Il-Mirakli taʼ Ġesù—Veru Ġraw?
Il-Mirakli taʼ Ġesù—Veru Ġraw?
LIL Ġesù Kristu “ġibulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mix-xitan, u bil-kelma tiegħu keċċa l-ispirti, u fejjaq il-morda kollha.” (Mattew 8:16) “[Ġesù] qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: ‘Iskot! Biżżejjed!’ U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.” (Mark 4:39) X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar dawn l-istqarrijiet? Temmen li dawn jiddeskrivu ġrajjiet storiċi attwali, jew tħoss li huma stejjer simboliċi, sempliċement ħrejjef?
Ħafna wħud illum jesprimu dubji serji dwar l-awtentiċità storika tal-mirakli taʼ Ġesù. F’din l-era tat-teleskopju u l-mikroskopju, l-esplorazzjoni taʼ l-ispazju u l-inġinerija ġenetika, in-nies donnhom m’humiex lesti li jaċċettaw rapporti t’għemejjel mirakolużi u għeġubijiet divini.
Xi wħud iħossu li r-rakkonti tal-mirakli huma immaġinarji jew simboliċi. Skond l-awtur taʼ ktieb li jsostni li jeżamina min kien verament Ġesù, l-istejjer dwar il-mirakli taʼ Kristu m’huma xejn ħlief “reklami” biex tixtered il-Kristjanità.
Oħrajn iqisu l-mirakli taʼ Ġesù bħala frodi mill-bidu sa l-aħħar. Xi drabi jintqal li Ġesù nnifsu kien ħati taʼ qerq. Skond Ġustinu Martri tat-tieni seklu E.K., il-kritiċi taʼ Ġesù “saħansitra sejħulu saħħâr u wieħed li jqarraq bin-nies.” Xi wħud jallegaw li Ġesù “m’għamilx il-mirakli tiegħu bħala
profeta Lhudi, imma bħala saħħâr, wieħed imħarreġ fit-tempji pagani.”It-Tifsira tal-Kelma “Impossibbli”
Int għandek mnejn tħoss li minħabba dubji bħal dawn, in-nies għandhom raġuni fundamentali għala ma tantx huma lesti li jemmnu fil-mirakli. Huma sempliċement isibuha diffiċli, saħansitra impossibbli, biex jaċċettaw il-ħsieb li xi forzi sopranaturali jistgħu jipproduċu mirakli bħal dawn. “Il-mirakli sempliċement ma jsirux—u nieqfu hemm,” qal żagħżugħ li jsostni li hu anjostiku. Imbagħad, hu kkwota l-kliem taʼ David Hume, filosfu Skoċċiż tas-seklu 18, li kiteb: “Miraklu huwa ksur tal-liġijiet tan-natura.”
Madankollu, ħafna wħud joqogħdu attenti ferm qabel ma jiddikjaraw li xi fenomenu huwa impossibbli. The World Book Encyclopedia tgħid li miraklu huwa “ġrajja li ma tistax tiġi spjegata permezz tal-liġijiet magħrufin tan-natura.” Skond din id-definizzjoni, l-ivvjaġġar fl-ispazju, il-komunikazzjoni mingħajr l-użu tal-wajers, u n-navigazzjoni bis-satellita, sa mitt sena ilu biss kienu jitqiesu bħala “mirakli” minn ħafna nies. Żgur li ma jkunx għaqli li ngħidu li l-mirakli huma impossibbli sempliċement għax m’aħniex kapaċi nispjegawhom skond l-għarfien li għandna fil-preżent.
Jekk neżaminaw xi ftit mill-evidenza Skritturali relatata mal-mirakli li jintqal li għamel Ġesù Kristu, x’se nsibu? Veru ġraw il-mirakli taʼ Ġesù?