Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dawk li Jappoġġaw il-​Qima Vera—Dak iż-​Żmien u Llum

Dawk li Jappoġġaw il-​Qima Vera—Dak iż-​Żmien u Llum

Dawk li Jappoġġaw il-​Qima Vera—Dak iż-​Żmien u Llum

TIFTAKAR xi isem taʼ raġel li beka lill-​belt antika taʼ Ġerusalemm? ‘Ġesù,’ għandek mnejn twieġeb​—tabilħaqq, Ġesù hekk għamel. (Luqa 19:​28, 41) Madankollu, sekli qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, qaddej leali ieħor t’Alla wkoll beka lil Ġerusalemm. Dan kien jismu Neħemija.​—Neħemija 1:​3, 4.

X’ġiegħel lil Neħemija jkun tant qalbu sewda li beka lil Ġerusalemm? X’għamel għall-​ġid tal-​belt u għall-​abitanti tagħha? U x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu? Biex inkunu nistgħu nwieġbu, ejja naraw xi ġrajjiet taʼ żmienu.

Raġel Sensittiv u t’Azzjoni

Neħemija nħatar gvernatur taʼ Ġerusalemm, imma qabel dan, kien uffiċjal għoli fil-​palazz Persjan fil-​belt taʼ Susa. Madankollu, il-​ħajja komda li kellu ma naqqsitlux l-​interess li kellu fil-​ġid taʼ ħutu l-​Lhud li kienu jgħixu tant ’il bogħod f’Ġerusalemm. Fil-​fatt, l-​ewwel ħaġa li għamel meta grupp taʼ Lhud minn Ġerusalemm żaru Susa kienet li ‘staqsiehom għal-​Lhud li kienu ħelsuha, għal dawk li kien fadal wara l-​eżilju, u għal Ġerusalemm.’ (Neħemija 1:2) Meta dawn il-​viżitaturi wieġbu li n-​nies taʼ Ġerusalemm kienu “jinsabu ħażin ħafna” u li s-​swar tal-​belt kienu “għadhom imħarbta,” Neħemija ‘nxeħet bilqiegħda jibki, u jitniehed għal jiem sħaħ.’ Wara dan, hu esprima s-​sentimenti taʼ niket tiegħu f’talba mill-​qalb lil Jehovah. (Neħemija 1:3-11) Neħemija għala kien tant qalbu sewda? Għaliex Ġerusalemm kienet iċ-​ċentru tal-​qima taʼ Jehovah fuq l-​art, u din kienet ġiet traskurata. (1 Slaten 11:36) Iktar minn hekk, il-​kundizzjoni mwiegħra tal-​belt kienet turi kemm l-​abitanti tagħha kienu fi stat fqir spiritwalment.​—Neħemija 1:​6, 7.

It-tħassib li kellu Neħemija dwar Ġerusalemm flimkien mal-​mogħdrija għal-​Lhud li kienu jgħixu hemmhekk qanqluh biex jagħmel dak kollu li setaʼ. Hekk kif is-​sultan Persjan skużah mill-​qadi taʼ dmirijietu għal xi żmien, Neħemija beda jippjana l-​vjaġġ twil lejn Ġerusalemm. (Neħemija 2:​5, 6) Hu ried li jagħti s-​saħħa, il-​ħin, u l-​abbiltajiet tiegħu sabiex jgħin fix-​xogħol taʼ restawr. Fi ftit jiem mill-​wasla tiegħu, hu kien diġà fassal pjan għall-​bini mill-​ġdid tas-​swar kollha taʼ Ġerusalemm.​—Neħemija 2:​11-​18.

Neħemija qassam din il-​biċċa xogħol enormi tal-​bini mill-​ġdid tas-​swar bejn ħafna familji, u lkoll kemm huma ħadmu spalla maʼ spalla. * Iktar minn 40 grupp differenti ġew inkarigati biex jibnu mill-​ġdid “biċċa” mis-​swar kull wieħed. Ir-​riżultat? B’dawk il-​ħaddiema kollha​—li kienu jinkludu ġenituri flimkien maʼ wliedhom​—jagħtu l-​ħin u l-​enerġija tagħhom, dik li tant kienet tidher biċċa xogħol iebsa saret possibbli. (Neħemija 3:​11, 12, 19, 20) Fi żmien xahrejn taʼ xogħol bla heda, is-​sur kollu kien inbena mill-​ġdid! Neħemija kiteb li saħansitra dawk li opponew ix-​xogħol taʼ restawr ġew imġagħlin jirrikonoxxu li “dan ix-​xogħol kien sar bl-​għajnuna taʼ Alla tagħna.”​—Neħemija 6:​15, 16.

Eżempju li Għandna Nibqgħu Niftakruh

Neħemija ma offriex biss il-​ħin tiegħu u l-​abbiltajiet li kellu biex jorganizza. Hu uża wkoll il-​mezzi materjali tiegħu biex jappoġġa l-​qima vera. Hu uża flusu stess biex jixtri lura lil ħutu Lhud mill-​jasar. Sellef flus mingħajr interessi. Hu qatt ma ‘għabba b’piż tqil’ lil-​Lhud billi talabhom xi flus, xi ħaġa li kien intitolat għaliha bħala l-​gvernatur tagħhom. Minflok, daru kienet dejjem miftuħa biex jitmaʼ ‘mija u ħamsin ruħ, u dawk li ġew għandu mingħand il-​ġnus taʼ madwaru.’ Kuljum hu pprovda “għoġol, sitt nagħġiet, u xi tajr” għall-​mistidnin tiegħu. Barra minn hekk, darba kull għaxart ijiem offrielhom “ħafna nbid taʼ kull xorta”​—kollox minn butu.​—Neħemija 5:​8, 10, 14-​18.

X’eżempju li jispikka taʼ ġenerożità ħalla Neħemija għall-​qaddejja t’Alla taʼ dak iż-​żmien u taʼ llum! Dan il-​qaddej kuraġġuż t’Alla uża l-​mezzi materjali tiegħu b’mod ġeneruż u minn jeddu biex jappoġġa lill-​ħaddiema sabiex jagħti spinta lill-​qima vera. B’mod xieraq, hu setaʼ jitlob lil Jehovah: “Dak kollu li għamilt maʼ dan il-​poplu, ibqaʼ ftakru, Mulej, għall-​ġid.” (Neħemija 5:​19) Ċertament li Jehovah se jagħmel preċiż hekk.​—Lhud 6:​10.

Ħafna Llum Jimxu fuq l-​Eżempju taʼ Neħemija

Kemm tfur bil-​ferħ qalbna meta naraw li anki n-​nies taʼ Jehovah illum juru affezzjoni tenera, ikunu lesti li jieħdu azzjoni, u juru attitudni taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom għall-​qima vera. Meta nisimgħu li sħabna fit-​twemmin qed jgħaddu minn xi tbatijiet, aħna nitħassbu ferm dwarhom. (Rumani 12:15) Bħal Neħemija, aħna nitolbu lil Jehovah biex jgħin lil dawn l-​aħwa fil-​fidi li għaddejjin minn xi għawġ, u ngħidulu: “Nitolbok, Mulej, agħti widen għat-​talba tal-​qaddej tiegħek u għat-​talba tal-​qaddejja tiegħek, li jixtiequ jagħtu ġieħ lil ismek.”​—Neħemija 1:​11; Kolossin 4:2.

Madankollu, it-​tħassib dwar il-​ġid spiritwali u fiżiku taʼ ħutna Kristjani u dwar l-​avanz tal-​qima vera ma jeffettwax biss il-​mod kif inħossuna. Dan iqanqalna wkoll għall-​azzjoni. Dawk li ċ-​ċirkustanzi tagħhom jippermettu huma motivati mill-​imħabba biex iħallu l-​kumdità taʼ djarhom u, bħal Neħemija, imorru f’postijiet oħrajn biex jgħinu lil min għandu bżonn. In-​nuqqas taʼ kumdità li dawn il-​volontieri jistgħu jiffaċċjaw minħabba l-​kundizzjonijiet t’għajxien f’ċerti partijiet tad-​dinja ma jaqtgħalhomx qalbhom. Iżda huma jaqdu spalla maʼ spalla maʼ ħuthom Kristjani biex jappoġġaw l-​avanz tal-​qima vera hemmhekk. L-​ispirtu taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom li huma juru huwa verament taʼ min jirrikkmandah.

Nagħtu Sehemna fil-​Post Fejn Noqogħdu

Ovvjament, ħafna minna ma jistgħux imorru joqogħdu f’post ieħor. Aħna nappoġġaw il-​qima vera fejn noqogħdu. Dan jintwera wkoll fil-​ktieb taʼ Neħemija. Innota d-​dettalji li Neħemija jżid dwar xi familji leali li ħadu sehem fix-​xogħol taʼ restawr. Hu kiteb: “Ġedajja bin Ħarumaf sewwa lil hinn minnu, jiġifieri biswit id-​dar tiegħu . . . Benjamin u Ħassub sewwew quddiem id-​dar tagħhom. Lil hinn minnhom Għażarija bin Magħxija, bin Għananija, sewwa maġenb id-​dar tiegħu.” (Neħemija 3:​10, 23, 28-30, korsiv tagħna.) Dawn l-​irġiel u l-​familji tagħhom ikkontribwew bil-​kbir għall-​avanz tal-​qima vera billi taw sehemhom fix-​xogħol taʼ restawr qrib il-​post fejn kienu joqogħdu.

Illum, ħafna minna nappoġġaw il-​qima vera fl-​inħawi fejn noqogħdu b’diversi modi. Ngħinu fi proġetti taʼ bini taʼ Swali tas-​Saltna, f’ħidmiet t’għajnuna meta jinqalaʼ xi diżastru, u iktar importanti, fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna. Iktar minn hekk, sew jekk nistgħu nipparteċipaw personalment f’xogħol taʼ kostruzzjoni jew f’ħidmiet t’għajnuna u sew jekk le, ilkoll kemm aħna nixtiequ nappoġġaw minn qalbna l-​qima vera bil-​mezzi materjali li għandna, bħalma għamel Neħemija b’ġenerożità kbira fi żmienu.​—Ara l-​kaxxa “Karatteristiċi taʼ Għoti Volontarju.”

Xi drabi jistaʼ jidher li huwa diffiċli ħafna biex jinġabru l-​fondi li hemm bżonn ħalli jiġu finanzjati l-​attivitajiet taʼ stampar tagħna li dejjem jikbru, il-​ħidmiet biex tingħata l-​għajnuna, u diversi servizzi oħrajn li jingħataw madwar id-​dinja. Iżda, ftakar li l-​biċċa xogħol biex jinbnew il-​ħitan enormi taʼ Ġerusalemm ukoll kienet tidher diffiċli ferm. (Neħemija 4:​10) Però, peress li l-​biċċa xogħol inqasmet bejn ħafna familji li xtaqu jgħinu, ix-​xogħol tlesta. Bl-​istess mod illum, sabiex insibu r-​riżorsi li hemm bżonn ħalli nkunu nistgħu nkomplu bl-​attivitajiet li għandna madwar id-​dinja, kull wieħed u waħda minna għandu jieħu ħsieb parti minn dan ix-​xogħol.

Il-kaxxa “Modi Kif Xi Wħud Jagħżlu li Jagħtu” turi diversi modi li bihom jistaʼ jingħata appoġġ finanzjarju lix-​xogħol tas-​Saltna. Matul din l-​aħħar sena, ħafna min-​nies t’Alla taw dan l-​appoġġ, u l-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah jixtiequ jieħdu din l-​opportunità biex jesprimu l-​gratitudni profonda tagħhom lejn dawk kollha li qalbhom qanqlithom biex jieħdu sehem f’dan l-​għoti volontarju. Fuq kollox, nirringrazzjaw lil Jehovah għall-​barka kbira tiegħu fuq l-​isforzi li n-​nies tiegħu għamlu b’qalbhom kollha biex jippromwovu l-​qima vera madwar id-​dinja. Iva, meta nirriflettu dwar il-​mod kif l-​id taʼ Jehovah iggwidatna matul dawn is-​snin kollha, niġu mqanqlin biex nidwu l-​kliem taʼ Neħemija, li b’ringrazzjament qal: “Kemm kienet ħanina id Alla tiegħi miegħi.”​—Neħemija 2:18.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 7 Neħemija 3:5 juri li xi Lhud prominenti, “il-​kbarat,” irrifjutaw li jieħdu sehem fix-​xogħol, imma dawn kienu l-​eċċezzjoni. Nies minn ambjenti differenti​—qassisin, dawk li jaħdmu d-​deheb, dawk li jħalltu l-​fwejjaħ, kapijiet, bejjiegħa—ilkoll appoġġaw il-​proġett.​—Versi 1, 8, 9, 32.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 28, 29]

Modi Kif Xi Wħud Jagħżlu li Jagħtu

KONTRIBUZZJONIJIET GĦAX-​XOGĦOL MAD-​DINJA KOLLHA

Ħafna jwarrbu, jew ifaddlu, ammont li jitfgħuh fil-​kaxxi tal-​kontribuzzjoni li fuqhom ikun hemm miktub: “Kontribuzzjonijiet għax-​Xogħol mad-​Dinja Kollha​—Mattew 24:14.”

Kull xahar, il-​kongregazzjonijiet jibagħtu dawn l-​ammonti lill-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah jew lill-​uffiċċju tal-​fergħa lokali. Donazzjonijiet volontarji taʼ flus jistgħu jintbagħtu direttament lill-​Uffiċċju tat-​Teżorier, Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, 25 Columbia Heights, Brooklyn, New York 11201-2483, jew lill-​uffiċċju tas-​Soċjetà li jservi f’pajjiżek. Ġojjelli jew affarijiet prezzjużi oħrajn jistgħu jingħataw bħala donazzjoni wkoll. Maʼ dawn il-​kontribuzzjonijiet għandha tintbagħat ittra qasira li tistqarr li din hija għotja għalkollox.

ARRANĠAMENT TAʼ DONAZZJONI KUNDIZZJONALI

Il-​flus jistgħu jingħataw bħala donazzjoni b’arranġament speċjali li bih id-​donazzjoni tkun tistaʼ tingħata lura lid-​donatur, f’każ li jiġi bżonnha. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-​Uffiċċju tat-​Teżorier fl-​indirizz li ngħata diġà.

IPPJANAR ĠENERUŻ

Minbarra l-​għotjiet għalkollox taʼ flus u donazzjonijiet kundizzjonali taʼ flus, hemm metodi oħrajn kif wieħed jagħmel għotjiet li jkunu taʼ benefiċċju għas-​servizz tas-​Saltna mad-​dinja kollha. Dawn jinkludu:

Assigurazzjoni: Is-​Soċjetà tistaʼ tiġi intitolata bħala l-​benefiċjarja tal-​polza t’assigurazzjoni fuq il-​ħajja jew fi pjan taʼ rtirar mix-​xogħol u pensjoni.

Kontijiet fil-​Bank: Kontijiet fil-​bank, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-​xogħol jistgħu jitpoġġew b’fedekommess għas-​Soċjetà jew jintgħamlu pagabbli lilha mal-​mewt, fi qbil mal-​ħtiġijiet lokali tal-​bank.

Ishma u Titoli: Jistgħu jingħataw ishma u titoli b’donazzjoni lis-​Soċjetà bħala għotja għalkollox.

Propjetà Immobbli: Propjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ tistaʼ tingħata bħala donazzjoni lis-​Soċjetà jew billi ssir għotja għalkollox jew billi l-​propjetà tinżamm tul il-​ħajja tad-​donatur, li jkun jistaʼ jkompli jgħix fiha matul ħajtu. Ikkuntattja lill-​uffiċċju tas-​Soċjetà f’pajjiżek qabel ma tagħmel xi kuntratt biex tagħti l-​propjetà immobbli.

Testmenti u Fedekommessi: Jistgħu jitħallew xi flus jew propjetà lis-​Soċjetà permezz taʼ testment effettwat bil-​liġi, jew il-​Watch Tower Society tistaʼ tissejjaħ bħala l-​benefiċjarja taʼ ftehim fedekommess. Fedekommess li jkun taʼ benefiċċju għal organizzazzjoni reliġjuża jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-​taxxi.

Bħalma jimplika t-​terminu “ppjanar ġeneruż,” dawn it-​tipi taʼ donazzjonijiet jirrikjedu tipikament xi ppjanar min-​naħa tad-​donatur. Is-​Soċjetà ħejjiet browxer bl-​Ingliż u bl-​Ispanjol intitolat Charitable Planning to Benefit Kingdom Service Worldwide biex tgħin lil individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi forma taʼ ppjanar ġeneruż għall-​benefiċċju tax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​browxer inkiteb sabiex iwieġeb il-​ħafna mistoqsijiet rigward għotjiet, testmenti, u fedekommessi. Fih ukoll iktar informazzjoni utli dwar ippjanar taʼ propjetà, finanzi, u taxxi. Dan jinforma lil individwi dwar diversi modi kif jistgħu jagħmlu għotjiet issa jew li jħalluhom b’testment mal-​mewt. Tistaʼ tikseb dan il-​browxer billi tistaqsi għal kopja direttament miċ-​Charitable Planning Office.

Wara li qraw il-​browxer u kkonsultaw maċ-​Charitable Planning Office, ħafna setgħu jassistu lix-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha u fl-​istess ħin jieħdu l-​massimu mill-​benefiċċji marbutin mat-​taxxi talli għamlu dan. Iċ-​Charitable Planning Office għandu jiġi informat bi kwalunkwe dokument li jkollu x’jaqsam maʼ xi arranġament minn dawn u jirċievi kopja tiegħu. Jekk int interessat f’xi wieħed minn dawn l-​arranġamenti taʼ ppjanar ġeneruż, għandek tikkuntattja liċ-​Charitable Planning Office, b’ittra jew bit-​telefon, fl-​indirizz t’hawn taħt jew taʼ l-​uffiċċju tax-​Xhieda taʼ Jehovah li jservi f’pajjiżek.

Charitable Planning Office

Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania

100 Watchtower Drive, Patterson, New York 12563-9204

Telefon: (845) 306-​0707

[Kaxxa/Stampi f’paġna 30]

Karatteristiċi taʼ Għoti Volontarju

Fl-​ittri tiegħu lill-​Korintin, l-​appostlu Pawlu semma tliet karatteristiċi sinifikanti taʼ għoti volontarju. (1) Meta kien qed jikteb dwar il-​ġbir taʼ flus, Pawlu qalilhom: “Kull wieħed minnkom, kull l-​ewwel tal-​ġimgħa, iwarrab xi ħaġa.” (1 Korintin 16:2a) B’hekk, l-​għoti jeħtieġ li jkun pjanat bil-​quddiem, u jrid isir b’mod sistematiku. (2) Pawlu kiteb ukoll li kull individwu għandu jagħti “skond ma jistaʼ.” (1 Korintin 16:2b) Fi kliem ieħor, min irid jagħti b’mod volontarju jistaʼ jagħmel dan proporzjonalment. Anki jekk Kristjan jaqlaʼ ftit, dak il-​ftit li jistaʼ jagħti huwa taʼ valur f’għajnejn Jehovah. (Luqa 21:​1-4) (3) Pawlu kompla jikteb: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-​qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” (2 Korintin 9:7) Kristjani sinċieri jagħtu minn qalbhom​—bil-​ferħ.

[Stampi f’paġna 26]

Neħemija kien raġel sensittiv u t’azzjoni

[Stampi f’paġna 30]

Kontribuzzjonijiet volontarji jappoġġaw l-​attivitajiet taʼ stampar, ħidmiet biex tingħata l-​għajnuna, bini taʼ Swali tas-​Saltna, u servizzi taʼ benefiċċju oħra madwar id-​dinja