Qerrieda tas-Siġar
Qerrieda tas-Siġar
FI ŻMINIJIET Bibliċi, is-siġar kienu meqjusin bħala xi ħaġa taʼ valur. Per eżempju, meta Abraham xtara post biex jidfen lill-maħbuba martu, Sara, is-siġar kienu miktubin fil-kuntratt għat-trasferiment tal-propjetà.—Ġenesi 23:15-18.
Bl-istess mod illum, is-siġar huma taʼ valur kbir, u ħafna attenzjoni internazzjonali qed tiġi ffokata fuq il-ħarsien tal-foresti. Il-ktieb State of the World 1998 jgħid, li waqt li ħafna nies f’pajjiżi tat-tramuntana jinkwetaw dwar il-foresti tropikali, forsi dawn m’humiex konxji tal-foresti li jinsabu f’pajjiżhom stess. Fil-fatt dawn il-foresti huma l-iktar imxerrdin u li għandhom l-iktar problemi fost it-tipi kollha taʼ foresti. X’qed jhedded is-saħħa tal-foresti f’dawn il-pajjiżi tat-tramuntana taʼ l-Ewropa u l-Amerika taʼ Fuq? Ħafna nies jippontaw lejn it-tqaċċit tas-siġar, imma hemm forzi oħrajn li bil-mod il-mod qegħdin jeqirdu s-siġar, waħda waħda, biex ngħidu hekk. Dawn x’inhuma? It-tniġġis taʼ l-arja u x-xita aċiduża. Dawn is-sustanzi velenużi fl-ambjent jistgħu maż-żmien idgħajfu s-siġar, u b’hekk isiru esposti għall-attakki mill-insetti qerrieda u l-mard.
Għal għaxriet taʼ snin, ambjentalisti u ċittadini konċernati wissew dwar il-ħtieġa li nieħdu ħsieb l-ekosistema. Fis-snin tmenin tas-seklu 20, wara li xi xjenzati fil-Ġermanja studjaw l-effetti tat-tniġġis taʼ l-arja u x-xita aċiduża fuq l-ambjent, huma kkonkludew: ‘Jekk ma jsir xejn dwar dan, madwar is-sena 2000 in-nies se jkunu jistgħu jammiraw il-foresti f’ritratti antiki u fil-films biss.’ B’ferħ, il-qawwa riproduttiva taʼ l-art hija magħmula b’tali mod li s’issa għenet biex tirreżisti ħafna mill-ħsara li ssemmiet.
Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, huwa Alla li se jħares l-ekosistema tagħna. “Inti [Alla] ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek” u “tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem.” Hu wiegħed ukoll li se ‘jeqred lil dawk li qegħdin jeqirdu d-dinja.’ (Salm 104:13, 14; Apokalissi 11:18) Kemm se jkun taʼ l-għaġeb meta dawk kollha li jgħixu fuq l-art se jkunu jistgħu jgawdu għal dejjem dinja mingħajr tniġġis!—Salm 37:9-11.