Jistaʼ t-Talb Tiegħek Jagħmel Differenza?
Jistaʼ t-Talb Tiegħek Jagħmel Differenza?
MIN minna qatt ma ffaċċja sitwazzjoni serja li ma kellux kontroll fuqha? Il-Bibbja turina li l-appostlu Pawlu kien jaf li t-talb jistaʼ jeffettwa r-riżultat taʼ xi kriżi.
Meta Pawlu ntefaʼ l-ħabs b’mod inġust f’Ruma, hu talab lil sħabu fit-twemmin biex jitolbu għalih, billi qal: “Dan wisq aktar nitlobkom tagħmluh biex nerġaʼ nkun magħkom mill-aktar fis.” (Lhud 13:18, 19) F’okkażjoni oħra, Pawlu esprima l-fiduċja tiegħu li Alla kien se jwieġeb it-talb tiegħu biex jinħeles qabel. (Filemon 22) Pawlu malajr inħeles u reġaʼ beda x-xogħol missjunarju tiegħu.
Imma jistaʼ t-talb verament ibiddel ir-riżultat tal-problemi tiegħek? Forsi. Ftakar, però, li t-talb m’huwiex biss xi prattika reliġjuża formali. Huwa komunikazzjoni reali maʼ Missierna tas-sema li hu kollu mħabba u qawwa. Għandna nħossuna liberi biex inkunu speċifiċi ħafna fit-talb tagħna imma mbagħad nistennew bil-paċenzja biex naraw kif Jehovah se jwieġeb.
Alla forsi ma jweġibx kull talba direttament, u forsi mhux dejjem iwieġeb bil-mod jew fil-ħin li naħsbu aħna. Per eżempju, Pawlu talab kemm-il darba dwar ix-‘xewka f’ġismu.’ Alla ma neħħiex il-problema taʼ Pawlu, kienet x’kienet, imma farrġu b’dan il-kliem inkuraġġanti: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.”—2 Korintin 12:7-9.
Aħna wkoll nistgħu nkunu fiduċjużi li anki jekk Alla ma jneħħix xi problema partikulari, hu jistaʼ ‘jagħtina l-qawwa u l-għajnuna biex inkunu nifilħu għaliha.’ (1 Korintin 10:13) Dalwaqt, Alla se jneħħi għalkollox is-sofferenzi kollha taʼ l-umanità. Sadanittant, il-fatt li nduru lejn dak li ‘jismaʼ talbna’ jistaʼ jagħmel differenza.—Salm 65:3, 4a (65:2, NW).