Kulħadd Għandu Bżonn it-Tifħir
Kulħadd Għandu Bżonn it-Tifħir
KIENET ġurnata sabiħa għal waħda tifla. Għalkemm drabi oħra kellha bżonn tiġi kkoreġuta, f’din il-ġurnata partikulari, hi tassew qagħdet bil-għaqal. Però fil-għaxija, wara li daħlet biex torqod, ommha semgħetha tibki. Meta staqsietha x’kien ġralha, it-tifla bdiet tolfoq u bid-dmugħ f’għajnejha qalet: “Jaqaw ma qgħadtx brava llum?”
Dan il-kliem nifed qalb ommha bħal stallett. Hi dejjem kienet pronta biex tikkoreġi lil bintha kulmeta kellha bżonn. Imma dak in-nhar, għalkemm l-omm kienet taf kemm it-tifla stinkat biex toqgħod bil-għaqal, hi naqset li turi l-apprezzament tagħha.
It-tfal ċkejknin m’humiex l-uniċi li għandhom bżonn it-tifħir u l-assiguranza. Ilkoll kemm aħna għandna bżonnhom dawn—daqskemm għandna bżonn il-pariri u l-korrezzjoni.
Kif inħossuna meta ningħataw tifħir mill-qalb? M’huwiex dan se jmissilna qalbna u jferraħna? X’aktarx li nħossu li hemm xi ħadd li jagħti kasna u jinteressah minna. Dan jassigurana li l-isforz li nkunu għamilna kien siewi, u jqanqalna biex nerġgħu nagħmlu l-istess fil-futur. Għalhekk, ma niħduhiex bi kbira li tifħir sinċier se jiġbidna lejn il-persuna li tieħu interess biex tgħidilna xi ħaġa inkuraġġanti.—Proverbji 15:23.
Ġesù fehem il-bżonn li jingħata t-tifħir. Fil-parabbola tiegħu tat-talenti, is-sid (li jiffigura lil Ġesù nnifsu) jagħti tifħir mill-qalb liż-żewġ ilsiera leali, billi jgħid: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil.” Kemm iqawwi l-qalb dan! Avolja huma għandhom abbiltajiet u kisbiet differenti, huma jingħataw tifħir indaqs.—Mattew 25:19-23.
Mela ejja niftakru f’omm dik it-tifla. M’għandniex nistennew sakemm oħrajn jiġu quddiemna bid-dmugħ f’għajnejhom qabel ma nagħtuhom it-tifħir. Minflok, nistgħu nagħmluha l-mira tagħna li nfittxu opportunitajiet biex infaħħru lil ħaddieħor. Tabilħaqq, għandna kull raġun biex nagħtu tifħir sinċier f’kull opportunità.