Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja—Min Jgħożżha u Min Jikkundannaha

Il-Bibbja—Min Jgħożżha u Min Jikkundannaha

“Hija x-​xewqa tiegħi li l-​kotba mqaddsa jiġu tradotti fil-​lingwi kollha,” kiteb Desiderius Erasmus, studjuż Olandiż magħruf tas-​seklu 16.

IT-​TAMA ħerqana taʼ Erasmus kienet li kulħadd ikun jistaʼ jaqra u jifhem l-​Iskrittura. Madankollu, l-​opponenti tal-​Bibbja rrifjutawha bil-​qawwa din l-​idea. Fil-​fatt, dak iż-​żmien, l-​Ewropa kienet post perikoluż għall-​aħħar għal min kellu mqar l-​iċken kurżità jsir jaf x’hemm fil-​Bibbja. Fl-​Ingilterra, il-​parlament għadda liġi li kienet tordna li “kulmin jaqra l-​Iskrittura bl-​Ingliż għandu jitlef il-​jedd li jkollu art, propjetà, affarijiet, u ħajja . . . u dan, jekk jibqaʼ stinat, jew jerġaʼ għal li kien wara li jkun ngħata l-​maħfra, l-​ewwel għandu jiġi mgħallaq minħabba t-​tradiment kontra s-​sultan, u mbagħad maħruq minħabba l-​ereżija kontra Alla.”

Fil-bqija taʼ l-​Ewropa, l-​Inkwiżizzjoni Kattolika kkaċċjathom bla ħniena lil setet “eretiċi,” bħall-​Valdiżi taʼ Franza, u ppersegwitathom partikolarment minħabba d-​drawwa tagħhom li jippridkaw “mill-​evanġelju u l-​epistoli u l-​kitbiet sagri l-​oħra, . . . ladarba l-​ippridkar u t-​tifsir taʼ l-​iskrittura mqaddsa [kien] kompletament projbit għal-​lajċi.” Kien hemm għadd kbir taʼ rġiel u nisa li sofrew torturi u mwiet tal-​biżaʼ għax kellhom imħabba kbira għall-​Bibbja. Kienu jissograw pieni ħorox biex sempliċement jgħidu l-​Missierna jew l-​Għaxar Kmandamenti u biex jgħallmuhom lil uliedhom.

Din id-​devozzjoni lejn il-​Kelma t’Alla baqgħet ħajja fil-​qlub taʼ ħafna mill-​ewwel emigranti li siefru lejn l-​Amerika taʼ Fuq. Żmien ilu, fl-​Amerika, “il-​qari u r-​reliġjon kienu jmorru id f’id, u b’hekk dan ifforma kultura bbażata għalkollox fuq li wieħed ikun midħla sew tal-​Bibbja,” jgħid il-​ktieb A History of Private Life​—Passions of the Renaissance. Tant hu hekk, li fi priedka pubblikata f’Boston fl-​1767, ngħata dan il-​parir: “Ħabrek biex taqra l-​iskrittura mqaddsa. Kull fil-​għodu u kull fil-​għaxija għandek taqra kapitlu mill-​Bibbja tiegħek.”

Skond il-​Barna Research Group ġewwa Ventura, f’Kalifornja, iktar minn 90 fil-​mija taʼ l-​Amerikani għandhom minn taʼ l-​inqas tliet Bibbji. Iżda, studju reċenti juri li filwaqt li l-​Bibbja hemmhekk għadha stmata ferm, in-​nies m’għadhomx iqattgħu ħin jaqrawha, jistudjawha u japplikawha bħalma kienu jagħmlu fil-​passat. Il-​biċċa l-​kbira għandhom biss idea żgħira taʼ x’fiha. Wieħed ġurnalist osserva: “In-​nies rari jaħsbu li [l-Bibbja] għadha tistaʼ tiġi applikata għall-​problemi u l-​ansjetajiet kurrenti.”

Il-​Mewġa taʼ Mentalità Sekulari

Twemmin popolari hu li nistgħu nirnexxu fil-​ħajja sempliċement permezz tar-​raġunar u l-​kooperazzjoni bejnietna. Il-​Bibbja hi meqjusa biss bħala wieħed minn ħafna kotba dwar opinjonijiet reliġjużi u esperjenzi persunali, u mhux bħala ktieb taʼ fatti u verità.

Għalhekk, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies kif jittrattaw maʼ sitwazzjonijiet importanti fil-​ħajja li jkunu taʼ qtigħ il-​qalb u li qed isiru dejjem iżjed komplikati? Huma jieħdu deċiżjonijiet bla ma jħallu spazju għall-​ispiritwalità, u jaġixxu mingħajr ebda gwida u direzzjoni morali u reliġjuża stabbli. Dawn saru bħal bastimenti bla tmun, “mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ taʼ tagħlim bil-​qerq tal-​bnedmin u bl-​ingann tagħhom.”​—Efesin 4:​14.

Għalhekk, irridu nistaqsu, Hija l-​Bibbja sempliċement ktieb reliġjuż ieħor? Jew hija tassew il-​Kelma t’Alla, li fiha informazzjoni prattika u essenzjali? (2 Timotju 3:​16, 17) Hemm mertu f’li nikkunsidraw il-​Bibbja? L-​artiklu li jmiss se jittratta dawn il-​mistoqsijiet.

[Stampa f’paġna 3]

Desiderius Erasmus

[Sors taʼ l-​istampa]

Mill-​ktieb Deutsche Kulturgeschichte

[Stampa f’paġna 4]

Il-​Valdiżi ġew persegwitati partikolarment minħabba li kienu jippridkaw mill-​Iskrittura

[Sors taʼ l-​istampa]

Stichting Atlas van Stolk, Rotterdam