Nagħmlu l-Ġid fiż-Żmien tal-Bżonn
Nagħmlu l-Ġid fiż-Żmien tal-Bżonn
L-APPOSTLU Pawlu qal: “Ħa nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.” (Galatin 6:10) Ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja b’mod diliġenti jipprovaw japplikaw dan il-prinċipju f’ħajjithom, billi jagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, speċjalment maʼ sħabhom fit-twemmin. Dan jintwera darba wara l-oħra fiż-żmien tal-bżonn. Ejja nikkunsidraw eżempji reċenti minn tliet pajjiżi.
F’Diċembru tas-sena 2002, uragan qawwi laqat lil Gwam bi rjieħ b’forza taʼ iktar minn 300 kilometru fis-siegħa. Ħafna djar spiċċaw imħarbtin, waqt li oħrajn inqerdu għalkollox. Kongregazzjonijiet lokali malajr organizzaw gruppi taʼ nies biex jgħinu lill-familji tax-Xhieda taʼ Jehovah li ntlaqtu l-iktar. Il-fergħa fi Gwam ipprovdiet il-materjali u l-ħaddiema biex jirranġaw id-djar imħarbtin, u anki l-fergħa tal-Ħawajj tat l-appoġġ tagħha. Fi ftit ġimgħat, grupp taʼ mastrudaxxi wasal mill-Ħawajj biex jgħin fix-xogħol tal-bini, u biex jgħinuhom, xi aħwa lokali ħadu l-vaganzi mix-xogħol. L-ispirtu ferrieħi taʼ kooperazzjoni kien taʼ xiehda għal dawk kollha fil-komunità.
Fi Mjanmar, raħal viċin il-belt taʼ Mandalay, nirien ħakmu l-inħawi qrib is-Sala tas-Saltna. Fil-viċin kien hemm dar t’oħt, li kienet inattiva, u l-familja tagħha. Ir-riħ kien qed jonfoħ fid-direzzjoni tad-dar tagħha, u għalhekk hi telqet tiġri lejn is-sala titlob lill-aħwa għall-għajnuna. F’dak il-ħin, is-sala kienet qed tiġi rinnovata, u minħabba f’hekk kien hemm ħafna aħwa. Huma skantaw x’ħin rawha għax ma kinux jafu li kienet tgħix hemmhekk. L-aħwa malajr għenu biex iġorru l-affarijiet taʼ din il-familja f’post taʼ kenn. Meta r-raġel, li ma kienx xhud, semaʼ dwar in-nirien, hu bla dewmien mar lura d-dar u sab lill-aħwa qed jieħdu ħsieb il-familja tiegħu. Impressjonat u grat għall-aħħar, hu serraħ moħħu għax il-ħallelin spiss kienu jieħdu vantaġġ minn sitwazzjonijiet bħal dawn. Din l-espressjoni taʼ qalb tajba mill-aħwa qanqlet lill-oħt u lil binha biex jerġgħu jassoċjaw mal-kongregazzjoni Kristjana, u issa qed jattendu l-laqgħat kollha.
Matul l-aħħar sena taʼ servizz, ħafna fil-Możambik iffaċċjaw il-ġuħ minħabba nuqqas taʼ xita u ħsara fl-uċuħ tar-rabaʼ. L-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah aġixxa malajr billi pprovda ikel għal dawk fil-bżonn. L-ikel tqassam fis-Swali tas-Saltna, kultant
wara l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Oħt li hi ġenitur waħedha qalet: “Jien ġejt għal-laqgħa dipressa għax ma kontx naf x’se nagħtihom jieklu lil uliedi meta rġajna lura d-dar.” L-għajnuna kollha mħabba li tawha l-aħwa malajr inkuraġġietha. “Ħassejtni qisni rxoxtajt!” qalet hi.Ix-Xhieda ‘jagħmlu l-ġid’ b’mod spiritwali wkoll billi jaqsmu m’oħrajn il-messaġġ tal-Bibbja taʼ faraġ u tama. Huma jemmnu dak li kien jemmen ir-raġel għaref taʼ żmien ilu: “Imma min jismaʼ [l-għerf divin] jgħix moħħu mistrieħ, bla ebda tfixkil, bla biżaʼ tal-ħsara.”—Proverbji 1:33.
[Stampi f’paġna 31]
1, 2. It-tqassim taʼ l-ikel lil dawk fil-bżonn fil-Możambik
3, 4. L-uragan fi Gwam qered ħafna djar
[Sorsi]
Tifel, xellug: Andrea Booher/FEMA News Photo; mara, fuq: AP Photo/Pacific Daily News, Masako Watanabe