Kif Għandek Tittratta Lil Oħrajn?
Kif Għandek Tittratta Lil Oħrajn?
“DAK li ma tridx li jsir lilek, tagħmlux lil ħaddieħor.” Dan il-prinċipju morali huwa attribwit lil Konfuċju, għalliem u filosfu Ċiniż magħruf. Illum, xi 2,500 sena wara, ħafna għadhom jemmnu li persuna hi tajba sempliċement għax toqgħod lura milli tagħmel xi ħsara lil ħaddieħor.
Veru, dan il-prinċipju Konfuċjan għandu l-valur tiegħu. Mill-banda l-oħra, il-Bibbja turi aspett ieħor dwar l-imġiba u kif il-bniedem iġib ruħu m’oħrajn. Minbarra li l-Bibbja titkellem dwar dak li jistaʼ jissejjaħ id-dnub taʼ l-għemil, jiġifieri, li tikkommetti xi ħażen kontra l-bnedmin sħabek, hi titkellem ukoll dwar id-dnub li wieħed jonqos li jagħmel dmiru. Id-dixxiplu Kristjan Ġakbu kiteb: “Jekk mela xi ħadd jagħraf it-tajjeb li għandu jagħmel u ma jagħmlux, jagħmel dnub.” (Ġakbu 4:17) Minflok ma sempliċement istruwixxa lill-Kristjani biex ma jagħmlux azzjonijiet ħżiena lil oħrajn, Ġesù Kristu offra dan il-parir: “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.”—Mattew 7:12
Fil-bidu, l-iskop t’Alla kien li l-bnedmin kollha jittrattaw lil xulxin bħalma kieku jixtiequ li jiġu trattati huma nfushom. Hu tana l-aqwa eżempju f’li jesprimi interess u tħassib għall-benesseri taʼ l-oħrajn fil-mod kif ħalaq lill-bnedmin: “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom.” (Ġenesi 1:27) Dan ifisser li Alla bi mħabba żejjen lill-bnedmin b’ammont tal-kwalitajiet li jispikkaw tiegħu stess sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-ħajja fis-sliem, fl-hena, u fl-armonija—possibbilment għal dejjem. Il-kuxjenza tagħhom mogħtija minn Alla, meta titħarreġ b’mod xieraq, kellha tiggwidahom biex jittrattaw lil oħrajn kif huma nfushom riedu li jiġu trattati.
Ilum ħafna nies isofru għax la għandhom tama u lanqas għajnuna kontra dawk l-azzjonijiet bla ħsieb u egoistiċi taʼ ċerti nies. Bla dubju, dak li hemm bżonn huwa iktar milli sempliċement ma tagħmilx affarijiet ħżiena u taʼ ħsara lil oħrajn iżda, minflok, li tagħmel affarijiet tajbin li jkunu t’għajnuna għal ħaddieħor. Minħabba dan, ix-Xhieda taʼ Jehovah volontarjament jieħdu azzjoni biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar it-tama meraviljuża li tinsab fil-Kelma t’Alla. Meta jmorru għand il-ġirien tagħhom bl-aħbar tajba mill-Bibbja, jagħmlu dan bi spirtu taʼ mħabba billi jagħmlu lil oħrajn dak li jridu li ħaddieħor jagħmel lilhom.