Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Assoċjazzjoni mad-Dinja Kollha Fejn Kulħadd Jieħu Ħsieb Xulxin

Assoċjazzjoni mad-Dinja Kollha Fejn Kulħadd Jieħu Ħsieb Xulxin

Assoċjazzjoni mad-​Dinja Kollha Fejn Kulħadd Jieħu Ħsieb Xulxin

SAFEJN tagħtik il-​vista, hemm in-​nies. Ħafna minnhom huma mdaħħlin fiż-​żmien, u xi wħud fosthom bilkemm jifilħu jimxu minħabba l-​limitazzjonijiet fiżiċi tagħhom. Hemm nisa tqal u koppji żgħażagħ bi tfal żgħar imqabbdin maʼ djulhom. Sew jekk huma rġiel, nisa, jew tfal, huma lkoll refuġjati li ġew imġagħlin jitilqu djarhom biex ifittxu refuġju f’pajjiż viċin minħabba xi gwerra ċivili, diżastru naturali, jew ċirkustanzi oħrajn. Xi wħud kellhom jitilqu djarhom iktar minn darba. Maʼ l-​ewwel sinjal taʼ inkwiet ċivili jew taʼ xi diżastru naturali, huma jaqbdu xi erbaʼ oġġetti mid-​dar, jiġbru lil uliedhom flimkien, u jerħulha lejn xi post li joffrilhom iktar sigurtà. Imbagħad, meta kollox jerġaʼ jiġi għan-​normal, ħafna mir-​refuġjati jmorru lura biex jibnu djarhom mill-​ġdid u jerġgħu jibdew ħajja ġdida.

Hekk kif gerbu s-​snin, ir-​Repubblika Afrikana Ċentrali bdiet tilqaʼ r-​refuġjati minn għadd taʼ pajjiżi. Dan l-​aħħar, eluf taʼ nies, inkluż ħafna mix-​Xhieda taʼ Jehovah, kienu obbligati jaħarbu mir-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo minħabba li l-​pajjiż kien imbiċċer bil-​gwerer u jfittxu sigurtà relattiva fir-​Repubblika Afrikana Ċentrali.

L-​Aħwa Jagħtu l-​Għajnuna Tagħhom

Ix-​Xhieda fir-​Repubblika Afrikana Ċentrali qisuh bħala privileġġ taʼ ferħ li jorganizzaw għajnuna umanitarja. Saru ħafna sforzi biex jinstabu xi postijiet fejn setgħu joqogħdu l-​aħwa Kristjani li kienu ġejjin. Għall-​ewwel, il-​kmamar li nstabu kienu fi djar privati. Imma hekk kif in-​numru taʼ refuġjati kompla jikber, deher ċar li kienu meħtiġin arranġamenti kbar oħrajn. Xi Swali tas-​Saltna ġew mibdulin fi swali għall-​irqad. Ix-​Xhieda lokali ntefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom għax-​xogħol biex iżidu d-​dwal, iwaħħlu l-​pajpijiet taʼ l-​ilma, u jagħmlu l-​art bil-​konkos biex dawk li kienu se joqogħdu hemmhekk ikunu komdi. Ir-​refuġjati ħadmu flimkien maʼ l-​aħwa lokali biex ilestu dawn is-​swali temporanji għall-​irqad. Ġie preparat ukoll programm sħiħ taʼ laqgħat Kristjani bil-​lingwa Lingala. B’hekk, ir-​refuġjati setgħu jkunu mitmugħin b’ikel spiritwali li jagħti l-​ħajja. Il-​kooperazzjoni mill-​qrib bejn ix-​Xhieda lokali u l-​mistidnin tagħhom uriet li tassew teżisti fratellanza internazzjonali.

Il-familji tar-​refuġjati mhux dejjem waslu flimkien. Xi kultant, il-​membri taʼ familja li nfirdu waqt il-​vjaġġ reġgħu ngħaqdu flimkien fil-​post tad-​destinazzjoni tagħhom. F’kull Sala tas-​Saltna nżammet lista taʼ persuni li kienu waslu qawwijin u sħaħ. Barra minn hekk, saru arranġamenti biex jinstabu dawk li kienu jkunu għadhom neqsin. L-​uffiċċju tal-​fergħa, li jidderieġi x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​pajjiż, kien jibgħat tliet vannijiet kuljum biex jgħinu lix-​Xhieda li kienu jkunu għadhom ġejjin u biex ifittxu lil dawk li setgħu ntilfu. Dawn il-​vannijiet kienu jintgħarfu minn kartellun kbir li kien jgħid “TORRI TAʼ L-​GĦASSA—Xhieda taʼ Jehovah.”

Immaġina l-​ferħ li ħassew grupp taʼ sebat itfal refuġjati meta lemħu vann tax-​Xhieda taʼ Jehovah! Dawn it-​tfal kienu nfirdu minn mal-​ġenituri tagħhom. Minnufih ġrew lejn il-​vann u identifikaw ruħhom bħala Xhieda. L-​aħwa għenuhom jitilgħu u ħaduhom f’Sala tas-​Saltna, fejn ngħaqdu mill-​ġdid mal-​familji tagħhom.

X’għen lil dawn il-​Kristjani sinċieri biex ikampaw f’dawn iċ-​ċirkustanzi, u mhux darba biss, imma għal ħafna drabi? Huma konvinti mija fil-​mija li qed ngħixu fl-​aħħar jiem bħalma bassret l-​Iskrittura Mqaddsa.—2 Timotju 3:​1-5; Apokalissi 6:​3-8.

Għaldaqstant, huma jafu li Alla Jehovah dalwaqt se jtemm il-​gwerer, il-​mibegħda, il-​vjolenza, u l-​ġlied. Il-​problema tar-​refuġjati se tkun problema tal-​passat. Sadattant, fi qbil mat-​twissija taʼ l-​appostlu Pawlu fl-​1 Korintin 12:14-26, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu ħilithom biex jieħdu ħsieb xulxin. Għalkemm mifrudin bi xmajjar, fruntieri, lingwi, u distanzi, huma jieħdu interess f’xulxin. Għalhekk, huma dejjem lesti biex jagħtu l-​għajnuna tagħhom meta xi ħadd ikun fil-​bżonn.—Ġakbu 1:22-27.

[Mappa f’paġna 30]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

AFRIKA

Ir-​Repubblika Afrikana Ċentrali

Ir-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo

[Sors]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampi f’paġna 30]

Tliet Swali tas-​Saltna ġew mibdulin f’ċentri li jilqgħu lir-​refuġjati

[Stampa f’paġna 31]

Minnufih inbnew faċilitajiet fejn ikun jistaʼ jsir it-​tisjir

[Stampa f’paġna 31]

Komplew ġejjin iktar u iktar refuġjati

[Stampi f’paġna 31]

Għadhom kif twieldu u diġà saru refuġjati