Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġieli Tistaqsi, “Fejn Hu l-Mulej?”

Ġieli Tistaqsi, “Fejn Hu l-Mulej?”

Ġieli Tistaqsi, “Fejn Hu l-​Mulej?”

“Tbiegħdu minni . . . Ma qalux: ‘Fejn hu l-​Mulej?’”​—Ġeremija 2:​5, 6.

1. Meta n-​nies jistaqsu, “Fejn hu Alla?,” x’jistaʼ jkollhom f’moħħhom?

 “FEJN hu Alla?” Ħafna nies jistaqsu din il-​mistoqsija. Xi wħud minnhom kienu sempliċement qed jipprovaw jifhmu fatt bażiku dwar il-​Ħallieq, jiġifieri, fejn jinsab? Oħrajn għamlu din il-​mistoqsija wara li tkun ġrat xi diżgrazzja kbira jew meta huma stess kienu għaddejjin minn żmien diffiċli u ma setgħux jifhmu għala Alla ma għenhomx. Jerġaʼ oħrajn lanqas biss jistaqsu din il-​mistoqsija għax jiċħdu l-​idea li Alla jeżisti.—Salm 10:4.

2. Min huma dawk li jirnexxu fit-​tfittxija tagħhom għal Alla?

2 M’għandniex xi ngħidu, ħafna nies jirrikonoxxu li hemm abbundanza taʼ provi li juru li Alla jeżisti. (Salm 19:2 [19:​1, NW]; 104:24) Xi wħud minnhom huma kuntenti li sempliċement għandhom xi forma taʼ reliġjon. Imma hemm miljuni oħra f’kull parti tad-​dinja, li l-​imħabba kbira tagħhom għall-​verità qanqlithom ifittxu lill-​Alla veru. L-​isforz tagħhom ma kienx għalxejn għax hu “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”—Atti 17:​26-28.

3. (a) Fejn jgħammar Alla? (b) X’tifhem bil-​mistoqsija Skritturali, “Fejn hu l-​Mulej [Jehovah]?”

3 Meta xi ħadd verament isib lil Jehovah, dan jirrealizza li “Alla huwa spirtu,” inviżibbli għal għajnejn il-​bnedmin. (Ġwann 4:24) Ġesù rrefera għall-​Alla veru bħala “Missieri li hu fis-​smewwiet.” Dan xi jfisser? Li l-​post fejn jgħammar Missierna tas-​sema hu, f’sens spiritwali, wieħed ferm fl-​għoli, sewwasew bħalma s-​sema fiżiku hu ferm iktar għoli mill-​art. (Mattew 12:​50, korsiv tagħna; Isaija 63:15) Għalkemm aħna ma nistgħux naraw lil Alla bl-​għajnejn fiżiċi tagħna, hu xorta jagħmilha possibbli għalina li nsiru nafuh u nitgħallmu ħafna dwar l-​iskopijiet tiegħu. (Eżodu 33:20; 34:​6, 7) Hu jwieġeb il-​mistoqsijiet li jistaqsu n-​nies sinċieri li jridu jkunu jafu x’inhu l-​iskop tal-​ħajja. Fejn jidħlu kwistjonijiet li jeffettwaw il-​ħajjiet tagħna, hu jipprovdilna bażi soda sabiex inkunu nistgħu niddeterminaw x’inhi l-​pożizzjoni tiegħu, jiġifieri, kif hu jqis dawn il-​kwistjonijiet u jekk ix-​xewqat tagħna humiex fi qbil maʼ l-​iskopijiet tiegħu. Hu jridna nistaqsu dwar dawn l-​affarijiet u nagħmlu sforz sinċier biex insibu t-​tweġibiet. Permezz tal-​profeta Ġeremija, Jehovah ċanfar lin-​nies taʼ Iżrael tal-​qedem għaliex kienu naqsu li jagħmlu dan. Kienu jafu x’inhu l-​isem t’Alla, imma ma staqsewx, “Fejn hu l-​Mulej [Jehovah]?” (Ġeremija 2:6) L-​iskop taʼ Jehovah ma kienx l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom. Ma kinux qed ifittxu l-​gwida tiegħu. Meta tkun se tieħu xi deċiżjonijiet, kbar jew żgħar, tistaqsi int, “Fejn hu l-​Mulej [Jehovah]?”

Dawk li Fittxew il-​Gwida t’Alla

4. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​eżempju taʼ David biex infittxu l-​gwida taʼ Jehovah?

4 Meta David, bin Ġesse, kien għadu żagħżugħ hu żviluppa fidi soda f’Jehovah. Sar jaf lil Jehovah bħala “Alla l-​ħaj.” David kien esperjenza personalment il-​protezzjoni taʼ Jehovah. Imqanqal mill-​fidi u mill-​imħabba għal “isem il-​Mulej,” David qatel lill-​iġgant Gulija li kien armat sa snienu. (1 Samwel 17:​26, 34-​51) Però, minkejja s-​suċċess li kellu, David ma ħalliex li dan iġagħlu jibda jafda fih innifsu. Hu ma rraġunax li, jagħmel x’jagħmel issa, Jehovah kien se jbierku. Matul is-​snin taʼ wara, David kemm-il darba fittex il-​gwida taʼ Jehovah meta kellu xi deċiżjonijiet x’jieħu. (1 Samwel 23:2; 30:8; 2 Samwel 2:1; 5:19) Hu dejjem baqaʼ jitlob: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-​mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-​sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-​salvazzjoni tiegħi. Għalik nixxennaq il-​jum kollu.” (Salm 25:​4, 5) X’eżempju mill-​aħjar li nagħmlu tajjeb nimitawh!

5, 6. Ġosafat kif fittex lil Jehovah f’okkażjonijiet differenti fil-​ħajja tiegħu?

5 Fi żmien is-​Sultan Ġosafat, il-​ħames sultan mil-​linja rjali taʼ David, tlett iġnus ngħaqdu flimkien u telgħu jiggwerraw kontra Ġuda. X’ħin sab ruħu wiċċ imbwiċċ maʼ din l-​emerġenza nazzjonali, Ġosafat “dawwar wiċċu biex jitlob [“ifittex,” Karm Żammit] il-​Mulej.” (2 Kronaki 20:​1-3) Din ma kinitx l-​ewwel darba li Ġosafat kien fittex lil Jehovah. Is-​sultan kien żamm ’il bogħod mill-​qima taʼ Bagħal li kienu qed jipprattikaw dawk fis-​saltna tat-​tramuntana taʼ Iżrael u għażel li jimxi fil-​mogħdijiet taʼ Jehovah. (2 Kronaki 17:​3, 4) Għalhekk, issa li Ġosafat kellu jħabbat wiċċu maʼ kriżi, kif kien se “[“jfittex,” ] il-​Mulej”?

6 F’talba pubblika li offra f’Ġerusalemm f’dan iż-​żmien kritiku, Ġosafat wera li hu kien ftakar fil-​qawwa setgħana taʼ Jehovah. Kien ħaseb fil-​fond dwar l-​iskop taʼ Jehovah li deher fil-​mod kif Hu keċċa lill-​ġnus l-​oħra mill-​art li mbagħad ta lil Iżrael bħala wirt. Is-​sultan irrikonoxxa li kellu bżonn l-​għajnuna taʼ Jehovah. (2 Kronaki 20:​6-12) Ħalla Jehovah lilu nnifsu jinstab f’dik l-​okkażjoni? Ċertament li iva. Permezz taʼ Levita jismu Ġaħżijel, Jehovah ipprovda direzzjoni speċifika, u l-​għada Hu ta r-​rebħa lill-​poplu Tiegħu. (2 Kronaki 20:​14-​28) Kif tistaʼ tkun ċert li Jehovah se jħalli anki lilek issibu meta tfittxu għad-​direzzjoni?

7. It-​talb taʼ min jismaʼ Alla?

7 Jehovah m’huwiex parzjali. Hu jistieden lil nies mill-​ġnus kollha biex ifittxuh bit-​talb. (Salm 65:​3, 4a [65:​2, NW]; Atti 10:​34, 35) Hu jara x’hemm f’qalb dawk li jitolbuh. Hu jaċċertana li jismaʼ t-​talb tal-​ġusti. (Proverbji 15:29) Hu jħalli lilu nnifsu jinstab minn xi wħud li ma kienu wrew l-​ebda interess fih qabel, imma issa qegħdin bl-​umiltà kollha jfittxu d-​direzzjoni tiegħu. (Isaija 65:1) Hu saħansitra jismaʼ t-​talb taʼ dawk li ma kinux jobdu l-​liġi tiegħu imma li issa jumiljaw ruħhom u jindmu. (Salm 32:​5, 6; Atti 3:​19, 20 [3:​19, NW]) Madankollu, meta xi ħadd ma jkollux qalbu sottomessa lejn Alla, it-​talb tiegħu jkun għalxejn. (Mark 7:​6, 7) Ikkunsidra xi eżempji.

Talbu Imma Ma Qalgħux

8. Jehovah għala m’aċċettahx it-​talb taʼ Sawl?

8 Wara li l-​profeta Samwel qal lis-​Sultan Sawl li Alla kien ċaħdu minħabba d-​diżubbidjenza tiegħu, Sawl inxteħet wiċċu fl-​art quddiem Jehovah. (1 Samwel 15:​30, 31) Imma kien kollu għal għajn in-​nies. Ix-​xewqa taʼ Sawl ma kinitx li jkun ubbidjenti lejn Alla imma li jkun onorat quddiem il-​poplu. Xi żmien wara, meta l-​Filistin kienu qed jiggwerraw kontra Iżrael, Sawl fittex il-​gwida taʼ Jehovah bla ħeġġa taʼ xejn. Madankollu, meta ma ħa l-​ebda tweġiba, qabad u kkonsulta mal-​mara li tikkomunika maʼ l-​ispirti, avolja kien jaf li din il-​prattika kienet kundannata minn Jehovah. (Dewteronomju 18:​10-​12; 1 Samwel 28:​6, 7) L-​ewwel Kronaki 10:14 fi ftit kliem jgħid x’ġara: “Ma fittixx il-​Mulej.” Għala jgħid hekk? Għaliex it-​talb taʼ Sawl ma kienx ibbażat fuq il-​fidi. Għaldaqstant, kien bħallikieku ma talab xejn.

9. X’kien hemm ħażin fit-​talba taʼ Sedekija għad-​direzzjoni taʼ Jehovah?

9 Bl-​istess mod, hekk kif it-​tmiem tas-​saltna taʼ Ġuda kien riesaq, ġie offrut iktar talb u l-​profeti t’Alla ġew konsultati. Madankollu, in-​nies kienu jgħidu li għandhom riverenza lejn Jehovah u fl-​istess ħin kienu jipprattikaw l-​idolatrija. (Sofonija 1:​4-6) Għalkemm huma dehru li qed ifittxu l-​gwida t’Alla, dan għamluh bla ħeġġa u ma ħejjewx qalbhom biex jissottomettu ruħhom għar-​rieda tiegħu. Is-​Sultan Sedekija talab bil-​ħniena lil Ġeremija biex ifittex il-​gwida taʼ Jehovah għan-​nom tiegħu. Jehovah kien diġà qal lis-​sultan x’kellu jagħmel. Imma peress li ma kellux fidi u ċeda għall-​biżaʼ mill-​bniedem, is-​sultan m’obdiex leħen Jehovah, u Jehovah ma ta ebda risposta oħra li kienet se ddoqq iktar għal widnejn is-​sultan.—Ġeremija 21:​1-12; 38:​14-19.

10. X’kien hemm ħażin fil-​mod kif Ġoħanan fittex id-​direzzjoni taʼ Jehovah, u x’nitgħallmu mill-​iżball tiegħu?

10 Wara li Ġerusalemm kienet ġiet meqruda u l-​armata Babiloniża kienet telqet u ħadet magħha l-​eżiljati Lhud, Ġoħanan ħejja biex jieħu miegħu fl-​Eġittu l-​grupp żgħir taʼ Lhud li kienu għadhom f’Ġuda. Il-​pjanijiet kienu diġà lesti, imma qabel telqu talbu lil Ġeremija jidħol għalihom quddiem Jehovah biex jgħidilhom x’kellhom jagħmlu. Madankollu, meta ma ħadux ir-​risposta li xtaqu, għaddsu rashom u għamlu dak li kienu ppjanaw huma. (Ġeremija 41:16–43:7) Tara int f’dawn il-​ġrajjiet xi lezzjonijiet li tistaʼ tibbenefika minnhom sabiex meta tfittex wiċċ Jehovah, hu jħallik issibu?

Ibqgħu ‘Fittxu Dak li Jogħġob lill-​Mulej’

11. Għala għandna bżonn napplikaw Efesin 5:10?

11 Il-​qima vera ma tinvolvix biss li nissimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħna permezz tat-​tagħddis fl-​ilma, nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, u nieħdu sehem fil-​ministeru pubbliku. Il-​ħajja tagħna kollha hija involuta. Kuljum inħabbtu wiċċna maʼ pressjonijiet​—xi wħud sottili, xi wħud jidhru iktar—li jistgħu jaljenawna mit-​triq li hija fi qbil mad-​devozzjoni lejn Alla. Aħna kif se nirreaġixxu? Meta kien qed jikteb lill-​Kristjani f’Efesu, l-​appostlu Pawlu ħeġġiġhom: “[“Ibqgħu,” NW] fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-​Mulej.” (Efesin 5:10) Il-​ħafna sitwazzjonijiet li hemm imniżżlin fl-​Iskrittura juru kemm hu għaqli li nagħmlu dan.

12. Jehovah għala ma ħax pjaċir meta David ġiegħel li l-​arka tal-​patt tittieħed Ġerusalemm?

12 Wara li l-​arka tal-​patt kienet ittieħdet lura f’Iżrael u nżammet għal żmien twil f’Kirjat-ġegħarim, is-​Sultan David xtaq jiħodha lejn Ġerusalemm. Hu kkonsulta mal-​kapijiet tal-​poplu u qal li ‘jekk huma jidhrilhom li hu tajjeb, u jekk ikun ġej mill-​Mulej,’ l-​Arka kellha tittieħed minn hemm. Imma hu ma fittixx biżżejjed biex jaċċerta ruħu x’kienet ir-​rieda taʼ Jehovah dwar din il-​kwistjoni. Kieku għamel dan, l-​Arka qatt ma kienet se titgħabba fuq karru. Din kienet tinġarr fuq spallejn il-​Leviti Keħatin, kif Alla kien ikkmanda b’mod ċar. Għalkemm David spiss kien ifittex il-​gwida taʼ Jehovah, hu naqas li jagħmel dan kif jixraq f’din l-​okkażjoni. Ir-​riżultat kien diżastruż. Iktar tard David irrikonoxxa: “Il-​Mulej, Alla tagħna, ħabat għalina, għax ma konniex fittixnieh kif inhu ordnat.”—1 Kronaki 13:​1-3; 15:​11-​13; Numri 4:​4-6, 15; 7:​1-9.

13. Liema tfakkira ġiet inkluża fl-​għanja li għannew meta fl-​aħħar irnexxielhom iġorru l-​Arka?

13 Meta finalment il-​Leviti ġarrew l-​Arka mid-​dar taʼ Għobededom għal Ġerusalemm, għannew għanja li David innifsu kien ikkompona. Din kienet tinkludi t-​tfakkira sinċiera: “Ħabirku biex tagħrfu lill-​Mulej u l-​qawwa tiegħu, fittxu ’l wiċċu l-​ħin kollu. Ftakru fil-​ħwejjeġ kbar li għamel, fl-​għeġubijiet u l-​ġudizzji tiegħu.”—1 Kronaki 16:​11, 12.

14. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​eżempju tajjeb taʼ Salamun u mill-​iżbalji li għamel fi xjuħitu?

14 Qabel ma miet, David ta dan il-​parir lil ibnu Salamun: “Jekk inti tfittxu [lil Jehovah], iħallik issibu.” (1 Kronaki 28:9) Malli ħa t-​tron, Salamun mar Gibgħon fejn kien hemm it-​tinda tal-​laqgħa u offra sagrifiċċju lil Jehovah. Hemmhekk, Jehovah qal lil Salamun: “Itlobni x’nagħtik.” Bi tweġiba għal dak li talab Salamun, Jehovah tah abbundanza taʼ għerf u dehen biex ikun jistaʼ jiġġudika lil Iżrael, u maʼ dan Hu żiedlu għana u glorja. (2 Kronaki 1:​3-12) Salamun bena tempju mill-​isbaħ fuq il-​pjanta li Jehovah innifsu kien ipprovda lil David. Imma fl-​affarijiet konnessi mal-​ħajja miżżewġa tiegħu, Salamun naqas li jfittex lil Jehovah. Salamun iżżewweġ nisa li ma kinux aduraturi taʼ Jehovah. Fi xjuħitu, huma dawrulu qalbu ’l bogħod minn Jehovah. (1 Slaten 11:​1-10) Minkejja kemm inkunu prominenti, għaqlin, jew għorrief, huwa importanti li ‘[nibqgħu] nfittxu li nagħrfu dak li jogħġob lill-​Mulej’!

15. Meta’ Żeraħ l-​Etjopjan telaʼ kontra Ġuda, għala setaʼ Asa jitlob bil-​fiduċja lil Jehovah biex jeħles lil Ġuda?

15 Il-​bżonn li nagħmlu dan ikompli jiġi enfasizzat minn dak li hemm miktub dwar il-​ħakma taʼ Asa, li bużnannuh kien Salamun. Ħdax-il sena wara li Asa sar sultan, Żeraħ l-​Etjopjan telaʼ b’armata taʼ miljun raġel kontra Ġuda. Kien Jehovah se jeħles lil Ġuda? Iktar minn 500 sena qabel, Jehovah kien stqarr ċar u tond dak li setgħu jistennew in-​nies tiegħu jekk jisimgħu minnu u jobdu l-​kmandamenti tiegħu u dak li jistgħu jistennew jekk ma jobdux. (Dewteronomju 28:​1, 7, 15, 25) Fil-​bidu tar-​renju tiegħu, Asa kien neħħa mis-​saltna tiegħu l-​artali u l-​plieri li kienu jintużaw fil-​qima falza. Hu kien ħeġġeġ lin-​nies “biex ifittxu lill-​Mulej.” Asa ma qagħadx jistenna sakemm ġie l-​hemm fuqu biex ifittex lill-​Mulej. Għalhekk, b’fidi f’Jehovah, Asa setaʼ jitolbu biex jaġixxi għan-​nom tagħhom. Ir-​riżultat? Ġuda ngħata rebħa li baqgħet tissemma.—2 Kronaki 14:​2-12.

16, 17. (a) Għalkemm Asa ħareġ rebbieħ, Jehovah liema tfakkira tah? (b) Meta Asa aġixxa mingħajr għaqal, x’għajnuna ngħatatlu, imma kif irreaġixxa? (ċ) Kif nistgħu nibbenefikaw meta nikkunsidraw l-​imġiba t’Asaf?

16 Minkejja dan, meta Asa reġaʼ lura rebbieħ, Jehovah bagħat lil Għażarija jiltaqaʼ mas-​sultan u jgħidlu: “Isimgħuni, Asa u intom ukoll, Ġuda u Benjamin: Il-​Mulej ikun magħkom, meta intom tkunu miegħu; u meta intom tfittxuh, intom issibuh; u meta intom titilquh, hu jitlaqkom.” (2 Kronaki 15:2) B’żelu mġedded, Asa ħadem bis-​sħiħ biex iġib ’il quddiem il-​qima vera. Imma 24 sena wara, meta reġaʼ ġie mhedded bil-​gwerra, Asa naqas li jfittex lil Jehovah. Hu ma fittixx fil-​Kelma t’Alla, u ma ftakarx f’dak li Jehovah kien għamel meta l-​armata Etjopjana kienet invadiet lil Ġuda. Hu aġixxa mingħajr għaqal u għamel alleanza mas-​Sirja.—2 Kronaki 16:​1-6.

17 Minħabba f’dan, Jehovah ġiegħel lill-​bassâr Ħanani jċanfar lil Asa. Saħansitra f’dan il-​mument, meta l-​opinjoni taʼ Jehovah dwar il-​kwistjoni ġiet spjegata lilu, Asa kieku ried setaʼ jibbenefika. Minflok, hu ħa għalih u tefaʼ lil Ħanani fil-​kamra tal-​qjud. (2 Kronaki 16:​7-10) X’ħasra! Xi ngħidu għalina? Infittxu aħna lil Alla imma mbagħad nirrifjutaw li naċċettaw il-​pariri tiegħu? Meta anzjan li juri interess fina bl-​imħabba juża l-​Bibbja biex jagħtina parir għaliex inkunu qed ninvolvu ruħna fl-​affarijiet tad-​dinja, nuru aħna li napprezzaw l-​għajnuna li qed jagħtina biex nagħrfu “dak li jogħġob lill-​Mulej”?

Tinsiex Tistaqsi

18. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​kliem li Eliħu qal lil Ġob?

18 L-​istress jistaʼ jġiegħel saħansitra lil wieħed li hu magħruf għall-​ħeġġa tiegħu fis-​servizz taʼ Jehovah jaġixxi b’mod li ma jogħġbux. Meta Ġob intlaqat minn marda mistkerrha, tilef lil uliedu u l-​ġid materjali li kellu, u ġie akkużat b’mod falz minn sħabu, ħsibijietu kienu kollha ffokati fuqu nnifsu. Eliħu fakkru: “Ħadd minnhom ma jgħid: ‘Fejn hu Alla li ħalaqni?’” (Ġob 35:10) Ġob kellu bżonn jiffoka l-​attenzjoni tiegħu fuq Jehovah u jikkunsidra kif Hu kien iqis is-​sitwazzjoni. Ġob aċċetta din it-​tfakkira bl-​umiltà kollha, u l-​eżempju tiegħu jistaʼ jgħinna nagħmlu l-​istess.

19. In-​nies taʼ Iżrael spiss x’kienu jonqsu li jagħmlu?

19 In-​nies taʼ Iżrael kienu jafu kemm affarijiet kien għamel Alla maʼ ġenshom. Imma kważi lanqas qatt ma kienu jiftakru fihom meta kienu jittrattaw maʼ sitwazzjonijiet speċifiċi f’ħajjithom. (Ġeremija 2:​5, 6, 8) Meta ffaċċjaw deċiżjonijiet fil-​ħajja tagħhom, huma fittxew x’jogħġob lilhom minflok ma staqsew: “Fejn hu l-​Mulej?”—Isaija 5:​11, 12.

Kompli Staqsi, “Fejn Hu l-​Mulej?”

20, 21. (a) Min fi żmienna wera l-​ispirtu taʼ Eliżew u fittex id-​direzzjoni taʼ Jehovah? (b) Kif nistgħu nimitaw u nibbenefikaw mill-​eżempju tal-​fidi tagħhom?

20 Meta Elija temm il-​ministeru pubbliku tiegħu, l-​assistent tiegħu Eliżew ħa l-​mantar li kien waqaʼ minn fuq Elija, mar ħdejn il-​Ġordan, ta daqqa fuq l-​ilma, u staqsa: “Fejn hu l-​Mulej Alla taʼ Elija issa? Fejn hu?” (2 Slaten 2:14) Jehovah wieġeb billi wera li l-​ispirtu tiegħu issa kien fuq Eliżew. X’nistgħu nitgħallmu minn dan?

21 Xi ħaġa simili ġrat fi żmienna. Ċerti wħud mill-​Kristjani midlukin li kienu minn taʼ quddiem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar mietu. Dawk li ġew fdati biex imexxu minflokhom eżaminaw l-​Iskrittura u talbu lil Jehovah biex jidderiġihom. Dejjem staqsew, “Fejn hu l-​Mulej?” Minħabba f’hekk, Jehovah kompla jmexxi lin-​nies tiegħu u jbierek l-​attività tagħhom. Nimitawha aħna l-​fidi tagħhom? (Lhud 13:7) Jekk inhu hekk, se nżommu qrib taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, inwieġbu għad-​direzzjoni li tagħtina, u nieħdu sehem bis-​sħiħ fix-​xogħol li qed tagħmel taħt id-​direzzjoni taʼ Ġesù Kristu.—Żakkarija 8:23.

Int Kif Twieġeb?

• X’għandha tkun l-​intenzjoni tagħna meta nistaqsu, “Fejn hu l-​Mulej?”

• Kif nistgħu aħna llum insibu t-​tweġiba għall-​mistoqsija, “Fejn hu l-​Mulej?”

• Xi talb li jsir lil Alla għad-​direzzjoni għala ma jinstemax?

• Liema eżempji Bibliċi juru kemm għandna bżonn ‘[nibqgħu] nfittxu li nagħrfu dak li jogħġob lill-​Mulej’?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Is-​Sultan Ġosafat kif fittex lil Jehovah?

[Stampa f’paġna 10]

Sawl għala kkonsulta maʼ xi ħadd li jikkuntattja l-​ispirti?

[Stampi f’paġna 12]

Itlob, studja, u immedita biex taċċerta ruħek ‘fejn hu Jehovah’