Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Veru li r-Reliġjonijiet Dalwaqt se Jingħaqdu?

Veru li r-Reliġjonijiet Dalwaqt se Jingħaqdu?

“Qed nassistu għal ġurnata sinifikanti fl-​istorja tal-​knejjes tagħna,” qal Christian Krause, il-​president tal-​Federazzjoni Dinjija Luterana. Bl-​istess mod, il-​Papa Ġwanni Pawlu II tkellem dwar “ġrajja taʼ importanza kbira fit-​triq kollha intoppi lejn il-​bini mill-​ġdid taʼ l-​għaqda sħiħa fost il-​Kristjani.”

Dawn il-​proklamazzjonijiet entużjażmanti tqanqlu meta ġiet iffirmata Stqarrija Uffiċjali Komuni fil-​31 t’Ottubru, 1999, f’Augsburg, il-​Ġermanja, li kienet tikkonferma d-​Dikjarazzjoni Konġunta fuq id-​Duttrina tal-​Ġustifikazzjoni. Il-​ġrajja ġiet programmata fil-​ħin eżatt, u l-​post ġie magħżul tajjeb. Jingħad li fil-​31 t’Ottubru, 1517, Luteru waħħal lista b’95 proposta mal-​bieb tal-​knisja tal-​kastell f’Wittenberg, u b’hekk ta bidu għar-​Riforma Protestanta. M’għandniex xi ngħidu, kien f’Augsburg li fl-​1530 il-​Luterani ppreżentaw il-​kredu bażiku tagħhom, imsejjaħ id-​Dikjarazzjoni taʼ Augsburg, u dan ġie rifjutat mill-​Knisja Kattolika. Minħabba f’hekk seħħet firda kbira bejn il-​Protestanti u l-​Kattoliċi, u din qatt ma setgħet tissewwa.

Kienet id-​Dikjarazzjoni Konġunta se tkun pass deċiżiv biex tiġi megħluba l-​firda li kien hemm fil-​knisja, bħalma sostnew xi wħud? Mhux il-​partijiet kollha kienu ottimisti. Iktar minn 250 teologu Protestant iffirmaw petizzjoni kontriha, fejn wissew li l-​Knisja Kattolika setgħet tieħu kollox taħt idejha. Il-​Protestanti ħassewhom irritati wkoll meta l-​Knisja Kattolika ddikjarat indulġenza speċjali għas-​sena 2000. Kienu dawn l-​istess indulġenzi li wasslu għall-​firda madwar 500 sena qabel. U ladarba kemm id-​Dikjarazzjoni taʼ Augsburg u kemm ir-​rifjut Kattoliku mill-​Konċilju taʼ Trento għadhom it-​tnejn jgħoddu, ma jistax ikun li l-​għaqda tkun assigurata.

Tant hemm firda u nuqqas taʼ qbil ġewwa l-​Kristjaneżmu li ma jistax ikun li dawn jissolvew bl-​iffirmar taʼ xi dikjarazzjoni konġunta. Barra minn hekk, l-​għaqda fil-​fidi tistaʼ tkun possibbli biss permezz taʼ twemmin ibbażat fis-​sod fuq il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. (Efesin 4:​3-6) L-​għaqda vera ma tiġix billi nagħmlu xi kompromess, imma pjuttost tiġi meta nitgħallmu u nagħmlu dak li Alla jrid minna. “Il-​popli kollha jimxu kull wieħed f’isem l-​alla tiegħu,” iddikjara l-​profeta leali Mikea, “imma aħna nimxu f’isem il-​Mulej, Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.”—Mikea 4:5.

[Sors taʼ l-​istampa f’paġna 32]

© Ralph Orlowski/REUTERS/Archive Photos