“Il-Barka tal-Mulej Iġġib l-Għana”
“Il-Barka tal-Mulej Iġġib l-Għana”
ILKOLL kemm aħna rridu li niġu mberkin. The American Heritage College Dictionary jgħid li l-barkiet iġibu “l-ferħ, l-hena, jew ir-riżq.” Peress li Jehovah hu d-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett,” kull barka vera u dejjiema ġejja mill-Ħallieq kollu mħabba tagħna. (Ġakbu 1:17) Hu jferraʼ l-barkiet fuq il-bnedmin kollha, anki fuq dawk li ma jafuhx. Ġesù qal dwar Missieru: “Hu jtallaʼ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.” (Mattew 5:45) Madankollu, Jehovah juri interess speċjali f’dawk li jħobbuh.—Dewteronomju 28:1-14; Ġob 1:1; 42:12.
Is-salmista kiteb: “Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej lil min jimxi bis-sewwa.” (Salm 84:12 [84:11, NW]) Iva, dawk li jaqdu lil Jehovah għandhom ħajja għanja mimlija skop. Huma jafu li “l-barka tal-Mulej iġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.” Il-Bibbja tgħid ukoll: “Dawk li [Jehovah] ibierek jiksbu l-art.” (Proverbji 10:22; Salm 37:22, 29) X’barka se tkun din!
Kif nistgħu nirċievu l-barka taʼ Jehovah? L-ewwelnett, għandna bżonn nikkultivaw kwalitajiet li jogħġbuh. (Dewteronomju 30:16, 19, 20; Mikea 6:8) Dan narawh fl-eżempju taʼ tliet qaddejja taʼ Jehovah li kienu jgħixu ħafna żmien ilu.
Jehovah Ibierek lill-Qaddejja Tiegħu
Noè spikka bħala qaddej taʼ Jehovah. F’Ġenesi 6:8 naqraw: “Noè sab ħniena quddiem il-Mulej.” Għala? Għax Noè kien ubbidjenti. Ir-rakkont jgħid: “Noè . . . kien jimxi sewwa maʼ Alla.” Noè segwa l-prinċipji taʼ tjieba taʼ Jehovah u obda l-kmandi tiegħu. Fi żmien meta d-dinja kienet miżgħuda bil-vjolenza u l-korruzzjoni, Noè kien imqanqal biex ‘jagħmel kull ma ordnalu Alla.’ (Ġenesi 6:9, 22) Bħala riżultat, Jehovah urieh kif jibni “arka biex isalva l-familja tiegħu.” (Lhud 11:7) B’dan il-mod, Noè u l-familja tiegħu—u permezz tagħhom ir-razza umana—salvaw mill-qerda taʼ dik il-ġenerazzjoni. U Noè miet bit-tama li jiġi rxoxtat bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. X’barkiet għonja rċieva!
Abraham ukoll kellu kwalitajiet li kienu jogħġbu lil Jehovah. Fosthom, l-iktar waħda li spikkat kienet il-fidi. (Lhud 11:8-10) Abraham ħalla warajh il-ħajja komda li kellu f’Ur u iktar tard f’Ħaran, minħabba li kellu fidi fil-wegħda taʼ Jehovah li ż-żerriegħa tiegħu kienet se titkattar u kienet se tkun taʼ barka għall-ġnus kollha. (Ġenesi 12:3, 4 [12:2, 3, NW]) Minkejja snin twal taʼ prova, il-fidi tiegħu ġiet premjata meta twieled ibnu Iżakk. Permezz tiegħu, Abraham sar l-antenat taʼ Iżrael, il-ġens magħżul t’Alla, u eventwalment tal-Messija. (Rumani 4:19-21) Iktar minn hekk, hu “l-missier taʼ dawk kollha li jemmnu,” u beda jissejjaħ il-“ħabib taʼ Alla.” (Rumani 4:11; Ġakbu 2:23; Galatin 3:7, 29) X’ħajja mimlija skop għex, u kemm ġie mbierek bil-kbir!
Lhud 11:27) Wara 40 sena li qattaʼ f’Midjan, hu mar lura l-Eġittu meta kien xiħ u ffaċċja b’kuraġġ lill-akbar qawwa taʼ dak iż-żmien, il-Fargħun, sabiex jesiġi li jinħelsu ħutu. (Eżodu 7:1-7) Hu ra l-għaxar kastigi, il-frid tal-Baħar l-Aħmar, u l-qerda taʼ l-eżerċti tal-Fargħun. Jehovah użah biex jagħti l-Liġi lill-Iżraelin u biex ikun il-medjatur tal-patt Tiegħu mal-ġens il-ġdid. Għal 40 sena, Mosè mexxa lill-ġens taʼ Iżrael fix-xagħri. Ħajtu kellha skop veru, u hu gawda barkiet taʼ servizz li kienu għonja u meraviljużi.
Ikkunsidra wkoll lir-raġel leali Mosè. L-iktar kwalità li spikkat milli kellu kienet l-apprezzament lejn l-affarijiet spiritwali. Mosè rrifjuta r-rikkezzi kollha taʼ l-Eġittu u “żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.” (Il-Barkiet taʼ Llum
Dawn ir-rakkonti juruna li l-ħajja taʼ dawk li jaqdu ’l Alla għandha skop veru. Meta l-poplu taʼ Jehovah jiżviluppa kwalitajiet bħalma huma l-ubbidjenza, il-fidi, u l-apprezzament lejn l-affarijiet spiritwali jirċievi barkiet abbundanti.
Kif aħna mberkin? Sewwa, filwaqt li miljuni fil-Kristjaneżmu qed ibatu minn ġuħ spiritwali, aħna jistaʼ jkollna “[wiċċna] jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej.” (Ġeremija 31:12) Permezz taʼ Ġesù u “l-ilsir leali u diskret,” Jehovah ipprovdielna provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali li jgħinna nibqgħu fit-“triq li tieħu għall-ħajja.” (Mattew 7:13, 14; 24:45; Ġwann 17:3) Is-sħubija mal-fratellanza Kristjana tagħna hi barka kbira oħra. Fil-laqgħat u f’okkażjonijiet oħrajn, li nkunu m’adoraturi sħabna li juru mħabba u jfittxu bil-ħerqa li jilbsu “l-bniedem il-ġdid” iġibilna ferħ kbir. (Kolossin 3:8-10; Salm 133:1) Madankollu, l-akbar barka li għandna hi l-privileġġ prezzjuż taʼ relazzjoni persunali m’Alla Jehovah u li nsegwu l-passi taʼ Ibnu, Kristu Ġesù.—Rumani 5:1, 8; Filippin 3:8.
Meta nimmeditaw fuq barkiet bħal dawn, nirrealizzaw kemm hu tassew prezzjuż is-servizz tagħna lil Alla. Forsi tiġi quddiem għajnejna l-parabbola taʼ Ġesù dwar negozjant li kien jivvjaġġa biex ifittex ġawhar mill-ifjen. Ġesù qal dwar dan ir-raġel: “Meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.” (Mattew 13:46) Żgur li hekk inħossuna dwar ir-relazzjoni tagħna m’Alla, il-privileġġ li naqduh, is-sħubija Kristjana tagħna, it-tama Kristjana tagħna, u l-barkiet l-oħrajn kollha li għandhom x’jaqsmu mal-fidi tagħna. M’hemm xejn li hu iktar prezzjuż f’ħajjitna.
Agħti Lura lil Jehovah
Il-fatt li nagħrfu lil Jehovah bħala d-Donatur taʼ kull ħaġa tajba jqanqalna biex nuru apprezzament mill-qalb għall-barkiet li nirċievu. Kif nistgħu nagħmluh dan? Mod wieħed hu billi ngħinu lil oħrajn igawdu dawn l-istess barkiet. (Mattew 28:19) F’iktar minn 230 pajjiż, ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jistinkaw biex iżuru lill-ġirien tagħhom ħalli jagħmlu preċiż dan. Waqt li jwettqu dan l-inkarigu, huma jagħtu mir-riżorsi limitati persunali tagħhom—il-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet materjali—sabiex jgħinu lil oħrajn “jaslu biex jagħrfu l-verità.”—1 Timotju 2:4.
Ikkunsidra l-pijunieri li joqogħdu fi Glendale, Kalifornja, l-Istati Uniti taʼ l-Amerika. Kull nhar taʼ Sibt fil-għodu, jivvjaġġaw xi 100 kilometru ’l hemm u ’l hawn biex iżuru ħabs federali. Għalkemm ma jistgħux idumu iktar minn ftit sigħat mal-priġunieri f’kull żjara, huma ma jaqtgħux qalbhom. Waħda minnhom tgħid: “Kemm huwa premjanti li taqdi f’dan it-territorju uniku! Dan qed nagħmluh b’ferħ kbir. Tant sibna interess li diffiċli biex illaħħqu miegħu. Bħalissa qed nistudjaw maʼ ħames persuni, u erbgħa oħra talbuna studju tal-Bibbja.”
Ministri Kristjani li huma żelużi jinsabu ferħanin li jistgħu joffru s-servizzi tagħhom bla ħlas sabiex iwettqu dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet. Huma jirriflettu l-attitudni taʼ Ġesù, li qal: “B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.” (Mattew 10:8) Miljuni madwar id-dinja qed jagħtu sehemhom f’servizz bħal dan mingħajr egoiżmu, u bħala riżultat, folol taʼ wħud taʼ qalb onesta qed iwieġbu u jsiru dixxipli. F’dawn l-aħħar ħames snin biss, kważi 1.7 miljun ruħ iddedikaw ħajjithom lil Jehovah. Li tieħu ħsieb il-bżonnijiet taʼ dan it-tkabbir kontinwu jirrikjedi stampar taʼ Bibbji u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja kif ukoll bini taʼ Swali tas-Saltna ġodda u postijiet oħrajn fejn isiru l-laqgħat. Minfejn jiġu l-flus biex jiġu provduti dawn il-bżonnijiet kollha? Kollha minn donazzjonijiet volontarji.
F’xi partijiet tad-dinja, minħabba l-qagħda ekonomika fqira, ħafna jissieltu sabiex jipprovdu l-bżonnijiet li huma essenzjali għall-ħajja tal-familji tagħhom. Skond ir-rivista New Scientist, biljun persuna tonfoq minn taʼ l-inqas 70 fil-mija mill-paga għall-ikel. Ħafna minn ħutna Kristjani jinsabu f’din is-sitwazzjoni. Mingħajr l-għajnuna t’adoraturi sħabhom, huma sempliċement ma jkunux jistgħu jaffordjaw affarijiet bħalma huma l-pubblikazzjonijiet Kristjani jew Swali tas-Saltna addattati.
Ovvjament, dan ma jfissirx li huma jinsabu kuntenti għax oħrajn qed iġorru t-tagħbija għalihom. Iżda għandhom bżonn l-għajnuna. Mosè, meta kien qed iħeġġeġ lill-Iżraelin biex jagħmlu kontribuzzjonijiet materjali bħala turija taʼ gratitudni lejn Jehovah għall-barkiet li kellhom, qal: “Kulħadd jagħti kemm jistaʼ skond il-barka li jkun tak il-Mulej, Alla tiegħek.” (Dewteronomju 16:17) B’hekk, meta Ġesù ra armla “titfaʼ biċċtejn żgħar tal-flus” fit-tempju, faħħarha mad-dixxipli tiegħu. Għamlet dak kollu li setgħet. (Luqa 21:2, 3) Bl-istess mod, il-Kristjani f’kundizzjonijiet taʼ faqar jagħmlu dak kollu li jistgħu. U jekk ikun hemm in-nieqes, jitpatta permezz tal-kontribuzzjonijiet minn Kristjani sħabhom li m’humiex daqshekk fqar materjalment.—2 Korintin 8:13-15.
Meta nagħtu lura lil Alla b’modi bħal dawn, huwa importanti li jkollna motivazzjoni xierqa. (2 Korintin 8:12) Pawlu qal: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” (2 Korintin 9:7) Meta nagħtu b’xejn mill-qalb, inkunu qed nappoġġaw it-tkabbir teokratiku li qed isir bħalissa u nżidu l-ferħ tagħna stess.—Atti 20:35.
Li nagħtu sehemna fix-xogħol taʼ l-ippridkar u nagħmlu kontribuzzjonijiet volontarji huma żewġ modi kif nistgħu nagħtu lura lil Jehovah għall-barkiet li tana. U kemm hu inkuraġġanti li nafu li Jehovah jixtieq jitfaʼ l-barka tiegħu fuq ħafna iktar uħud sinċieri li bħalissa forsi għadhom ma jafuhx! (2 Pietru 3:9) Għalhekk, ejja nkomplu nużaw ir-riżorsi tagħna fis-servizz t’Alla biex insibu lil dawk taʼ qalb onesta u ngħinuhom jiżviluppaw kwalitajiet bħalma huma l-ubbidjenza, il-fidi, u l-apprezzament. B’dan il-mod, se jkollna l-ferħ taʼ li ngħinuhom ‘jipprovaw u jaraw kemm hu tajjeb il-Mulej.’—Salm 34:9 (34:8, NW).
[Kaxxa f’paġna 28, 29]
Modi Kif Xi Wħud Jagħżlu li Jagħtu
KONTRIBUZZJONIJIET GĦAX-XOGĦOL MAD-DINJA KOLLHA
Ħafna jwarrbu, jew ifaddlu, ammont li jitfgħuh fil-kaxxi tal-kontribuzzjoni li fuqhom ikun hemm miktub: “Kontribuzzjonijiet għax-Xogħol mad-Dinja Kollha—Mattew 24:14.”
Kull xahar il-kongregazzjonijiet jibagħtu dawn l-ammonti jew lill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York, jew lill-uffiċċju tal-fergħa lokali. Donazzjonijiet volontarji taʼ flus jistgħu jintbagħtu wkoll direttament lill-Uffiċċju tat-Teżorier, Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, 25 Columbia Heights, Brooklyn, New York 11201-2483, jew lill-uffiċċju tas-Soċjetà li jservi f’pajjiżek. Ġojjelli jew affarijiet prezzjużi oħrajn jistgħu jingħataw bħala donazzjoni wkoll. Maʼ dawn il-kontribuzzjonijiet għandha tintbagħat ittra qasira li tistqarr li din hija għotja għalkollox.
ARRANĠAMENT TAʼ DONAZZJONI KUNDIZZJONALI
Il-flus jistgħu jingħataw bħala donazzjoni b’arranġament speċjali li bih id-donazzjoni tkun tistaʼ tingħata lura lid-donatur, f’każ li jiġi bżonnha. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Uffiċċju tat-Teżorier fl-indirizz li ngħata diġà.
IPPJANAR ĠENERUŻ
Minbarra l-għotjiet għalkollox taʼ flus u donazzjonijiet kundizzjonali taʼ flus, hemm metodi oħrajn kif wieħed jagħmel għotjiet li jkunu taʼ benefiċċju għas-servizz tas-Saltna mad-dinja kollha. Dawn jinkludu:
Assigurazzjoni: Is-Soċjetà tistaʼ tiġi intitolata bħala l-benefiċjarja tal-polza t’assigurazzjoni fuq il-ħajja jew fi pjan taʼ rtirar mix-xogħol u pensjoni.
Kontijiet fil-Bank: Kontijiet fil-bank, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-xogħol jistgħu jitpoġġew b’fedekommess għas-Soċjetà jew jintgħamlu pagabbli mal-mewt lilha, fi qbil mal-ħtiġijiet lokali tal-bank.
Ishma u Titoli: Jistgħu jingħataw ishma u titoli b’donazzjoni lis-Soċjetà bħala għotja għalkollox.
Propjetà Immobbli: Propjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ tistaʼ tingħata bħala donazzjoni lis-Soċjetà jew billi ssir għotja għalkollox jew billi l-propjetà tinżamm tul il-ħajja tad-donatur, li jkun jistaʼ jkompli jgħix fiha matul ħajtu. Ikkuntattja lill-uffiċju tas-Soċjetà f’pajjiżek qabel ma tagħmel xi kuntratt biex tagħti l-propjetà immobbli.
Testmenti u Fedekommessi: Jistgħu jitħallew xi propjetà jew flus lis-Soċjetà permezz taʼ testment effettwat bil-liġi, jew il-Watchtower Society tistaʼ tissejjaħ bħala l-benefiċjarja taʼ ftehim fedekommess. Fedekommess li jkun taʼ benefiċċju għal organizzazzjoni reliġjuża jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-taxxi.
Bħalma jimplika t-terminu “ppjanar ġeneruż,” dawn it-tipi taʼ donazzjonijiet jirrikjedu tipikament xi ppjanar min-naħa tad-donatur. Is-Soċjetà ħejjiet browxer bl-Ingliż u bl-Ispanjol intitolat Charitable Planning to Benefit Kingdom Service Worldwide biex tgħin lil individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi forma taʼ ppjanar ġeneruż għall-benefiċċju tax-xogħol taʼmadwar id-dinja tax-Xhieda taʼ Jehovah. Il-browxer inkiteb sabiex iwieġeb il-ħafna mistoqsijiet rigward għotjiet, testmenti, u fedekommessi. Fih ukoll iktar informazzjoni utli dwar ippjanar taʼ propjetà, finanzi, u taxxi. U huwa disinjat biex jgħin lil individwi fl-Istati Uniti li qed jippjanaw biex jagħmlu għotja speċjali issa jew li jħallu b’testment mal-mewt l-għażla taʼ l-iktar metodu vantaġġuż u effiċjenti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-familja tagħhom u dawk persunali. Tistaʼ tikseb dan il-browxer billi tistaqsi għal kopja direttament miċ-Charitable Planning Office.
Wara li qraw il-browxer u kkonsultaw maċ-Charitable Planning Office, ħafna setgħu jassistu lix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha u fl-istess ħin jieħdu l-massimu mill-benefiċċji marbutin mat-taxxi talli għamlu dan. Iċ-Charitable Planning Office għandu jiġi informat bi kwalunkwe dokument li jkollu x’jaqsam maʼ xi arranġament minn dawn u jirċievi kopja tiegħu. Jekk int interessat f’xi wieħed minn dawn l-arranġamenti taʼ ppjanar ġeneruż, għandek tikkuntattja liċ-Charitable Planning Office, jew b’ittra jew bit-telefon, fl-indirizz t’hawn taħt jew taʼ l-uffiċċju tax-Xhieda taʼ Jehovah li jservi f’pajjiżek.
CHARITABLE PLANNING OFFICE
Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
100 Watchtower Drive,
Patterson, New York 12563-9204
Telefon: (845) 306-0707