Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Jehovah fejn għamlu l-patt m’Abraham, f’Ur jew f’Ħaran?
L-ewwel rakkont dwar il-patt li Jehovah għamel m’Abraham jinsab f’Ġenesi 12:1-4 (12:1-3, NW), li jgħid: “Il-Mulej qal lil Abram: ‘Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik. U jien nagħmlek ġens kbir . . . U jitbierku bik it-tribujiet kollha taʼ l-art.’” * X’aktarx li Jehovah għamel dan il-patt m’Abraham waqt li dan kien f’Ur, u reġaʼ kkonfermahulu meta kien f’Ħaran.
Fl-ewwel seklu, Stiefnu rrefera għall-kmand taʼ Jehovah lil Abraham biex imur joqgħod f’Kangħan. Waqt li indirizza lis-Sinedriju, hu qal: “Alla tal-glorja deher lil Abraham missierna, meta dan kien fil-Mesopotamja qabel ma mar joqgħod Ħaran, u qallu, ‘Oħroġ minn artek u minn fost niesek u mur fl-art li se nurik jien.’” (Atti 7:2, 3, korsiv tagħna.) Oriġinarjament Abraham kien minn Ur, u bħalma indika Stiefnu, kien hemmhekk li semaʼ għall-ewwel darba l-kmand biex imur Kangħan. (Ġenesi 15:7; Neħemija 9:7) Stiefnu ma semmiex il-patt t’Alla m’Abraham, imma f’Ġenesi 12:1-4, dan il-patt hu marbut mal-kmand biex imur Kangħan. Għalhekk, huwa raġunevoli li nemmnu li Jehovah għamel il-patt m’Abraham f’Ur.
Madankollu, jekk naqraw bir-reqqa r-rakkont tal-Ġenesi, dan jissuġġerixxi li Jehovah reġaʼ tenna l-patt tiegħu lil Abraham f’Ħaran, sewwa sew bħalma hu rrepeta u elabora fuq aspetti tal-patt f’ħafna okkażjonijiet oħrajn f’Kangħan. (Ġenesi 15:5; 17:1-5; 18:18; 22:16-18) Skond Ġenesi 11:31, 32, Teraħ, missier Abraham, telaq minn Ur għal Kangħan flimkien m’Abraham, Sara, u Lot. Huma waslu Ħaran u baqgħu hemmhekk sakemm miet Teraħ. Iż-żmien li Abraham dam Ħaran kien biżżejjed biex hu setaʼ jikseb ġid abbundanti. (Ġenesi 12:5) U kien hemm żmien meta Naħor, ħu Abraham, ukoll kien mar joqgħod hemmhekk.
Wara li ssemmi l-mewt taʼ Teraħ, il-Bibbja tirrapporta l-kliem li Jehovah qal lil Abraham u tissokta tgħid: “U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.” (Ġenesi 12:4) Għaldaqstant, Ġenesi 11:31–12:4 jagħti wieħed x’jifhem li Jehovah qal il-kliem li nsibu f’Ġenesi 12:1-4 wara l-mewt taʼ Teraħ. Jekk dan hu l-każ, Abraham telaq minn Ħaran u mar joqgħod fil-pajjiż li indikalu Jehovah biex jobdi l-kmand li kien għadu kif semaʼ, kif ukoll dak il-kmand li kien semaʼ għall-ewwel darba snin qabel f’Ur.
Skond Ġenesi 12:1, Jehovah ikkmanda lil Abraham: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek.” Kien hemm żmien meta Ur kienet “art,” jew pajjiż, Abraham, u hemmhekk kienet “dar” missieru. Madankollu, missier Abraham ħa l-familja tiegħu toqgħod Ħaran, u dak il-post Abraham beda jsejjaħlu pajjiżu. Meta, wara ħafna snin f’Kangħan, hu bagħat lill-qaddej tiegħu ‘f’artu u għand niesu’ biex isib mara għal Iżakk, il-qaddej mar “lejn il-belt taʼ Naħor” (Ħaran jew xi mkien ieħor viċin). (Ġenesi 24:4, 10) Hemmhekk, il-qaddej sab lil Rebekka fost il-qraba t’Abraham, mill-familja kbira taʼ Naħor.—Ġenesi 22:20-24; 24:15, 24, 29; 27:42, 43.
Fid-diskors tiegħu lis-Sinedriju, Stiefnu qal dwar Abraham: “Wara li miet missieru, Alla ġiebu f’din l-art li fiha issa qed toqogħdu intom.” (Atti 7:4) Dan jindika li Jehovah kellem lil Abraham f’Ħaran. Huwa raġunevoli li nemmnu li f’din l-okkażjoni Jehovah reġaʼ tenna l-patt tiegħu m’Abraham kif insibu f’Ġenesi 12:1-4, ladarba l-patt beda jopera meta Abraham mar joqgħod f’Kangħan. B’hekk, meta nikkunsidraw il-fatti kollha naslu għall-konklużjoni li Jehovah x’aktarx li għamel il-patt tiegħu m’Abraham f’Ur u reġaʼ kkonfermah f’Ħaran.
[Nota taʼ taħt]
^ Jehovah bidel isem Abram għal Abraham f’Kangħan meta dan kellu 99 sena.—Ġenesi 17:1, 5.