L-Artal—X’Post Għandu fil-Qima?
L-Artal—X’Post Għandu fil-Qima?
TQISU int l-artal bħala parti fundamentali mill-qima tiegħek? Għal ħafna li jattendu l-knejjes tal-Kristjaneżmu, l-artal għandu mnejn hu l-iktar ħaġa importanti. Qatt ikkunsidrajt x’tgħid il-Bibbja dwar l-użu taʼ l-artali fil-qima?
L-ewwel artal imsemmi fil-Bibbja huwa dak li bena Noè biex joffri annimali bħala sagrifiċċju meta ħareġ mill-arka tas-salvazzjoni wara d-Dilluvju. *—Ġenesi 8:20.
Wara l-konfużjoni bil-lingwi li qamet f’Babel, il-bnedmin xterdu maʼ wiċċ l-art kollha. (Ġenesi 11:1-9) Billi kellhom inklinazzjoni ġewwinija li jagħtu qima, il-bnedmin raw kif se jersqu qrib lejn Alla, li iktar ma għadda żmien iktar ħassewhom li ma jafuhx, u pprovaw “iħossuh b’idejhom” bħal xi ħadd agħma. (Atti 17:27; Rumani 2:14, 15) Minn żmien Noè ’l hawn kien hemm ħafna ġnus li bnew artali għall-allat tagħhom. Nies taʼ kulturi u reliġjonijiet differenti użaw l-artali fil-qima falza. Xi wħud li warrbu minn ħajjithom lil Alla veru użaw l-artali għal riti orribbli li jinvolvu vittmi umani, saħansitra tfal. Meta telqu lil Jehovah, xi slaten taʼ Iżrael waqqfu artali lil allat pagani, bħalma kien Bagħal. (1 Slaten 16:29-32) Imma xi ngħidu għall-użu taʼ l-artali fil-qima vera?
L-Artali u l-Qima Vera f’Iżrael
Wara Noè, irġiel leali oħra bnew artali biex jużawhom fil-qima tagħhom taʼ dak Alla veru, Jehovah. Abraham bena artali f’Sikem, f’post qrib Betel, f’Ħebron, u fuq il-Muntanja Morija, fejn issagrifika l-muntun li Alla kien ipprovda minflok Iżakk. Iktar tard, Iżakk, Ġakobb, u Mosè ħassew li kellhom jibnu artali biex jużawhom fil-qima tagħhom lil Alla.—Ġenesi 12:6-8; 13:3, 18; 22:9-13; 26:23-25; 33:18-20; 35:1, 3, 7; Eżodu 17:15, 16; 24:4-8.
Meta Alla ta l-Liġi tiegħu lill-poplu taʼ Iżrael, hu ordna li jwaqqfu tabernaklu, tinda li setgħet tinġarr minn post għall-ieħor. Din kienet tissejjaħ ukoll it-“tinda tal-laqgħa,” u kellha tkun il-parti ċentrali taʼ l-arranġament biex javviċinaw lil Alla. (Eżodu 39:32, 40) It-tabernaklu, jew it-tinda, kellu żewġ artali. Il-wieħed għall-offerti tal-ħruq, magħmul mill-injam tal-gażżi u miksi bil-bronż, tpoġġa quddiem id-dħul u kien jintuża biex jiġu offruti sagrifiċċji t’annimali. (Eżodu 27:1-8; 39:39; 40:6, 29) L-artal taʼ l-inċens, magħmul ukoll mill-injam tal-gażżi imma miksi bid-deheb, tpoġġa ġewwa t-tabernaklu, quddiem il-velu taʼ l-Iktar Qaddis. (Eżodu 30:1-6; 39:38; 40:5, 26, 27) Fuqu kien jinħaraq inċens speċjali darbtejn kuljum, darba fil-għodu u darba fil-għaxija. (Eżodu 30:7-9) It-tempju permanenti li bena s-Sultan Salamun kellu l-istess għamla tat-tabernaklu, b’żewġ artali wkoll.
It-“Tabernaklu Veru” u l-Artal Simboliku
Meta Jehovah ta l-Liġi lil Iżrael, hu pprovda ħafna iktar minn regoli biex jirregola l-ħajjiet tan-nies u l-mod kif javviċinawh permezz tas-sagrifiċċji u t-talb. Ħafna mill-arranġamenti tal-Liġi fformaw dak li l-appostlu Pawlu sejjaħlu “xbieha,” “tixbiha,” jew “dell taʼ dak tas-sema.” (Lhud 8:3-5; 9:9; 10:1; Kolossin 2:17) Fi kliem ieħor, ħafna aspetti tal-Liġi ma ggwidawx biss lill-Iżraelin sal-miġja taʼ Kristu, imma taw stampa bil-quddiem taʼ l-iskopijiet t’Alla li kellhom jitwettqu permezz taʼ Ġesù Kristu. (Galatin 3:24) Iva, xi aspetti tal-Liġi kellhom valur profetiku. Per eżempju, il-ħaruf tal-Qbiż, li demmu kien jintuża bħala sinjal taʼ salvazzjoni għall-Iżraelin, ta stampa bil-quddiem taʼ Ġesù Kristu. Hu “l-Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja,” li demmu xtered biex jeħlisna mid-dnub.—Ġwann 1:29; Efesin 1:7.
Ħafna affarijiet relatati mas-servizz fit-tabernaklu u fit-tempju taw stampa taʼ realtajiet spiritwali. (Lhud 8:5; 9:23) Fil-fatt, Pawlu jikteb dwar it-“tabernaklu veru li hu magħmul mill-Mulej u mhux mill-bnedmin.” Hu jkompli: “Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li ġa ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li m’hijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri m’hijiex ħolqien taʼ din l-art.” (Lhud 8:2; 9:11) It-“tinda aqwa u aktar perfetta” kienet l-arranġament tat-tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah. Il-lingwaġġ taʼ l-Iskrittura jindika li t-tempju spiritwali kbir huwa l-arranġament li bih il-bnedmin jistgħu javviċinaw lil Jehovah fuq il-bażi tas-sagrifiċċju propizjatorju, jew taʼ tpattija, taʼ Ġesù Kristu.—Lhud 9:2-10, 23-28.
Il-fatt li nitgħallmu mill-Kelma t’Alla li xi wħud mill-provvedimenti u l-arranġamenti tal-Liġi huma stampa taʼ realtajiet spiritwali akbar, u taʼ iktar sinifikat, żgur li jibnilna l-fidi fl-ispirazzjoni tal-Bibbja. Iżidilna wkoll l-apprezzament lejn l-għerf divin li joħroġ b’mod uniku fl-Iskrittura.—Rumani 11:33; 2 Timotju 3:16.
L-artal taʼ l-offerta tal-ħruq ukoll għandu valur profetiku. Donnu li jirrappreżenta r-“rieda” t’Alla, jew li hu lest u jrid li jaċċetta s-sagrifiċċju uman perfett taʼ Ġesù.—Lhud 10:1-10.
Iktar tard fil-ktieb tal-Lhud, Pawlu jagħmel dan il-kumment interessanti: “Aħna għandna artal li minnu ma jistgħux jieklu l-qassisin tas-Santwarju.” (Lhud 13:10) Għal liema artal kien qed jirreferi?
Ħafna interpreti Kattoliċi jsostnu li l-artal imsemmi f’Lhud 13:10 huwa dak użat għall-Ewkaristija, is-“sagrament” li permezz tiegħu s-sagrifiċċju taʼ Kristu jintqal li jiġġedded matul il-Quddiesa. Imma
mill-kuntest tistaʼ tara li l-artal li kien qed jiddiskuti dwaru Pawlu kien wieħed simboliku. Diversi studjużi jagħtu sens figurattiv lit-terminu “artal” f’dan il-vers. Għal Giuseppe Bonsirven, Ġiżwita, “dan jaqbel perfettament mas-simboliżmu kollu li hemm fl-epistola [lil-Lhud].” Hu jinnota: “Fil-lingwaġġ Kristjan, il-kelma ‘artal’ għall-ewwel intużat f’sens spiritwali u kien biss wara Irenew, u partikolarment wara Tertuljanu u San Ċiprijan, li ġiet applikata għall-ewkaristija u b’mod speċifiku għall-mejda taʼ l-ewkaristija.”Bħalma ntqal f’rivista Kattolika, l-użu taʼ l-artal infirex fl-“era taʼ Kostantinu” bil-“bini tal-bażiliki.” Ir-Rivista di Archeologia Cristiana (Rivista t’Arkeoloġija Kristjana) qalet: “Hija ħaġa ċerta li għall-ewwel żewġ sekli, wieħed ma jistax jitkellem dwar post fiss għall-qima imma dwar laqgħat liturġiċi miżmuma fi kmamar ġewwa djar privati . . . , kmamar li fl-aħħar taċ-ċerimonja, kienu jerġgħu lura minnufih għall-użu oriġinali tagħhom.”
L-Użu taʼ l-Artal mill-Kristjaneżmu
“L-artal,” jgħid il-ġurnal Kattoliku La Civiltà Cattolica, “huwa l-parti ċentrali mhux biss tal-bini tal-knisja imma wkoll tal-Knisja ħajja.” Madankollu, Ġesù Kristu ma stabbilixxa lanqas ċerimonja reliġjuża waħda li kellha ssir fuq artal; lanqas ma ordna lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu xi ċerimonji billi jużaw artal. Meta jsemmi l-artal f’Mattew 5:23, 24 u f’postijiet oħra, Ġesù qed jirreferi għall-prattiċi reliġjużi li kienu jsiru fost il-Lhud, imma ma jindikax li s-segwaċi tiegħu kellhom iqimu lil Alla billi jużaw artal.
L-istorjografu Amerikan George Foot Moore (1851-1931), kiteb: “Il-karatteristiċi prinċipali tal-qima Kristjana dejjem kienu l-istess, imma maż-żmien ir-riti sempliċi deskritti minn Ġustinu f’nofs it-tieni seklu saru elaborati f’kult kbir u impressjonanti.” Iċ-ċerimonji reliġjużi pubbliċi u r-riti Kattoliċi tant huma ħafna u komplikati li fis-seminarji Kattoliċi jgħallmu suġġett propju fuqhom—il-liturġija. Moore kompla: “Din it-tendenza, li tidher f’kull ritwal, kompliet tiżdied bl-influwenza tat-Testment il-Qadim meta l-kleru Kristjan beda jiġi meqjus bħala s-suċċessur tas-saċerdozju tas-sistema reliġjuża taʼ qabel. L-ilbies ilellex tal-qassis il-kbir, l-ilbies ċerimonjali tal-qassisin l-oħra, il-purċissjonijiet solenni, il-korijiet t’għannejja Levitiċi jkantaw is-salmi, is-sħab taʼ inċens ħiereġ miċ-ċensiera jitbandlu minn naħa għal oħra—kollha dehru bħala mudell divin taʼ qima reliġjuża, u dan iġġustifika l-aġir tal-knisja li tipprova tisboq l-isplendur tal-kulti tal-qedem.”
Għandek mnejn tibqaʼ mistagħġeb meta ssir taf li ħafna riti, ċerimonji, ilbies, u oġġetti oħra użati fil-qima minn diversi knejjes ġejjin mid-drawwiet u r-riti tal-Lhud u tal-pagani, u mhux mit-tagħlim Kristjan taʼ l-Evanġelji. L-Enciclopedia Cattolica tgħid li l-Kattoliċiżmu “wiret l-użu taʼ l-artal mill-Ġudaiżmu u xi ftit mill-paganiżmu.” Minuċju Feliċ, apoloġista tat-tielet seklu E.K., kiteb li l-Kristjani ‘la kellhom tempji u lanqas artali.’ Id-dizzjunarju taʼ l-enċiklopedija Religioni e Miti (Reliġjonijiet u Ħrejjef) bl-istess mod jistqarr: “Il-Kristjani tal-bidu ċaħdu l-użu taʼ l-artal biex jiddistingwu lilhom infushom mill-qima Lhudija u pagana.”
Ladarba l-Kristjanità kienet ibbażata primarjament fuq prinċipji li għandhom jiġu aċċettati u applikati fil-ħajja taʼ kuljum u f’kull pajjiż, ma kienx għad baqaʼ l-bżonn taʼ belt qaddisa fuq l-art, jew taʼ tempju letterali bl-artali, jew inkella taʼ qassisin bnedmin bi grad speċjali u lbies distintiv. “Jiġi żmien,” qal Ġesù, “meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. . . . Dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:21, 23) Ir-riti komplikati u l-użu taʼ l-artali min-naħa taʼ ħafna knejjes jinjoraw dak li qal Ġesù dwar il-mod kif dak Alla veru jrid jiġi meqjum.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 3 Qabel din l-okkażjoni, Kajjin u Abel setgħu għamlu l-offerti tagħhom lil Jehovah billi użaw l-artali.—Ġenesi 4:3, 4.