Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħajja Mimlija Għana fis-Servizz taʼ Jehovah

Ħajja Mimlija Għana fis-Servizz taʼ Jehovah

Bijografija

Ħajja Mimlija Għana fis-​Servizz taʼ Jehovah

KIF RAKKONTATA MINN RUSSELL KURZEN

Jien twelidt fit-​22 taʼ Settembru, 1907, sebaʼ snin qabel l-​era notevoli li bdiet meta faqqgħet l-​ewwel gwerra dinjija. Il-​familja tagħna kienet sinjura fl-​iktar mod importanti. Wara li tismaʼ ftit dettalji mill-​istorja taʼ ħajjietna, naħseb li int ukoll taqbel miegħi.

BĦALA tifla, in-​nanna Kurzen kienet diġà qed tfittex għall-​verità dwar Alla. Qabel ma saret adolexxenti, żaret diversi knejjes fi Spiez, fl-​Isvizzera, il-​belt pittoreska fejn trabbiet. Fl-​1887, ftit snin wara li żżewġet, il-​familja Kurzen ngħaqdet mal-​ħafna immigranti li waslu fl-​Istati Uniti.

Il-familja ssetiljat f’Ohio, fejn, madwar is-​sena 1900, in-​nanna sabet it-​teżor li kienet ilha tant tfittex. Dan sabitu fil-​paġni tal-​ktieb taʼ Charles Taze Russell The Time Is at Hand (Iż-Żmien Huwa fil-​Qrib), li kien bil-​lingwa Ġermaniża. Hi malajr għarfet li dak li qrat kien fih id-​dawl tal-​verità tal-​Bibbja. Għalkemm in-​nanna ma tantx kienet taf taqra bl-​Ingliż, hi abbonat għar-​rivista Torri taʼ l-​Għassa bl-​Ingliż. B’hekk tgħallmet iktar veritajiet tal-​Bibbja u, fl-​istess ħin, tgħallmet ukoll il-​lingwa Ingliża. In-​nannu qatt ma kellu l-​istess interess f’affarijiet spiritwali bħalma kellha martu.

Mill-11-il tifel u tifla li kellha n-​nanna Kurzen, 2 biss, John u Adolph, apprezzaw it-​teżor spiritwali li kienet sabet hi. John kien missieri, u tgħammed fl-​1904 f’St. Louis, il-​Missouri, fil-​konvenzjoni taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien. Ladarba l-​biċċa l-​kbira mill-​Istudenti tal-​Bibbja ma kellhomx ħafna flus, il-​konvenzjoni saret fl-​istess żmien tal-​World’s Fair f’St. Louis biex b’hekk setgħu jieħdu vantaġġ mill-​prezz imraħħas tal-​biljetti tal-​ferrovija. Iktar tard, fl-​1907, tgħammed zijuwi Adolph fil-​konvenzjoni fin-​Niagara Falls, ġewwa New York. Missieri u zijuwi ppridkaw b’żelu dak li kienu tgħallmu mill-​Bibbja, u maż-​żmien it-​tnejn li huma saru ministri full-time (issa msejħin pijunieri).

Għaldaqstant, saż-​żmien li twelidt jien fl-​1907, il-​familja tiegħi kienet diġà sinjura, b’mod spiritwali. (Proverbji 10:22) Fl-​1908, meta kont għadni tarbija, il-​ġenituri tiegħi, John u Ida, ħaduni għall-​konvenzjoni “On to Victory” f’Put-in-Bay, Ohio. Hemmhekk, Joseph F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien ministru li jivvjaġġa, kien iċ-​chairman tal-​konvenzjoni. Ftit ġimgħat qabel, hu kien f’Dalton, Ohio, fejn ġie jżurna u ta taħditiet lill-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​lokal.

M’għandniex xi ngħidu, jien ma niftakarx personalment dawn il-​ġrajjiet, imma niftakar il-​konvenzjoni f’Mountain Lake Park, f’Maryland, fl-​1911. Hemmhekk, jien u oħti ż-​żgħira Esther, iltqajna maʼ Charles Taze Russell, li kien jieħu ħsieb l-​attività taʼ l-​ippridkar mad-​dinja kollha taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja.

Fit-​28 taʼ Ġunju, 1914, il-​jum meta d-​dinja daħlet fil-​gwerra minħabba l-​qtil taʼ l-​Arċiduka Ferdinand u martu f’Sarajevo, jien attendejt konvenzjoni fil-​paċi mal-​familja tiegħi f’Colombus, Ohio. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, kelli l-​privileġġ li nkun f’ħafna konvenzjonijiet tan-​nies taʼ Jehovah. L-​attendenza għal xi ftit minn dawn il-​laqgħat kienet tkun qrib il-​mija. Oħrajn kienu laqgħat kbar f’xi wħud mill-​akbar stejdjums tad-​dinja.

Id-​Dar Tagħna f’Post Importanti

Minn madwar l-​1908 sa l-​1918, fid-​dar tagħna f’Dalton—li jinsab f’nofs triq bejn Pittsburgh, Pennsylvania, u Cleveland, Ohio​—kienu jsiru l-​laqgħat taʼ kongregazzjoni żgħira taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja. Id-​dar tagħna saret post fejn kienet tintwera l-​ospitalità lil ħafna kelliema li kienu jivvjaġġaw. Kienu jorbtu ż-​żwiemel u l-​karozzelli tagħhom wara l-​istalla tagħna u jirrakkontaw esperjenzi sbieħ u veritajiet spiritwali oħra lil dawk preżenti. Xi żminijiet inkuraġġanti kienu dawn!

Missieri kien għalliem taʼ l-​iskola, imma qalbu kienet marbuta maʼ l-​akbar xogħol taʼ tagħlim, il-​ministeru Kristjan. Hu kien jieħu ħsieb li jgħallem lill-​familja tiegħu dwar Jehovah, u kull fil-​għaxija konna nitolbu flimkien bħala familja. Fir-​rebbiegħa taʼ l-​1919, missieri biegħ iż-​żiemel u l-​karozzella tagħna, u b’xi Lm82 xtara karozza Ford taʼ l-​1914 biex ikun jistaʼ jilħaq iktar nies fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Fl-​1919 u fl-​1922, din il-​karozza ġarret lill-​familja tagħna għall-​konvenzjonijiet, li baqgħu jissemmew, taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja f’Cedar Point, Ohio.

Il-familja tagħna kollha—jien; ommi; missieri; Esther; u ħija ż-​żgħir, John—kienet tieħu sehem fl-​attività taʼ l-​ippridkar fil-​pubbliku. Niftakar sew l-​ewwel darba li inkwilin staqsieni mistoqsija mill-​Bibbja. Kelli madwar sebaʼ snin. “Ċkejken, x’inhi Armageddon?” staqsieni r-​raġel. Bi ftit għajnuna mingħand missieri, kont kapaċi nwieġbu mill-​Bibbja.

Nidħlu fil-​Ministeru Full-Time

Fl-​1931, il-​familja tagħna attendiet il-​konvenzjoni ġewwa Colombus, Ohio, fejn konna eċċitati li ħadna sehem f’li nadottaw l-​isem ġdid, Xhieda taʼ Jehovah. John kien tant eċċitat li ddeċieda li jien u hu kellna nidħlu fix-​xogħol taʼ pijunier. * Hekk għamilna, u l-​istess għamlu ommi, missieri, u Esther. X’teżor kellna—familja magħquda fix-​xogħol pjaċevoli taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla! Qatt ma negħja nirringrazzja lil Jehovah għal din il-​barka. Iżda, għalkemm konna ferħanin ħafna, kien hemm iktar raġunijiet għall-​ferħ jistennewna.

Fi Frar taʼ l-​1934 bdejt naqdi fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah (imsejħin Betel) fi Brooklyn, New York. John ngħaqad miegħi ftit ġimgħat wara. Konna ngħixu fl-​istess kamra sakemm hu żżewweġ lill-​mara għażiża tiegħu, Jessie, fl-​1953.

Wara li jien u John morna Betel, il-​ġenituri tagħna aċċettaw inkarigi biex jaqdu bħala pijunieri f’diversi partijiet tal-​pajjiż u Esther u żewġha, George Read, ngħaqdu magħhom. Il-​ġenituri tagħna komplew fix-​xogħol taʼ pijunieri sakemm mietu fl-​1963. Esther u żewġha rabbew familja mill-​aħjar, u jien imbierek b’ħafna neputijiet, li tassew ngħożż.

Xogħol u Sħubija f’Betel

John uża l-​kapaċitajiet tekniċi tiegħu f’Betel u ħadem flimkien maʼ Beteliti oħrajn fuq proġetti bħal li jipproduċu fonografi li jinġarru. Eluf taʼ Xhieda taʼ Jehovah użawhom fil-​ministeru tagħhom minn dar għal dar. John ta sehmu wkoll biex jitfasslu u jinbnew magni li setgħu jintużaw għall-​kisi u l-​ittimbrar tar-​rivisti li kienu jintbagħtu lill-​abbonati.

Jien bdejt is-​servizz tiegħi f’Betel fejn jillegaw il-​kotba. Jaħdmu fil-​fabbrika wkoll dak iż-​żmien kien hemm żgħażagħ oħra li għadhom jaqdu lealment f’Betel. Dawn jinkludu lil Carey Barber u Robert Hatzfeld. Fost uħud bħal dawn li tassew niftakarhom b’imħabba, imma li issa mietu, hemm Nathan Knorr, Karl Klein, Lyman Swingle, Klaus Jensen, Grant Suiter, George Gangas, Orin Hibbard, John Sioras, Robert Payne, Charles Fekel, Benno Burczyk, u John Perry. Baqgħu jaħdmu lealment sena wara l-​oħra, mingħajr qatt ma gergru jew stennew xi “promozzjoni.” Xorta waħda, uħud minn dawn il-​Kristjani leali, midlukin mill-​ispirtu, kellhom jistennewhom responsabbiltajiet akbar hekk kif kibret l-​organizzazzjoni. Xi wħud saħansitra qdew fil-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Is-sħubija fix-​xogħol maʼ dawn l-​aħwa li jissagrifikaw lilhom infushom għallmitni lezzjoni importanti. F’xogħlijiet sekulari l-​ħaddiema jitħallsu bil-​paga għax-​xogħol tagħhom. Dan ikun ħlashom. Li taqdi f’Betel jipproduċi barkiet spiritwali għonja, u rġiel u nisa spiritwali biss japprezzaw ħlas bħal dan.—1 Korintin 2:6-16.

Nathan Knorr, li ġie f’Betel bħala adolexxent fl-​1923, kien l-​indokratur tal-​fabbrika fis-​snin 30. Hu kien jimxi kuljum minn naħa għall-​oħra tal-​fabbrika u jsellem lil kull ħaddiem. Dawk minna li konna għadna ġodda f’Betel apprezzajna dan l-​interess persunali. Fl-​1936 irċivejna magna taʼ l-​istampar ġdida mill-​Ġermanja, u xi wħud miż-​żgħażagħ kellhom biċċa xogħol iebsa biex jgħaqqduha flimkien. Għalhekk, Ħuna Knorr libes ħwejjeġ tax-​xogħol u ħadem magħhom għal iktar minn xahar sakemm irnexxielhom iħaddmuha.

Ħuna Knorr tant kien ħaddiem ħabrieki li l-​biċċa l-​kbira minna ma stajniex illaħħqu miegħu. Imma kien jaf jieħu pjaċir bir-​rikreazzjoni wkoll. Anki wara li rċieva l-​inkarigu li jieħu ħsieb l-​attività taʼ l-​ippridkar mad-​dinja kollha tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Jannar taʼ l-​1942, hu kultant kien jilgħab il-​baseball maʼ membri tal-​familja taʼ Betel u studenti taʼ l-​iskola missjunarja taʼ Gilgħad fil-​grawnd taʼ din l-​istess skola ħdejn South Lansing, New York.

F’April taʼ l-​1950, il-​familja taʼ Betel marret toqgħod fis-​sezzjoni b’għaxar sulari li kienet għadha kif żdiedet mal-​bini residenzjali tagħna li jinsab f’124 Columbia Heights, Brooklyn, New York. Il-​kamra taʼ l-​ikel il-​ġdida kienet tippermetti li lkoll kemm aħna npoġġu bil-​qiegħda flimkien waqt l-​ikliet tagħna. Matul bejn wieħed u ieħor it-​tliet snin li ħadet biex tinbena din ir-​residenza, ma stajniex nagħmlu l-​programm tal-​qima taʼ fil-​għodu. Xi żmien taʼ ferħ kien meta dan il-​programm reġaʼ beda jsir! Ħuna Knorr poġġieni bil-​qiegħda ħdejh mal-​mejda taċ-​chairman sabiex inkun nistaʼ nfakkru l-​ismijiet taʼ membri ġodda tal-​familja tagħna. Domt 50 sena npoġġi fl-​istess post għall-​qima taʼ fil-​għodu u l-​kolazzjon. Imbagħad, fl-​4 t’Awissu, 2000, din il-​kamra taʼ l-​ikel ngħalqet, u ngħatajt post f’waħda mill-​kmamar taʼ l-​ikel rinnovati f’dik li qabel kienet it-​Towers Hotel.

Għal ftit żmien fis-​snin 50, jien ħdimt fil-​fabbrika fuq magna Linotype, nipprepara linji sħaħ taʼ tipi tal-​metall li konna ngħaqqduhom flimkien f’paġni bħala parti mill-​proċess biex isiru l-​pjanċi għall-​istampar. Dan ix-​xogħol ma kienx wieħed mill-​favoriti tiegħi, imma William Peterson, li kien jieħu ħsieb il-​magni, tant kien dħuli miegħi li ż-​żmien li qattajt hemmhekk xorta għaddejtu kuntent. Imbagħad, fl-​1960, kien hemm bżonn taʼ volontieri biex jiżbgħu r-​residenza li kienet għadha kif inbniet f’107 Columbia Heights. Minn qalbi offrejt is-​servizzi tiegħi biex ngħin fil-​preparazzjoni taʼ dawn il-​faċilitajiet ġodda għat-​tkabbir tal-​familja taʼ Betel.

Ftit wara li tlestiet iż-​żebgħa fil-​bini taʼ 107 Columbia Heights, b’ferħ bqajt mistagħġeb li ġejt inkarigat bix-​xogħol li nilqaʼ lill-​viżitaturi f’Betel. L-​aħħar 40 sena li qdejt bħala receptionist kienu snin meraviljużi daqs is-​snin l-​oħrajn li qattajt f’Betel. Kemm jekk dawk li jiġu kienu xi viżitaturi u kemm jekk kienu xi membri ġodda tal-​familja taʼ Betel, kien kommoventi li nirrifletti fuq ir-​riżultati taʼ l-​isforzi magħqudin tagħna biex naħdmu għaż-​żjieda tas-​Saltna.

Studenti tal-​Bibbja Mħeġġin

Il-​familja tagħna taʼ Betel hija prosperuża spiritwalment għax il-​membri tagħha jħobbu l-​Bibbja. L-​ewwel darba li ġejt Betel staqsejt lil Emma Hamilton, li kienet taħdem bħala proofreader, kemm-il darba kienet qrat il-​Bibbja. “Ħamsa u tletin darba,” wieġbet hi, “u mbagħad ma bqajtx ngħodd.” Anton Koerber, Kristjan qalbieni ieħor li qeda f’Betel kważi fl-​istess żmien, kien jgħid: “Qatt m’għandu jkollok il-​Bibbja ’l bogħod iktar minn kemm tistaʼ tilħaqha b’idek.”

Fl-​1916, wara l-​mewt taʼ Ħuna Russell, Joseph F. Rutherford ħa r-​responsabbiltajiet organizzazzjonali li kellu Russell. Rutherford kien kelliemi pubbliku kuraġġuż u taʼ ħila, li bħala avukat iddefenda kawżi f’isem ix-​Xhieda taʼ Jehovah quddiem il-​Qorti Suprema taʼ l-​Istati Uniti. Fl-​1942, wara li miet Rutherford, Ħuna Knorr ħa postu u ħadem verament iebes biex jiżviluppa l-​abbiltà tiegħu biex jitkellem fil-​pubbliku. Peress li kont ngħix f’kamra tmiss maʼ tiegħu, taʼ spiss kont nisimgħu jipprattika t-​taħditiet tiegħu darba wara l-​oħra. Maż-​żmien, permezz taʼ dawn l-​isforzi ħabrieka, hu sar kelliemi pubbliku mill-​aħjar.

Fi Frar taʼ l-​1942, Ħuna Knorr għen biex jinbeda programm li setaʼ jgħin lilna, l-​aħwa kollha f’Betel, intejbu l-​kapaċità tagħna biex ngħallmu u nitkellmu. L-​iskola ffokat fuq kif nagħmlu riċerka mill-​Bibbja u kif nitkellmu fil-​pubbliku. Fil-​bidu, kull wieħed minna ġie inkarigat biex jagħti taħditiet qosra dwar karattri Bibliċi. L-​ewwel taħdita tiegħi kienet dwar ir-​raġel Mosè. Fl-​1943 bdiet skola simili fil-​kongregazzjonijiet kollha tax-​Xhieda taʼ Jehovah, u għadha sejra sa llum. L-​enfasi f’Betel xorta waħda għadha fuq li niksbu għarfien Bibliku u niżviluppaw metodi effettivi taʼ tagħlim.

Fi Frar taʼ l-​1943 bdiet l-​ewwel klassi taʼ l-​iskola missjunarja taʼ Gilgħad. Issa, għadha kif gradwat il-​111-il klassi taʼ Gilgħad! F’iktar minn 58 sena li ilha topera, l-​iskola pprovdiet taħriġ għal iktar minn 7,000 ruħ biex jaqdu bħala missjunarji mad-​dinja kollha. B’mod sinifikanti, fl-​1943 meta bdiet l-​iskola, kien hemm biss ’il fuq minn 100,000 Xhud taʼ Jehovah mad-​dinja kollha. Issa, hemm iktar minn 6,000,000 li jieħdu sehem fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla!

Grat għall-​Wirt Spiritwali Tiegħi

Eżatt qabel ma ġiet stabbilita l-​Iskola taʼ Gilgħad, tlieta minna f’Betel ġejna mibgħutin inżuru l-​kongregazzjonijiet madwar l-​Istati Uniti. Konna noqogħdu ġurnata, ftit ġranet, jew saħansitra ġimgħa sabiex insaħħu dawn il-​kongregazzjonijiet spiritwalment. Konna nissejħu qaddejja taʼ l-​aħwa, identifikazzjoni li iktar tard inbidlet f’qaddej tas-​circuit, jew indokratur tas-​circuit. Madankollu, ftit wara li nfetħet l-​Iskola taʼ Gilgħad, ġejt mitlub nirritorna biex ngħallem f’xi korsijiet. Qdejt bħala istruttur regulari għall-​klassi 2 sa 5, u kont ukoll sostitut taʼ wieħed mill-​istrutturi regulari u għallimt l-​14-il klassi. Il-​fatt li stajt nirrevedi maʼ l-​istudenti l-​ġrajjiet notevoli tal-​bidu fl-​istorja moderna taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah—li ħafna minnhom stajt nirrakkontahom mill-​esperjenza persunali—għenni nkun iktar grat għall-​wirt spiritwali għani tiegħi.

Privileġġ ieħor li gawdejt matul is-​snin huwa li nattendi l-​konvenzjonijiet internazzjonali tan-​nies taʼ Jehovah. Fl-​1963 ivvjaġġajt madwar id-​dinja flimkien maʼ iktar minn 500 delegat għall-​konvenzjonijiet “Everlasting Good News.” Konvenzjonijiet oħra li baqgħu jissemmew u li attendejt għalihom kienu dawk li saru f’Warsaw, il-​Polonja, fl-​1989; f’Berlin, il-​Ġermanja, fl-​1990; u f’Moska, ir-​Russja, fl-​1993. F’kull konvenzjoni kelli l-​opportunità li niltaqaʼ maʼ ftit minn ħutna l-​għeżież li ssaportew għaxriet taʼ snin taʼ persekuzzjoni taħt ir-​reġim tan-​Nazi, ir-​reġim Komunista, jew it-​tnejn li huma. X’esperjenzi li jsaħħu l-​fidi kienu dawn!

Ħajti fis-​servizz taʼ Jehovah kienet tabilħaqq mimlija għana! Il-​provvista tal-​barkiet spiritwali qatt ma tintemm. U, kontra r-​rikkezzi materjali, iktar ma naqsmu dawn l-​affarijiet prezzjużi m’oħrajn, iktar jiżdied l-​għana tagħna. Kultant nismaʼ lil xi wħud jgħidu li jixtiequ li kieku ma trabbewx bħala Xhieda taʼ Jehovah. Huma jaħsbu li kienu japprezzawhom iktar il-​veritajiet Bibliċi li kieku l-​ewwel esperjenzaw il-​ħajja barra mill-​organizzazzjoni t’Alla.

Dejjem niddejjaq meta nismaʼ xi żgħażagħ jgħidu affarijiet bħal dawn għax tassew ikunu qed jgħidu li aħjar ma titrabbiex bl-​għarfien tal-​mogħdijiet taʼ Jehovah. Madankollu, aħseb dwar il-​vizzji ħżiena u l-​ħsibijiet korrotti kollha li n-​nies iridu jneħħu meta jsibu l-​verità tal-​Bibbja iktar tard f’ħajjithom. Jien dejjem ħassejtni grat profondament talli l-​ġenituri tiegħi rabbew lit-​tliet uliedhom fil-​mogħdija tat-​tjieba. John baqaʼ qaddej leali taʼ Jehovah sakemm miet f’Lulju taʼ l-​1980, u Esther għadha Xhud leali sa llum.

Inħares lura b’affezzjoni kbira lejn il-​ħbiberiji mill-​aħjar li gawdejt m’aħwa Kristjani leali. Issa ilni naqdi f’Betel iktar minn 67 sena, u dawn kienu snin meraviljużi. Għalkemm qatt ma żżewwiġt, għandi ħafna wlied subien u bniet spiritwali, kif ukoll neputijiet spiritwali. U nifraħ meta niftakar dwar il-​membri għeżież ġodda kollha tal-​familja spiritwali mad-​dinja kollha li għad irrid niltaqaʼ magħhom, kull wieħed u waħda minnhom huma prezzjużi. Kemm hu minnu l-​kliem: “Il-​barka tal-​Mulej iġġib l-​għana”!—Proverbji 10:22.

[Nota taʼ taħt]

^ Jien tgħammidt fit-​8 taʼ Marzu, 1932. Għalhekk kont fil-​fatt tgħammidt wara li ġie deċiż li jien inkun pijunier.

[Stampa f’paġna 20]

Mix-​xellug għal-​lemin: missieri b’ħija, John, f’ħoġru, Esther, jien, u ommi

[Stampi f’paġna 23]

Waqt li qed ngħallem klassi taʼ Gilgħad fl-​1945

Fuq fil-​lemin: l-​istrutturi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad Eduardo Keller, Fred Franz, jien, u Albert Schroeder

[Stampa f’paġna 24]

Waqt li qed nirrifletti fuq il-​ħajja tiegħi mimlija għana fis-​servizz taʼ Jehovah