Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Tixtieq Tistaqsih lil Alla?

X’Tixtieq Tistaqsih lil Alla?

X’Tixtieq Tistaqsih lil Alla?

ĦAFNA nies madwar id-​dinja għandhom mistoqsijiet serji dwar il-​ħajja. Int ukoll? Ħafna ppreżentaw il-​mistoqsijiet tagħhom lill-​għalliema reliġjużi imma ma tawhomx tweġibiet sodisfaċenti. Oħrajn ħasbu dwar dawn il-​mistoqsijiet fil-​privat. Xi wħud talbu għad-​direzzjoni. Huwa verament possibbli li int tikseb tweġibiet mingħand Alla dwar il-​kwistjonijiet li jħawduk? Fost il-​mistoqsijiet li ħafna qalu li jixtiequ jistaqsu lil Alla hemm dawn li ġejjin.

Alla, min int tassew?

Il-​mod kif il-​bnedmin iħarsu lejn Alla huwa influwenzat mill-​kultura tagħhom, mir-​reliġjon tal-​ġenituri tagħhom, u forsi mill-​għażla tagħhom stess. Xi nies jużaw isem għal Alla; oħrajn sempliċement isejħulu Alla. Jagħmel dan xi differenza? Hemm biss Alla wieħed veru li jirrivelalna ismu u min hu?

Għala hawn daqshekk sofferenzi?

Il-​ħajja immorali u traskurata taʼ dak li jkun tistaʼ tirrovinalu saħħtu jew iġġibu fil-​faqar, u għalhekk għandu mnejn jilmenta. Imma x’aktarx li jaf għalfejn qed isofri.

Madankollu, hawn ħafna oħrajn li jgħaddu minn tbatija kbira mingħajr ma jkollhom tort. Xi wħud ibatu b’mard kroniku. Oħrajn jiġġieldu kontra żvantaġġi kbar għax ma jirnexxilhomx jiksbu post fejn jgħixu u biżżejjed ikel għall-​familji tagħhom. Miljuni sfaw vittmi tal-​kriminalità, il-​gwerer, il-​vjolenza bl-​addoċċ, id-​diżastri naturali, jew l-​inġustizzji minn dawk fl-​awtorità.

Minħabba f’hekk, nistgħu nifhmu għala ħafna jistaqsu: ‘Għala nfirxu daqshekk dawn il-​kundizzjonijiet? Alla għala jippermetti dawn is-​sofferenzi kollha?’

Għala qiegħed hawn? X’inhu l-​iskop tal-​ħajja?

Dawn il-​mistoqsijiet spiss ifeġġu minħabba l-​frustrazzjoni li jħoss individwu għaliex l-​attivitajiet tiegħu taʼ kuljum ma jġibulux sodisfazzjon veru​—u dan hu l-​każ taʼ ħafna nies. Miljuni oħrajn jemmnu li l-​ħajja taʼ kull individwu hi predestinata minn Alla. Huwa dan minnu? Jekk Alla tassew għandu skop speċjali għalik, żgur li tixtieq tkun taf x’inhu.

Mill-kotba kollha tad-​dinja, hemm wieħed li jgħid ċar u tond li hu ispirat minn Alla. Bħalma tistaʼ tistenna minn messaġġ li hu verament mingħand Alla għall-​bnedmin, dan il-​ktieb huwa disponibbli b’ħafna iktar lingwi minn kwalunkwe ktieb ieħor li qatt inkiteb. Qed nirreferu għall-​Bibbja Mqaddsa. Fiha, il-​Ħallieq tas-​sema u l-​art, Alla nnifsu, jirrivela min hu u x’jismu. Taf x’inhu dan l-​isem? Taf x’tgħid il-​Bibbja dwar x’tip taʼ persuna hu Alla? Taf x’tgħid dwar x’jirrikjedi Alla minnek?

[Sors tal-​Istampa f’paġna 2]

QOXRA: Chad Ehlers/Index Stock Photography

[Sors tal-​Istampa f’paġna 3]

Mountain: Chad Ehlers/Index Stock Photography