanal li jiddi bil-​qawwi, il-​Bibbja titfaʼ dawl fuq il-​ħafna mistoqsijiet u problemi komplikati tal-​ħajja tal-​lum.​—Salm 119:105.

Tabilħaqq, l-​għerf li tesprimi l-​Bibbja għandu l-​qawwa li jsawwar il-​mentalità tagħna, jgħinna nsolvu l-​problemi, intejbu l-​kwalità taʼ ħajjitna, u jgħammarna bil-​kapaċità li nkampaw maʼ dawk is-​sitwazzjonijiet li ma nistgħux nibdlu. U l-​iktar importanti hu li l-​Bibbja tgħinna nsiru nafu u nħobbu lil Alla.

Ktieb li Jagħti Skop

L-​Awtur tal-​Bibbja, Alla Jehovah, ‘jaf sewwa triqatna kollha.’ Jaf dwar il-​bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali, u spiritwali tagħna saħansitra iktar milli nafuhom aħna. (Salm 139:​1-3) Biex jipproteġina, hu jpoġġi limiti ċari fuq l-​imġiba umana. (Mikea 6:8) Ikun għaqli li nfittxu li nifhmuhom dawn il-​limiti u d-​direzzjonijiet u nitgħallmu nimxu magħhom. ‘Hieni l-​bniedem li jsib l-​għaxqa tiegħu fil-​liġi taʼ Jehovah,’ jgħid is-​salmista. “Hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” (Salm 1:​1-3) Dan il-​prospett żgur jixraqlu li jiġi eżaminat.

Maurice, għalliem li llum huwa rtirat, minn dejjem kien jemmen li l-​Bibbja fiha xi valur storiku u letterarju. Madankollu, kellu ċerti dubji dwar jekk hijiex ispirata minn Alla. Wara li samaʼ spjegazzjoni dwar għala Alla ta l-​Kelma miktuba tiegħu lill-​bnedmin, Maurice eżamina diversi profeziji mill-​Bibbja. Meta kien żagħżugħ, kien studja l-​istorja tal-​qedem, il-​letteratura, ix-​xjenza, u l-​ġeografija. Illum jammetti li tant kien jaħseb li hu bravu li qatt ma ta kas taʼ l-​eżempji bla għadd li jappoġġaw l-​awtentiċità tal-​Bibbja. “Kont intfajt b’ruħi u b’ġismi għall-​ġiri sfrenat wara l-​ħajja taʼ kumdità, għana, u pjaċiri. Sfortunatament, bqajt mhux informat tajjeb dwar l-​aqwa ktieb li qatt inkiteb u ma kontx konxju dwar il-​ġmiel u l-​eżattezza li jinsabu fih.”

Issa li Maurice għandu fuq is-​70 sena, waqt li jalludi għar-​rakkont taʼ meta Ġesù deher lill-​appostlu Tumas, hu jgħid b’apprezzament: “Idi ġiet gwidata lejn ‘il-​ferita tnixxi’ li neħħiet għalkollox minn moħħi kull dubju jekk il-​Bibbja hijiex il-​verità jew le.” (Ġwann 20:​24-29) Bħalma qal sewwa l-​appostlu Pawlu, il-​Bibbja tikxef l-​intenzjonijiet tal-​qalb, u tagħti tifsir lill-​ħajja. Tassew li hija ktieb li jistaʼ jiggwidana fil-​ħajja.

Iżżid l-​Istabbiltà fit-​Taqlib tal-​Ħajja

Il-​Bibbja tagħti wkoll pariri li jgħinu lin-​nies jeħilsu minn drawwiet ħżiena. Daniel setaʼ jegħleb il-​vizzji tat-​tipjip u xorb żejjed. Ukoll, hu ma baqax jieħu sehem f’divertiment sfrenat. (Rumani 13:13; 2 Korintin 7:1; Galatin 5:19-​21) Irridu nammettu li trid tkun verament determinat biex teħles għalkollox minn vizzji bħal dawn u ‘tilbes il-​bniedem il-​ġdid’ bil-​personalità ġdida. (Efesin 4:​22-​24) “Kienet taʼ sfida,” jgħid Daniel, “għaliex aħna imperfetti wisq.” Madankollu rnexxielu. Issa Daniel jaqra l-​Kelma t’Alla kuljum, u din iżżommu qrib taʼ Jehovah.

Meta kien qed jikber, Daniel dejjem kellu rispett kbir lejn il-​Bibbja, għalkemm qatt ma kien qraha. Kien jitlob lil Alla qabel jorqod, iżda kien hemm xi ħaġa nieqsa. Ma setax isib il-​kuntentizza. Il-​bidla f’ħajtu seħħet meta ra isem Alla fil-​Bibbja għall-​ewwel darba. (Eżodu 6:3; Salm 83:19 [83:​18, NW]) Wara dan, beda juża l-​isem Jehovah meta jitlob, u t-​talb tiegħu sar ferm iktar persunali. “Jehovah sar l-​iktar persuna qrib tiegħi, u għadu l-​aqwa ħabib li għandi.”

Qabel ma beda jitgħallem dwar il-​Bibbja, Daniel kellu dehra mċajpra dwar il-​futur. “Ma tantx trid tkun għaref biex tinduna kemm id-​dinja sejra lura,” qal. “Kont beżgħan, u pprovajt inżomm ruħi okkupat biex ma noqgħodx naħseb.” Imbagħad tgħallem li Alla se jġib ġustizzja għal kulħadd f’dinja mnaddfa mill-​ħażen, fejn il-​bnedmin ubbidjenti jkunu jistgħu jgawdu l-​paċi u l-​kuntentizza għal dejjem. (Salm 37:​10, 11; Danjel 2:​44; Apokalissi 21:​3, 4) Issa Daniel għandu tama żgura. Din l-​istabbiltà li tipprovdi l-​Bibbja qed tgħinu jżomm ħarsa pożittiva tal-​ħajja.

Għajnuna biex Negħlbu Problemi Emozzjonali

George kellu sebaʼ snin meta mietet ommu. Kien jibżaʼ jmur jorqod bil-​lejl, bil-​ħsieb li forsi l-​għada ma jqumx. Imbagħad qara dak li qal Ġesù dwar il-​mewt u l-​irxoxt: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-​oqbra jisimgħu leħnu [leħen Ġesù] u joħorġu.” Tqanqal ukoll bil-​kliem taʼ Ġesù: “Jien hu l-​qawmien u l-​ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.” (Ġwann 5:​28, 29; 11:25) Dawn il-​ħsibijiet kienu jinstemgħu raġunevoli, bis-​sens, u taʼ faraġ. “Din il-​verità,” jgħid George, “ma togħġobx biss il-​moħħ imma wkoll tmiss il-​qalb.”

Daniel, li ssemma qabel, ukoll kien beżgħan. Ommu ma setgħetx trabbih waħedha, u għalhekk intbagħat jgħix maʼ diversi familji. Dejjem ħassu qisu xi wieħed barrani u xtaq ferm li jkollu s-​sigurtà li tiġi meta tħossok parti minn familja li tħobbok. Ma damx ma sab dak li kien qed ifittex permezz taʼ l-​istudju li kien qed jagħmel mill-​Bibbja. Daniel beda jassoċja mal-​kongregazzjoni Kristjana tax-​Xhieda taʼ Jehovah u sar parti minn familja spiritwali, fejn hemm ħassu aċċettat u maħbub minn oħrajn. Tabilħaqq, il-​Bibbja hija taʼ benefiċċju b’mod prattiku u tgħinek tħossok sodisfatt emozzjonalment.

Ftakar, Jehovah jara x’hemm f’qalbna u jaf x’qed infittxu. Alla ‘jifli l-​qlub, u jagħti lil kulħadd skond imġibtu.’​—Proverbji 21:2; Ġeremija 17:10.

Pariri Prattiċi għall-​Ħajja fil-​Familja

Il-​Bibbja tagħti pariri prattiċi rigward relazzjonijiet umani. George jgħid: “Meta ma taqbilx maʼ xi ħadd u jkun hemm nuqqas taʼ ftehim, dan joħloq sitwazzjonijiet li huma fost l-​iktar taʼ dwejjaq fil-​ħajja.” Hu kif jiffaċċjahom? “Jekk inħoss li xi ħadd għandu xi ħaġa kontrija, jien napplika l-​parir dirett li hemm f’Mattew 5:​23, 24: “Irranġa maʼ ħuk.” Is-​sempliċi fatt li nistaʼ nitkellem dwar il-​problema jġib riżultati tajbin. Inħoss il-​paċi t’Alla li l-​Bibbja titkellem dwarha. Il-​pariri tal-​Bibbja jaħdmu tajjeb u tant huma prattiċi.”—Filippin 4:​6, 7.

Meta r-​raġel u l-​mara ma jaqblux, it-​tnejn jeħtieġ li jkunu ‘ħfief biex jisimgħu, tqal biex jitkellmu, tqal biex jinkorlaw.’ (Ġakbu 1:​19) Dan il-​parir itejjeb il-​komunikazzjoni. George iżid: “Meta napplika l-​parir biex inħobb lil marti u nistmaha bħali nnifsi, mill-​ewwel nara r-​riżultati. Iktar faċli għaliha biex tirrispettani.” (Efesin 5:​28-​33) Iva, il-​Bibbja tgħallimna kif nirrikonoxxu l-​imperfezzjonijiet tagħna u naħdmu fuqhom. Tgħallimna wkoll kif nirnexxu f’li nkampaw maʼ dawk t’oħrajn.

Pariri li Ma Jispiċċawx biż-​Żmien

L-​għaref Sultan Salamun qal: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:​5, 6) Dan mhux xi kliem komplikat, iżda kemm hu profond!

Il-Bibbja hija forza għat-​tajjeb. Lil min iħobb ’l Alla tgħinu jġib ħajtu fi qbil mar-​rieda tiegħu u jsib il-​kuntentizza billi ‘jimxi fil-​liġi taʼ Jehovah.’ (Salm 119:1) Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna, il-​Bibbja fiha d-​direzzjoni u l-​pariri li għandna bżonn. (Isaija 48:​17, 18) Aqraha kuljum, immedita dwar dak li taqra, u applikah. Dan iżommlok moħħok ċar u ċċentrat fuq affarijiet li huma safjin u bnien. (Filippin 4:​8, 9) Mhux biss titgħallem kif tgħix u tgawdi l-​ħajja imma wkoll kif tħobb lill-​Ħallieq tal-​ħajja.

Jekk taqbad din it-​triq, il-​Bibbja se ssir għalik, bħalma saret għal miljuni oħrajn, iktar minn sempliċi ktieb interessanti. Se tkun verament ktieb li jiggwidak fil-​ħajja!

[Stampa f’paġna 6]

Il-​Bibbja tistaʼ ssaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek biex tegħleb il-​vizzji li huma taʼ ħsara għalik

[Stampa f’paġna 7]

Il-​Bibbja tgħallmek kif tersaq qrib lejn Alla