Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Aċċetta l-Gwida t’Alla l-Ħaj

Aċċetta l-Gwida t’Alla l-Ħaj

Aċċetta l-​Gwida t’Alla l-​Ħaj

‘Duru lejn Alla l-​ħaj, li għamel is-​sema u l-​art u l-​baħar u kull ma fihom.’ —ATTI 14:15.

1, 2. Għala huwa xieraq li nirrikonoxxu li Jehovah hu “Alla l-​ħaj”?

 WARA li l-​appostlu Pawlu u Barnaba fejqu lil wieħed raġel, Pawlu kellu jiżgura lil dawk li kienu rawhom jagħmlu dan il-​miraklu f’Listra: “Aħna wkoll bnedmin, ngħixu u nħossu bħalkom, bnedmin li ġejna nħabbrulkom l-​Evanġelju biex tħallu dawn l-​idoli fiergħa u dduru lejn Alla l-​ħaj, li għamel is-​sema u l-​art u l-​baħar u kull ma fihom.”—Atti 14:15.

2 Kemm hu veru li Jehovah m’huwiex xi idolu bla ħajja, imma “Alla l-​ħaj”! (Ġeremija 10:10; 1 Tessalonikin 1:9, 10) Minbarra li Jehovah innifsu hu ħaj, hu wkoll is-​Sors tal-​ħajja tagħna. “Hu, li jagħti lil kulħadd il-​ħajja u n-​nifs u kollox.” (Atti 17:25) Hu interessat li jarana ngawdu l-​ħajja, kemm preżenti u kemm futura. Pawlu żied li Alla “ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-​ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-​xita mis-​sema u l-​frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-​ikel u jimlielkom qalbkom bl-​hena.”—Atti 14:17.

3. Għala nistgħu nafdaw il-​gwida li jipprovdilna Alla?

3 L-​interess li Alla juri f’ħajjitna huwa raġuni waħda għala nistgħu nafdaw il-​gwida tiegħu. (Salm 147:8; Mattew 5:45) Xi wħud jistgħu jirreaġixxu b’mod differenti jekk isibu xi kmand fil-​Bibbja li ma jkunux jistgħu jifhmuh jew li jħossu li hu restrittiv. Madankollu, hu verament għaqli li wieħed jafda l-​gwida taʼ Jehovah. Biex nagħtu eżempju: Anki jekk Iżraeli ma kienx jifhem il-​liġi li tgħid li ma jistax imiss ġisem mejjet, hu kien jibbenefika meta jobdiha. L-​ewwel, l-​ubbidjenza tiegħu kienet tressqu eqreb lejn Alla l-​ħaj; it-​tieni, din kienet tgħinu jiskansa l-​mard.—Levitiku 5:2; 11:24.

4, 5. (a) Qabel il-​Kristjanità, Jehovah ta liema gwida dwar id-​demm? (b) Kif nafu li l-​gwida t’Alla dwar id-​demm tinvolvi lill-​Kristjani?

4 L-​istess ħaġa tgħodd għall-​gwida t’Alla dwar id-​demm. Hu qal lil Noè li l-​bnedmin m’għandhomx jieħdu d-​demm. Imbagħad, fil-​Liġi Alla rrivela li l-​uniku użu tad-​demm li hu japprova kien fuq l-​artal—biex jinħafer id-​dnub. Meta ta dawn id-​direttivi, Alla kien qed ipoġġi l-​pedament għall-​użu suprem tad-​demm—li jsalva l-​ħajjiet permezz tal-​fidwa li ħallas Ġesù. (Lhud 9:14) Iva, Alla żamm f’moħħu l-​ħajja u l-​ġid tagħna meta tana l-​gwida tiegħu. Meta Adam Clarke, studjuż tal-​Bibbja tas-​seklu 19 kien qed jiddiskuti Ġenesi 9:4, hu kiteb: “Dan il-​kmand [lil Noè] għadu jiġi obdut bi skruplu kbir mill-​Kristjani Ortodossi tal-​lvant . . . Ma kellu jittiekel ebda demm skond il-​liġi, għaliex din kienet tindika d-​demm li kellu jixxerred għad-​dnub tad-​dinja; u skond l-​Evanġelju ma kellux jittiekel, għaliex kellu dejjem jiġi kunsidrat bħala li jirrappreżenta d-​demm li xxerred għall-​maħfra tad-​dnubiet.”

5 Dan l-​istudjuż għandu mnejn kien qed jirreferi għall-​evanġelju bażiku, jew l-​aħbar tajba, li kien jiċċentra fuq Ġesù. Dan kien jinkludi li Alla jibgħat lil Ibnu biex imut għalina, biex ixerred demmu ħalli jkun jistaʼ jkollna l-​ħajja taʼ dejjem. (Mattew 20:28; Ġwanni 3:16; Rumani 5:8, 9) Il-​kumment kien jinkludi wkoll il-​kmand li ngħata iktar tard biex is-​segwaċi taʼ Kristu ma jiħdux demm.

6. Liema direttivi dwar id-​demm ngħataw lill-​Kristjani, u għala?

6 Bħalma nafu, Alla ta mijiet taʼ regolamenti lill-​Iżraelin. Mindu miet Ġesù, id-​dixxipli tiegħu ma kinux obbligati jobdu dawk il-​liġijiet kollha. (Rumani 7:4, 6; Kolossin 2:13, 14, 17; Lhud 8:6, 13) Madankollu, maż-​żmien qamet il-​mistoqsija dwar obbligu importanti wieħed—iċ-​ċirkonċiżjoni fuq dawk tas-​sess maskil. Kienu dawk li ma kinux Lhud u riedu jibbenefikaw mid-​demm taʼ Kristu obbligati li jagħmlu ċ-​ċirkonċiżjoni biex juru li kienu għadhom marbutin bil-​Liġi? Fis-​sena 49 E.K., il-​ġemgħa li tiggverna Kristjana ħadet ħsieb din il-​kwistjoni. (Atti, kapitlu 15) L-​appostli u l-​irġiel ixjeħ, megħjunin mill-​ispirtu t’Alla, ikkonkludew li l-​obbligu taċ-​ċirkonċiżjoni kien spiċċa mal-​Liġi. Iżda, ċerti ħtiġijiet divini baqgħu jgħoddu għall-​Kristjani. F’ittra lill-​kongregazzjonijiet, il-​ġemgħa li tiggverna kitbet: “Lill-​Ispirtu s-​Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ, jiġifieri, li titbiegħdu mill-​ikel issagrifikat lill-​idoli, mid-​demm, mil-​laħam taʼ l-​annimali fgati u miż-​[“żína,” NW]. Tagħmlu tajjeb jekk tħarsu rwieħkom minn dawn.”—Atti 15:28, 29.

7. Kemm hu importanti li l-​Kristjani ‘jitbiegħdu mid-​demm’?

7 Jidher ċar li l-​ġemgħa li tiggverna qieset il-​kmand li ‘jitbiegħdu mid-​demm’ bħala li hu importanti daqs dak li jitbiegħdu mill-​immoralità sesswali jew mill-​qima taʼ l-​idoli. Dan juri li l-​projbizzjoni tad-​demm hija waħda serja. Il-​Kristjani li bla ndiema jikkommettu l-​idolatrija jew l-​immoralità sesswali ma jistgħux “jirtu s-​saltna taʼ Alla,” u “sehemhom ikun . . . it-​tieni mewt.” (1 Korintin 6:9, 10; Apokalissi 21:8; 22:15) Innota l-​kuntrast: Il-​fatt li ninjoraw il-​gwida t’Alla rigward il-​qdusija tad-​demm jistaʼ jwassal għall-​mewt taʼ dejjem. Imma li nuru rispett għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù jistaʼ jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem.

8. X’jindika li l-​Kristjani tal-​bidu kienu jiħduha bis-​serjetà l-​gwida t’Alla dwar id-​demm?

8 Il-​Kristjani tal-​bidu kif kienu jifhmu u jaġixxu fuq il-​gwida t’Alla dwar id-​demm? Ftakar fil-​kumment taʼ Clarke: “Skond l-​Evanġelju ma kellux jittiekel, għaliex kellu dejjem jiġi kunsidrat bħala li jirrappreżenta d-​demm li xxerred għall-​maħfra tad-​dnubiet.” L-​istorja tikkonferma li l-​Kristjani tal-​bidu kienu jiħduha bis-​serjetà din il-​kwistjoni. Tertuljanu kiteb: “Ikkunsidra lil dawk li b’kilba biex jixorbu, f’wirja fl-​arena, kienu jieħdu d-​demm frisk taʼ kriminali mill-​agħar . . . u jġorruh biex ifejqu l-​epilessija tagħhom.” Filwaqt li l-​pagani kienu jieħdu d-​demm, Tertuljanu qal li l-​Kristjani “lanqas saħansitra ma kienu jieħdu d-​demm taʼ l-​annimali fl-​ikliet [tagħhom] . . . Fil-​ġuri tal-​Kristjani toffrulhom il-​mazzit. Intom konvinti, m’għandniex xi ngħidu, li [dan] huwa illegali għalihom.” Iva, minkejja li heddewhom li joqtluhom, il-​Kristjani ma kinux jieħdu d-​demm. Daqshekk kienu jqisuha importanti l-​gwida t’Alla.

9. X’kien hemm iktar involut fil-​kmand li jitbiegħdu mid-​demm minbarra li ma jiħduhx direttament?

9 Xi wħud għandhom mnejn jaħsbu li l-​ġemgħa li tiggverna riedet tfisser li l-​Kristjani ma kellhomx jieklu jew jixorbu d-​demm direttament u lanqas jieklu laħam mhux skarnat jew ikel imħallat bid-​demm. Veru, hekk kienet l-​ewwel tifsira tal-​kmand li Alla ta lil Noè. U huwa minnu li d-​digriet maħruġ mill-​appostli kien jgħid lill-​Kristjani biex “iħarsu rwieħhom . . . mil-​laħam taʼ l-​annimali fgati,” laħam li kien tħalla bid-​demm fih. (Ġenesi 9:3, 4; Atti 21:25) Madankollu, il-​Kristjani tal-​bidu kienu jafu li dan ma kienx kollox. Xi drabi d-​demm kien jittieħed għal raġunijiet mediċi. Tertuljanu nnota li biex jipprovaw ifejqu l-​epilessija, xi pagani kienu jixorbu demm frisk. U setaʼ kien hemm iktar minn użu wieħed għad-​demm bħala kura għall-​mard jew biex itejjeb is-​saħħa. Għaldaqstant, għall-​Kristjani, li jevitaw li jieħdu d-​demm kien jinkludi li ma jiħduhx lanqas għal raġunijiet “taʼ saħħa.” Huma kienu jżommu din il-​waqfa anki meta ħajjithom kienet tkun fil-​periklu.

Id-​Demm Bħala Mediċina

10. X’inhuma xi modi kif id-​demm qed jintuża fil-​mediċina, u dan iqajjem liema mistoqsija?

10 Illum l-​użu tad-​demm għal skopijiet mediċi huwa komuni ħafna. Fil-​bidu t-​trasfużjonijiet kienu jkunu biss taʼ demm sħiħ—kien jittieħed mingħand xi donatur, jiġi maħżun, u jingħata lil xi pazjent, forsi xi wieħed mill-​feruti tal-​gwerra. Maż-​żmien, permezz tar-​riċerka tgħallmu jisseparaw id-​demm f’komponenti primarji. Bit-​trasfużjonijiet tal-​komponenti, it-​tobba setgħu jużaw id-​demm tad-​donaturi għal iktar minn pazjent wieħed, forsi billi jagħtu l-​plażma lil xi ferut u ċ-​ċelluli ħomor lil xi ferut ieħor. Permezz taʼ iktar riċerka skoprew li komponent tad-​demm, bħalma hu l-​plażma, setaʼ jiġi proċessat b’tali mod li jiksbu ħafna frazzjonijiet minnu, u dawn setgħu jingħataw lil jerġaʼ iktar pazjenti. Qed isiru iktar sforzi biex jipprovaw jiksbu iktar frazzjonijiet, u qed jiġu rapportati modi ġodda kif dawn qed jintużaw. Kristjan kif għandu jirreaġixxi għal dan? Hu jinsab riżolut li qatt ma jaċċetta trasfużjoni tad-​demm, imma t-​tabib tiegħu għandu mnejn iħeġġu biex jaċċetta komponent ewlieni wieħed, forsi ċ-​ċelluli ħomor ippakkjati. Jew forsi xi terapija li tkun tikkonsisti fi frazzjoni żgħira li tittieħed minn xi komponent. Kif jistaʼ qaddej t’Alla jiddeċiedi fuq kwistjonijiet bħal dawn, u jżomm f’moħħu li d-​demm hu qaddis u li d-​demm taʼ Kristu jsalva l-​ħajja fl-​aqwa sens?

11. Ix-​Xhieda liema pożizzjoni medika eżatta rigward id-​demm ilhom li ħadu?

11 Ħafna snin ilu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah urew ċar x’kienet il-​waqfa tagħhom. Per eżempju, huma kitbu artiklu li ġie pubblikat f’The Journal of the American Medical Association (27 taʼ Novembru, 1981; li deher ukoll fil-​browxer Id-​Demm Kif Jistaʼ Jsalvalek Ħajtek? paġni 27-9). * Dan l-​artiklu kkwota mill-​ktieb tal-​Ġenesi, tal-​Levitiku, u taʼ l-​Atti. Dan qal: “Waqt li dawn il-​versi m’humiex mistqarra b’termini mediċi, ix-​Xhieda jqisuhom bħala li jipprojbixxu t-​trasfużjoni taʼ demm sħiħ, ċelluli ħomor tad-​demm ippakkjati, u plażma, kif ukoll amministrazzjoni taʼ ċelluli bojod tad-​demm u taʼ platelets.” Il-​ktieb Emergency Care taʼ l-​2001, taħt “Composition of the Blood” (Kompożizzjoni tad-​Demm), stqarr: “Id-​demm hu magħmul minn diversi komponenti: il-​plażma, iċ-​ċelluli ħomor u bojod, u l-​platelets.” B’hekk, fi qbil mal-​fatti mediċi, ix-​Xhieda jirrifjutaw it-​trasfużjonijiet taʼ demm sħiħ jew taʼ kwalunkwe wieħed mill-​erbaʼ komponenti primarji tiegħu.

12. (a) Liema pożizzjoni ġiet preżentata rigward il-​frazzjonijiet li jittieħdu mill-​komponenti primarji tad-​demm? (b) Fejn nistgħu nsibu iktar informazzjoni dwar dan?

12 Dan l-​artiklu mediku kompla: “Il-​fehma reliġjuża tax-​Xhieda ma tipprojbix b’mod assolut l-​użu taʼ [frazzjonijiet] bħalma huma l-​albumina, il-​globulini protetti, u preparazzjonijiet taʼ dawk li jbatu bl-​emofilja; kull Xhud irid jiddeċiedi individwalment jekk jistax jaċċetta dawn.” Mill-​1981 ’l hawn ħafna frazzjonijiet (partijiet iżgħar separati meħudin minn wieħed mill-​erbaʼ komponenti ewlenin) ġew iżolati għall-​użu mediku. Fi qbil maʼ dan, It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju, 2000, ipprovda informazzjoni ferm t’għajnuna dwar is-​suġġett fl-​artiklu intitolat “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja.” Għall-​benefiċċju taʼ miljuni taʼ qarrejja, it-​tweġiba reġgħet ġiet stampata f’paġni 29-31 taʼ din ir-​rivista. Din tipprovdi dettalji u raġunamenti, madankollu int se tara li dak li tgħid jaqbel maʼ l-​ideat bażiċi preżentati fl-​1981.

L-​Irwol tal-​Kuxjenza Tiegħek

13, 14. (a) X’inhi l-​kuxjenza, u din kif inhi involuta fil-​kwistjoni tad-​demm? (b) Alla liema gwida pprovda lil Iżrael dwar il-​mod kif kellhom jieklu l-​laħam, imma x’mistoqsijiet setaʼ kien hemm?

13 Din l-​informazzjoni tgħinna naraw il-​bżonn li nħaddmu l-​kuxjenza tagħna. Għala? Il-​Kristjani jaqblu dwar il-​ħtieġa li jsegwu l-​gwida t’Alla, imma f’ċerti sitwazzjonijiet iridu jittieħdu deċiżjonijiet persunali u dan jinvolvi li jużaw il-​kuxjenza. Il-​kuxjenza hi l-​kapaċità li tinsab fina biex tgħinna niżnu u niddeċiedu kwistjonijiet, li taʼ spiss ikunu kwistjonijiet morali. (Rumani 2:14, 15) Madankollu, nafu li mhux il-​kuxjenza taʼ kulħadd hi l-​istess. * Il-​Bibbja ssemmi li xi wħud għandhom “kuxjenza dgħajfa,” u dan juri li hemm min għandu kuxjenza b’saħħitha. (1 Korintin 8:12) Kristjani huma differenti u ma jagħmlux progress bl-​istess rata, sew biex jitgħallmu dwar ir-​rieda t’Alla, sew biex jaqblu mal-​mod kif jaħsibha Alla dwar l-​affarijiet, u sew biex japplikaw dak li tgħallmu fid-​deċiżjonijiet tagħhom. Nistgħu nxebbhu dan mal-​Lhud u l-​kwistjoni taʼ jekk setax jittiekel ċertu laħam.

14 Il-​Bibbja hija ċara li individwu ubbidjenti lejn Alla ma kienx se jiekol laħam mhux skarnat. Dan tant kien importanti li saħansitra f’emerġenza meta xi suldati Iżraelin kielu l-​laħam mhux skarnat, huma saru ħatja taʼ nuqqas serju, jew dnub. (Dewteronomju 12:15, 16; 1 Samwel 14:31-35) Però xorta setaʼ kien hemm xi mistoqsijiet. Meta Iżraeli kien joqtol xi nagħġa, kemm kellu jiskarnaha malajr? Kellu hu jħanxar għonq l-​annimal biex ikun jistaʼ joħroġ demmu? Kellu bżonn idendel lin-​nagħġa minn saqajha taʼ wara? Għal kemm ħin? X’kellu jagħmel fil-​każ taʼ baqra kbira? Anki wara li l-​laħam ikun ġie skarnat xorta kien jibqagħlu xi ftit demm. Setaʼ dak il-​laħam jittiekel? Min kellu jiddeċiedi?

15. Xi Lhud kif irreaġixxew dwar li jieklu l-​laħam, imma Alla xi kkmanda?

15 Nassumu li Lhudi żeluż jiffaċċja kwistjonijiet bħal dawn. Hu għandu mnejn ħaseb li biex ma jissograx li jagħmel xi ħaġa ħażina kien aħjar jekk jevita kompletament li jixtri l-​laħam mis-​suq, sewwasew bħalma xi Lhudi ieħor ma kienx jiekol il-​laħam jekk kien ikollu l-​iċken dubju li dan ikun ġie offrut lill-​idoli. Xi Lhud oħra forsi kienu jieklu l-​laħam wara li jkunu għamlu ċerti ritwali sabiex ineħħu d-​demm. * (Mattew 23:23, 24) X’taħseb dwar dawn ir-​reazzjonijiet differenti? Barra minn hekk, ladarba Alla ma kienx jirrikjedi li jaġixxu b’dan il-​mod, kellhom il-​Lhud jibagħtu ruxxmata mistoqsijiet lil ġemgħa rabbini għal deċiżjoni fuq kull kwistjoni? Għalkemm din id-​drawwa żviluppat fil-​Ġudaiżmu, aħna nistgħu nkunu ferħanin li Jehovah ma kkmandax lill-​aduraturi veri biex jieħdu deċiżjonijiet fuq id-​demm b’dan il-​mod. Alla offra gwida bażika dwar kif kellhom jinqatlu l-​annimali nodfa u kif jitneħħielhom id-​demm, imma ma tahomx iktar dettalji.—Ġwanni 8:32.

16. Il-​Kristjani għala għandhom mnejn ikollhom opinjonijiet differenti dwar jekk jaċċettawx injezzjoni taʼ frazzjoni żgħira minn xi komponent tad-​demm?

16 Bħalma ssemma f’paragrafi 11 u 12, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jaċċettawx trasfużjonijiet taʼ demm sħiħ jew taʼ l-​erbaʼ komponenti primarji tiegħu—il-​plażma, iċ-​ċelluli ħomor, iċ-​ċelluli bojod, u l-​platelets. Xi ngħidu għal frazzjonijiet żgħar li jittieħdu minn xi komponent primarju, bħalma huma s-​serums li fihom antibodies biex jiġġieldu l-​mard jew biex jikkumbattu kontra l-​velenu taʼ xi serp? (Ara paġna 30, paragrafu 4.) Xi wħud ikkonkludew li frazzjonijiet żgħar daqshekk ma jkunux għadhom, fil-​fatt, demm, u għalhekk m’humiex inklużi fil-​kmand biex ‘nitbiegħdu mid-​demm.’ (Atti 15:29; 21:25; paġna 31, paragrafu 1) Dawn huma responsabbli għad-​deċiżjoni li jieħdu. Il-​kuxjenza t’oħrajn iġġagħalhom jirrifjutaw kwalunkwe ħaġa li tiġi mid-​demm (taʼ l-​annimal jew tal-​bniedem), anki l-​iċken frazzjoni taʼ wieħed biss mill-​komponenti primarji. * Jerġaʼ oħrajn għandhom mnejn jaċċettaw injezzjonijiet taʼ proteina mill-​plażma kontra xi marda jew biex jikkumbattu kontra xi velenu tas-​sriep, iżda għandhom mnejn jirrifjutaw frazzjonijiet żgħar oħra. Barra minn hekk, xi prodotti li jittieħdu minn xi wieħed mill-​erbaʼ komponenti primarji jistgħu tant ikunu jixbhu l-​funzjoni tal-​komponent sħiħ u tant jagħmlu xogħol importanti fil-​ġisem biex isostnu l-​ħajja, li l-​biċċa l-​kbira mill-​Kristjani jsibuhom oġġezzjonabbli.

17. (a) Il-​kuxjenza tagħna kif tistaʼ tgħinna meta nkunu qed inħabbtu wiċċna maʼ kwistjonijiet dwar il-​frazzjonijiet tad-​demm? (b) Id-​deċiżjonijiet li nieħdu fuq din il-​kwistjoni għala huma tant serji?

17 Dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​kuxjenza jgħinek ħafna meta tiġi biex tieħu xi deċiżjoni bħal din. L-​ewwel pass hu li titgħallem dak li tgħid il-​Kelma t’Alla u tagħmel ħiltek kollha biex tħarreġ il-​kuxjenza tiegħek fuqha. Dan se jħarrġek biex tiddeċiedi fi qbil mal-​gwida t’Alla minflok ma toqgħod tistaqsi lil xi ħaddieħor biex jieħu d-​deċiżjoni għalik. (Salm 25:4, 5) Dwar jekk jaċċettawx frazzjonijiet tad-​demm, xi wħud ħasbu, ‘Din hi kwistjoni taʼ kuxjenza, u għalhekk ma tagħmilx differenza.’ Dan hu raġunament żbaljat. Il-​fatt li deċiżjoni trid tittieħed skond il-​kuxjenza ma jfissirx li din m’hijiex daqshekk importanti. Anzi jistaʼ jkollha konsegwenzi serji. Raġuni waħda hi li din tistaʼ teffettwa lil dawk li għandhom kuxjenza differenti minn tagħna. Dan nistgħu narawh mill-​pariri li ta Pawlu dwar il-​laħam li setaʼ ġie preżentat lil xi idolu u iktar tard inbigħ fis-​suq. Kristjan għandu jkun konċernat dwar li ma jmurx ‘ifieri l-​kuxjenza dgħajfa taʼ xi ħadd.’ Jekk ifixkel lil xi ħadd, hu jistaʼ ‘jġarraf lil ħuh, li għalih miet Kristu’ u jkun qed jidneb kontra Kristu. Għalhekk, filwaqt li kwistjonijiet dwar frazzjonijiet żgħar ħafna tad-​demm huma kwistjoni taʼ deċiżjoni persunali, dawn id-​deċiżjonijiet għandhom jittieħdu bis-​serjetà ħafna.—1 Korintin 8:8, 11-13; 10:25-31.

18. Kristjan kif jistaʼ jevita li jmewwet il-​kuxjenza tiegħu fejn jidħlu d-​deċiżjonijiet tiegħu dwar id-​demm?

18 Aspett ieħor f’dan ir-​rigward jenfasizza s-​serjetà tad-​deċiżjonijiet dwar id-​demm. Dan hu l-​effett li jistgħu jħallu fuqek deċiżjonijiet bħal dawn. Jekk il-​fatt li tieħu frazzjoni żgħira tad-​demm iġiegħel lill-​kuxjenza tiegħek imħarrġa fuq il-​Bibbja tniggżek, int m’għandikx tinjoraha. Lanqas m’għandek tinjora dak li tgħidlek il-​kuxjenza sempliċement għax xi ħadd jgħidlek, “Din tistaʼ tiħodha; ħafna ħaduha.” Ftakar, miljuni taʼ nies illum jinjoraw il-​kuxjenza tagħhom, u jmewtuha għalkollox, u jibdew jigdbu jew jagħmlu affarijiet ħżiena oħra mingħajr ebda rimors. Il-​Kristjani ċertament li jridu jevitaw attitudni bħal din.—2 Samwel 24:10; 1 Timotju 4:1, 2.

19. Meta niġu biex niddeċiedu kwistjonijiet mediċi li jinvolvu d-​demm, xi rridu nżommu fuq quddiemnett ġo moħħna?li tiggve

19 Lejn it-​tmiem tagħha, it-​tweġiba li reġgħet ġiet stampata f’paġni 29-31 tgħid: “Ifisser il-​fatt li hemm opinjonijiet u deċiżjonijiet kuxjenzjużi differenti li l-​kwistjoni m’hijiex importanti? Le. Anzi hija waħda serja.” Dan hu b’mod partikulari għaliex hemm ir-​relazzjoni tiegħek m’“Alla l-​ħaj” involuta. Din ir-​relazzjoni hija l-​unika waħda li tistaʼ twassal għall-​ħajja taʼ dejjem, ibbażata fuq il-​qawwa li ssalva tad-​demm imxerred taʼ Ġesù. Ikkultiva rispett profond għad-​demm minħabba dak li Alla qed jagħmel permezz tiegħu—isalva l-​ħajjiet. Pawlu kiteb b’mod xieraq: “Kontu bla tama u bla Alla fid-​dinja! Imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu bis-​saħħa tad-​demm taʼ Kristu.”—Korsiv tagħna; Efesin 2:12, 13.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 11 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

^ par. 13 Darba, Pawlu u erbaʼ Kristjani oħra marru fit-​tempju biex jitnaddfu b’mod ċerimonjali. Il-​Liġi ma kinitx għadha tgħodd, u madankollu Pawlu aġixxa fuq il-​pariri taʼ l-​irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm. (Atti 21:23-25) Però, xi Kristjani forsi ħassew li m’għandhomx jidħlu fit-​tempju jew iwettqu proċedura bħal din. Dak iż-​żmien il-​kuxjenza ma kinitx taʼ kulħadd l-​istess u lanqas m’hi l-​istess illum.

^ par. 15 L-Encyclopaedia Judaica tenfasizza regoli “kumplessi u dettaljati” dwar it-​tħejjija tal-​laħam skond il-​liġi Lhudija. Dawn jinkludu kemm il-​minuta l-​laħam irid jitħalla fl-​ilma, kif jitqattar fuq xi injama, it-​tip taʼ melħ li jitferrex fuqu, u mbagħad kemm-il darba kellu jinħasel fl-​ilma kiesaħ.

^ par. 16 Iktar ma jgħaddi żmien, l-​ingredjent prinċipali jew attiv f’xi injezzjonijiet qed ikun prodott sintetiku li m’huwiex magħmul mid-​demm. Imma f’xi każi ammont żgħir taʼ xi frazzjoni tad-​demm, bħalma hi l-​albumina, tistaʼ tiġi inkluża.—Ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” fit-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’Ottubru, 1994.

Tistaʼ Tiftakar?

• Alla liema gwida dwar id-​demm ipprovda lil Noè, lill-​Iżraelin, u lill-​Kristjani?

• Ix-​Xhieda taʼ Jehovah x’jirrifjutaw b’mod assolut rigward id-​demm?

• F’liema sens hija kwistjoni taʼ kuxjenza jekk wieħed jaċċettax frazzjonijiet żgħar minn xi komponent primarju tad-​demm jew le, imma dan x’ma jfissirx?

• Meta nieħdu xi deċiżjoni, għala għandna nżommu r-​relazzjoni tagħna m’Alla quddiemnett f’moħħna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Tabella f’paġna 22]

(Ġħall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara publikazzjoni)

IL-​WAQFA BAŻIKA RIGWARD ID-​DEMM

DEMM SĦIĦ

MHUX AĊĊETTABBLI

Ċelluli ħomor

Ċelluli bojod

Platelets

Plażma

JIDDEĊIEDI L-​KRISTJAN

Frazzjonijiet miċ-ċelluli ħomor

Frazzjonijiet miċ-ċelluli bojod

Frazzjonijiet mill-​platelets

Frazzjonijiet mill-​plażma

[Stampa f’paġna 20]

Il-​ġemgħa rna waslet għall-​konklużjoni li l-​Kristjani jridu ‘jitbiegħdu mid-​demm’

[Stampi f’paġna 23]

Tinjorax il-​kuxjenza tiegħek jekk qed tiffaċċja deċiżjoni dwar xi frazzjoni tad-​demm