Il-Ħajja ġo Kamp tar-Refuġjati
Il-Ħajja ġo Kamp tar-Refuġjati
X’JIĠIK f’moħħok meta tismaʼ l-espressjoni “kamp tar-refuġjati”? Ġieli żort xi wieħed minnhom? Kif ikun?
Meta nkiteb dan l-artiklu, kien hemm 13-il kamp differenti tar-refuġjati li ġew stabbiliti fil-punent tat-Tanzanija. Peress li kellhom jiċċaqalqu minħabba l-gwerer ċivili, madwar 500,000 refuġjat minn artijiet Afrikani oħra kienu qed jiġu megħjuna mill-gvern tat-Tanzanija bil-kooperazzjoni tal-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda Inkarigat mir-Refuġjati (UNHCR). Kif inhi l-ħajja f’kamp tar-refuġjati?
Il-Wasla fil-Kamp
Tfajla adolexxenti li jisimha Kandida tispjega x’ġara meta hi u l-familja tagħha waslu hemm xi ftit tas-snin ilu. “Tawna l-kartuna tar-razzjon, b’numru taʼ l-Identità, u l-familja tagħna kienet assenjata fil-kamp tar-refuġjati taʼ Nyarugusu. Hemmhekk ngħatajna n-numru għal biċċa art kif ukoll in-numru tat-triq. Urewna minfejn stajna naqtgħu s-siġar u l-ħaxix ħalli nużawhom biex nibnu dar żgħira għalina stess. Għamilna l-brikks mit-tajn. Il-UNHCR tatna folja kbira plastik biex inpoġġuha fuq is-saqaf. Kienet biċċa xogħol iebsa, imma konna ferħanin ħafna meta lestejna d-dar sempliċi tagħna.”
Il-kartuna tar-razzjon tintuża nhar taʼ Erbgħa, ġimgħa iva u ġimgħa le. “Iva, immorru fil-kju fil-kantin biex niġbru xi affarijiet bażiċi taʼ l-ikel li jitqassmu mill-UNHCR,” tkompli tgħid Kandida.
X’inhu l-ikel taʼ kuljum għal persuna waħda?
“Kulħadd jingħata 3 kikkri dqiq fin tal-qamħirrum, kikkra piżelli, 20 gramma soya, 2 mgħaref żejt tat-tisjir, u 10 grammi melħ. Kultant jagħtuna sapuna, li trid isservina xahar.”
Xi ngħidu għall-ilma tax-xorb? Ikun hemm għal kulħadd? Mara żagħżugħa jisimha Riziki tgħid: “Iva, l-ilma jiġi pompjat mix-xmajjar fil-qrib għal ġol-kanen, imbagħad imur f’ġibjuni kbar. L-ilma jitfgħulu l-klorin qabel ma jiġi pompjat lejn il-ħafna postijiet minfejn jinġabar
l-ilma f’kull kamp. Xorta nipprovaw ngħallu l-ilma qabel ma nixorbuh biex nevitaw il-mard. Ħafna drabi ndumu niġbru l-ilma u naħslu l-ħwejjeġ f’dawn il-postijiet minn fil-għodu sa fil-għaxija. Kuljum nistgħu nieħdu biss barmil u nofs ilma.”Li kieku kellek tgħaddi bil-karozza minn ġo wieħed minn dawn il-kampijiet, tkun tistaʼ tara skejjel għat-tfal żgħar, skejjel primarji, u skejjel sekondarji. Jistaʼ jkun hemm ukoll xi edukazzjoni għall-kbar fil-kampijiet. Hekk kif toħroġ mill-kamp, hemm għassa tal-pulizija u uffiċċju tal-gvern, biex jiżguraw li fil-kamp ikun hemm is-sigurtà u ma jkunx hemm periklu. Tistaʼ tara suq kbir b’ħafna ħwienet żgħar minfejn ir-refuġjati jkunu jistgħu jixtru l-ħaxix, il-frott, il-ħut, it-tiġieġ, u ikel bażiku ieħor. Xi nies mil-lokal jiġu s-suq biex jinnegozjaw. Imma r-refuġjati minn fejn iġibuhom il-flus biex jixtru l-affarijiet? Xi wħud ikabbru xi ħxejjex fil-ġonna tagħhom u dak li jkabbru jbigħuh fis-suq. Oħrajn għandhom mnejn ibigħu porzjon mid-dqiq jew mill-piżelli li jingħataw, biex b’hekk jakkwistaw xi ftit laħam u frott. Iva, il-kamp iktar jidher qisu xi villaġġ kbir milli kamp. Hija xi ħaġa taʼ kuljum li fis-suq tara lil xi wħud jidħqu u jieħdu pjaċir, eżatt kif kienu jagħmlu kieku kienu għadhom f’pajjiżhom.
Jekk tmur sa l-isptar, xi tabib forsi jispjegalek li fil-kamp hemm xi kliniċi li jieħdu ħsieb każijiet ġenerali; waqt li l-emerġenzi u każijiet serji jiġu referuti l-isptar. Ovvjament,
id-dipartiment tal-maternità u l-kamra fejn iwelldu t-trabi fl-isptar huma importanti meta tqis li f’kamp fejn hemm 48,000 refuġjat jistgħu jitwieldu mal-250 tarbija fix-xahar.Mitmugħin Tajjeb Spiritwalment
Madwar il-globu, ix-Xhieda taʼ Jehovah jistgħu jaħsbu dwar kif sejrin ħuthom spiritwali li joqogħdu fil-kampijiet fit-Tanzanija. B’kollox hemm 1,200 minnhom, organizzati f’14-il kongregazzjoni u 3 gruppi. Kif inhuma sejrin?
Waħda mill-ewwel affarijiet li għamlu dawn il-Kristjani devoti kienet li jitolbu biċċa art fejn ikunu jistgħu jibnu Sala tas-Saltna. Dan jgħin lin-nies li joqogħdu fil-kamp biex ikunu jafu fejn isibu lix-Xhieda u fejn ikunu l-laqgħat tagħhom taʼ kull ġimgħa. Fil-kamp taʼ Lugufu hemm 7 kongregazzjonijiet, b’total taʼ 659 Kristjan attiv. Fil-laqgħat tagħhom taʼ nhar taʼ Ħadd, l-attendenza tas-7 kongregazzjonijiet flimkien normalment titlaʼ għal 1,700 ruħ.
Ix-Xhieda fil-kampijiet kollha jibbenefikaw ukoll minn assembleat u konvenzjonijiet Kristjani akbar. Meta nżammet l-ewwel konvenzjoni distrettwali ġewwa l-kamp taʼ Lugufu, attendew 2,363 ruħ. Ix-Xhieda bnew pixxina għall-magħmudija eżatt kif toħroġ mill-post fejn inżammet il-konvenzjoni. Il-pixxina kienet ħofra mħaffra fl-art, miksija bil-plastik biex iżomm l-ilma. L-aħwa użaw ir-roti tagħhom biex iġorru l-ilma mix-xmara xi ftit iktar minn mil ’il bogħod. B’20 litru kull vjaġġ, dan kien ifisser li kellhom jagħmlu ħafna vjaġġi. Il-kandidati tal-magħmudija, lebsin ilbies modest, qagħdu fil-kju għall-magħmudija. B’kollox 56 ruħ tgħammdu billi ġew mgħaddsin kompletament taħt l-ilma. Ministru full-time li ġie intervistat fil-konvenzjoni qal li hu kkonduċa studji tal-Bibbja maʼ 40 persuna differenti. Erbgħa minn dawk li studjaw miegħu tgħammdu f’dik il-konvenzjoni.
L-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah irranġa biex ikun hemm żjajjar regulari mill-indokraturi li jivvjaġġaw. Wieħed minnhom
jgħid: “Ħutna huma żelużi fil-ministeru. It-territorju għall-ippridkar huwa kbir, u f’kongregazzjoni minnhom kull Xhud iqattaʼ madwar 34 siegħa kull xahar fil-ministeru. Ħafna jikkonduċu ħames studji tal-Bibbja jew iktar maʼ wħud interessati. Oħt pijuniera [ministru full-time] qalet li mkien ma setaʼ jkollha territorju aħjar. In-nies fil-kampijiet japprezzawhom ħafna l-pubblikazzjonijiet tagħna.”Il-letteratura Biblika kif tasal fil-kampijiet? Il-fergħa tibgħatha bil-ferrovija sa Kigoma, belt fil-lvant tax-xatt taʼ Lake Tanganyika. Hemmhekk, l-aħwa jirċievu l-pubblikazzjonijiet u jirranġaw biex dawn jiġu trasportati lill-kongregazzjonijiet. Kultant jikru xi trakk u jieħdu l-letteratura huma stess f’kull kamp. Dan jieħu xi tlett ijiem jew erbgħa, f’toroq imħarbtin ħafna.
Għajnuna Materjali
Ix-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza, il-Belġju, u l-Isvizzera kienu t’għajnuna kbira biex jipprovdu assistenza lir-refuġjati f’dawn il-kampijiet. Xi wħud żaru l-kampijiet fit-Tanzanija bl-approvazzjoni tal-Ministeru taʼ l-Intern u taʼ l-UNHCR. Ix-Xhieda fl-Ewropa ġabru ammonti kbar taʼ ħalib tas-soya, ħwejjeġ, żraben, kotba taʼ l-iskola, u sapun. Dawn l-affarijiet ngħataw biex jitqassmu lir-refuġjati kollha fi qbil mal-prinċipju tal-Bibbja: “Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.”—Galatin 6:10.
Dawn l-isforzi umanitarji kellhom riżultati mill-aqwa, u kienu ħafna r-refuġjati li ngħataw l-għajnuna. Il-Kumitat tal-Komunità tar-Refuġjati f’wieħed mill-kampijiet esprima l-apprezzament tiegħu b’dan il-kliem: “Għan-nom tal-komunità tagħna kollha, għandna l-unur li nindirizzawkom biex nirringrazzjawkom għall-ġest umanitarju tagħkom li l-organizzazzjoni tagħkom għamlet tliet darbiet . . . Il-ħwejjeġ ibbenefikaw minnhom 12,654 raġel, nisa, u tfal, kif ukoll trabi tat-twelid . . . Il-popolazzjoni tar-refuġjati fil-kamp taʼ Muyovozi bħalissa tgħodd mas-37,000 ruħ. B’kollox, 12,654 ruħ ngħataw l-għajnuna, jew 34.2 fil-mija mill-popolazzjoni.”
F’kamp ieħor, 12,382 refuġjat ngħataw tliet biċċiet ħwejjeġ kull wieħed, u kamp ieħor irċieva eluf taʼ kotba taʼ l-iskola biex jintużaw fl-iskejjel primarji u sekondarji u anki f’ċentri apposta fejn jieħdu ħsieb it-tfal matul il-ġurnata. L-uffiċjal tal-loġistika taʼ l-UNHCR f’wieħed mir-reġjuni kkummenta: “Aħna grati ħafna għad-donazzjoni li rċivejna [li laħqet] il-bżonnijiet kbar tal-popolazzjoni fil-kampijiet tar-refuġjati. L-aħħar konsenja li rċivejna kienet taʼ 5 kontejners kotba, li s-servizzi tal-komunità tagħna qassmu lill-popolazzjoni tar-refuġjati. . . . Grazzi ħafna.”
Anki gazzetti lokali kkummentaw dwar l-għajnuna li ngħatat. Titlu f’artiklu fil-ġurnal Sunday News taʼ l-20 taʼ Mejju, 2001, kien jgħid: “Ġejjin il-Ħwejjeġ għar-Refuġjati fit-Tanzanija.” L-edizzjoni taʼ l-10 taʼ Frar, 2002, qalet: “Il-komunità tar-refuġjati tapprezza d-donazzjoni peress li xi tfal, li ma baqgħux imorru l-iskola minħabba li ma kellhomx x’jilbsu, issa qegħdin jattendu l-lezzjonijiet regolarment.”
Imrassin imma Mhux b’Qalbhom Maqtugħa
Ħafna refuġjati jieħdu sena biex jaddattaw ruħhom għall-ħajja ġdida tagħhom fil-kamp. Jgħixu ħajja sempliċi. Ix-Xhieda taʼ Jehovah f’dawn il-kampijiet qed jużaw ħafna mill-ħin tagħhom biex jaqsmu l-aħbar tajba taʼ faraġ mill-Kelma t’Alla, il-Bibbja, mar-refuġjati ġirien tagħhom. Jgħidulhom dwar dinja ġdida, fejn in-nies li jgħixu fiha ‘jdewbu x-xwabel tagħhom f’sikek, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Il-ġnus ma jisiltux ix-xwabel għal xulxin, u ma jitħarrġux aktar għall-gwerra.’ Imbagħad “kull wieħed jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-Mulej taʼ l-eżerċti tkellem.” Bla dubju, bil-barka t’Alla din se tkun dinja mingħajr kampijiet tar-refuġjati.—Mikea 4:3, 4; Salm 46:10 (46:9, NW).
[Stampa f’paġna 8]
Djar fil-kamp taʼ Nduta
[Stampi f’paġna 10]
Is-Sala tas-Saltna taʼ Lukole (lemin) Il-magħmudija f’Lugufu (taħt)
[Stampa f’paġna 10]
Konvenzjoni Distrettwali fil-kamp taʼ Lugufu