Għandek Tkun Membru taʼ Xi Reliġjon?
Għandek Tkun Membru taʼ Xi Reliġjon?
‘M’GĦANDIX għalfejn inkun membru taʼ xi reliġjon jew immur il-knisja regolarment sabiex nemmen f’Alla!’ Hekk iħossuhom ħafna wħud dwar li jkunu membri taʼ xi knisja jew organizzazzjoni reliġjuża. Fil-fatt, xi wħud jgħidu li huma jħossuhom eqreb lejn Alla meta jkunu barra jgawdu n-natura milli meta jattendu xi servizz reliġjuż f’xi knisja. Illum, l-opinjoni komuni tan-nies hi li m’huwiex neċessarju li tingħaqad maʼ grupp jew denominazzjoni reliġjuża biex temmen f’Alla.
Oħrajn, madankollu, sinċerament iħossuhom b’mod differenti. Huma jisħqu li s-sħubija u l-attendenza fil-knisja huma neċessarji, saħansitra vitali, jekk wieħed irid ikollu l-approvazzjoni t’Alla. Għalhekk, il-kwistjoni taʼ jekk is-sħubija maʼ xi reliġjon hijiex verament neċessarja hija iktar minn sempliċement statistika jew interess akkademiku. Fi kwalunkwe każ, ladarba r-relazzjoni tagħna m’Alla hija involuta, ma jkunx loġiku li nfittxu kif Alla jqis din il-kwistjoni? Mela, x’nistgħu nitgħallmu mill-Kelma tiegħu, il-Bibbja, dwar dan is-suġġett?
Kif Alla Ttratta maʼ Wħud fil-Passat
Kważi 4,400 sena ilu, dilluvju katastrofiku għarraq id-dinja kollha kemm hi. Ġrajja bħal din ma tantx tintesa malajr, u ħafna popli madwar id-dinja għandhom stejjer dwarha fl-istorja bikrija tagħhom. Għalkemm id-dettalji huma differenti minn storja għal oħra, dawn l-istejjer għandhom ħafna affarijiet in komuni, inkluż il-fatt li kienu biss ftit nies u annimali li salvaw.
Kienu dawk li salvaw mid-Dilluvju sempliċement individwi fortunati biżżejjed li inzertaw salvaw mill-qerda? Ir-rakkont tal-Bibbja juri li dan ma kienx il-każ. Taʼ interess, Alla m’għarrafx lil kull individwu dwar id-Dilluvju li kien ġej. Minflok, hu qal lil Noè, li min-naħa tiegħu avża lill-kontemporanji tiegħu Ġenesi 6:13-16; 2 Pietru 2:5.
dwar id-Dilluvju li kien riesaq.—Is-salvazzjoni kienet tiddependi mill-fatt li jkunu parti minn dan il-grupp li jappoġġa mill-qrib lil xulxin u milli jaċċettaw id-direzzjoni li Alla kien ta lil Noè. Anki l-annimali fl-arka salvaw mid-Dilluvju għax kienu parti minn dan il-grupp. Noè ngħata istruzzjonijiet preċiżi sabiex jagħmel arranġamenti xierqa biex jippreserva l-ħajja taʼ l-annimali.—Ġenesi 6:17–7:8.
Sekli wara, id-dixxendenti taʼ Noè minn ibnu Sem saru lsiera fl-Eġittu. Madankollu, l-iskop t’Alla kien li jeħlishom u jġibhom fl-art li hu kien wiegħed lil missierhom Abraham. Għal darba oħra, dan ma kienx rivelat lil kull individwu imma l-ewwel kien rivelat lil dawk li kienu magħżulin biex ikunu mexxejja—Mosè u ħuh Aron. (Eżodu 3:7-10; 4:27-31) Wara li dawk li qabel kienu lsiera nħelsu bħala grupp mill-Eġittu, huma ngħataw il-Liġi t’Alla ħdejn il-Muntanja Sinaj u fformaw il-ġens taʼ Iżrael.—Eżodu 19:1-6.
Il-ħelsien kien possibbli għal kull individwu Iżraeli għall-fatt li kien jissieħeb mal-grupp imwaqqaf minn Alla u għax kien isegwi d-direzzjoni tal-mexxejja maħturin tal-grupp. Saru wkoll provvedimenti għal xi Eġizzjani individwali biex jissieħbu maʼ dan il-grupp li kien jidher ċar li kellu l-approvazzjoni divina. Meta l-Iżraelin telqu mill-Eġittu, dawn l-individwi marru magħhom, u b’hekk anki huma setgħu jirċievu l-barka t’Alla.—Eżodu 12:37, 38.
Imbagħad, fl-ewwel seklu, Ġesù beda l-attività tiegħu taʼ l-ippridkar, billi beda jiġbor lin-nies biex isiru dixxipli tiegħu. Hu ttratta magħhom bħala grupp għalkemm dawwar l-attenzjoni tiegħu mimlija mħabba lejn individwi skond il-bżonnijiet tagħhom. Lill-11-il appostlu leali, Ġesù qal: “Intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom.” (Luqa 22:28, 29) Iktar tard, l-ispirtu qaddis t’Alla niżel fuq id-dixxipli meta kienu miġburin flimkien bħala grupp.—Atti 2:1-4.
Dawn l-eżempji juru ċar li fil-passat Alla dejjem ittratta mal-poplu tiegħu bħala grupp organizzat. Dawk il-ftit uħud li Alla ttratta magħhom personalment—Noè, Mosè, Ġesù, u oħrajn—kienu, fil-fatt, użati Minnu sabiex jikkomunikaw maʼ grupp li kien jassoċja mill-qrib. M’hemm l-ebda raġuni sabiex nemmnu li Alla jittratta b’mod differenti mal-qaddejja tiegħu llum. M’għandniex xi ngħidu, dan iwassalna għal mistoqsija oħra: Huwa biżżejjed li nissieħbu maʼ kwalunkwe grupp reliġjuż? Din il-mistoqsija vitali se nikkunsidrawha fl-artiklu li jmiss.
[Stampa f’paġna 4]
Alla ilu jittratta mal-poplu tiegħu bħala grupp organizzat