Ġesù Kristu Kif Jinfluwenza l-Ħajja Tiegħek?
Ġesù Kristu Kif Jinfluwenza l-Ħajja Tiegħek?
META nqisu dak li kkunsidrajna fl-artiklu taʼ qabel, jibqgħalna xi dubju li t-tagħlim taʼ Ġesù kellu effett qawwi madwar id-dinja kollha? Iżda, l-iktar mistoqsija importanti hi, “It-tagħlim taʼ Ġesù kemm jinfluwenzani personalment?”
It-tagħlim taʼ Ġesù kien jittratta dwar diversi suġġetti. Il-lezzjonijiet prezzjużi li jagħti jistgħu jeffettwaw kull aspett taʼ ħajtek. Ejja niffokaw fuq dak li għallem Ġesù dwar li nagħmlu prijoritajiet fil-ħajja, nikkultivaw ħbiberija m’Alla, nistabbilixxu relazzjonijiet tajbin m’oħrajn, insolvu l-problemi, u ma nagħmlux atti vjolenti.
Agħmel Prijoritajiet f’Ħajtek
Id-dinja mgħaġġla taʼ llum tant tieħu mill-ħin u l-enerġija tagħna li spiss ma jibqgħalniex ħin għall-affarijiet spiritwali. Ikkunsidra l-każ taʼ raġel fuq l-20 sena li se nsejħulu Jerry. Għalkemm Jerry jieħu pjaċir jitkellem dwar suġġetti spiritwali u japprezza dak
li jitgħallem minn dawn il-konversazzjonijiet, hu jilmenta: “Ma nsibx ħin biex niddedikah għal dawn l-affarijiet b’mod regulari. Naħdem sitt ijiem fil-ġimgħa. Il-Ħadd biss ma naħdimx. U wara li nagħmel dak li jkolli bżonn, inkun għajjien wisq.” Jekk issib ruħek fl-istess sitwazzjoni, tistaʼ tibbenefika minn dak li għallem Ġesù fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja.Ġesù qal lill-folla li kienet inġabret biex tisimgħu: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu. Ma tiswiex il-ħajja iktar mill-ikel u l-ġisem mill-ilbies? Osservaw bir-reqqa l-għasafar tas-sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-imħażen; imma Missierkom tas-sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom? . . . Għalhekk, qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-affarijiet li l-ġnus qed ifittxu bil-ħerqa. Għax Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha. Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mattew 6:25-33) X’nitgħallmu minn dan?
Ġesù ma kienx qed jindika li għandna nittraskuraw il-bżonnijiet fiżiċi tagħna u tal-membri tal-familja. “Jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-membri taʼ daru,” tgħid il-Bibbja, “ikun ċaħad il-fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) Madankollu, Ġesù wiegħed li jekk inpoġġu l-affarijiet importanti l-ewwel u nagħtu l-prijorità lill-affarijiet spiritwali, Alla se jara li jkollna l-bżonnijiet l-oħra. It-tagħlima hawn hi dwar kif għandna nagħmlu l-prijoritajiet. Jekk insegwu dan il-parir se nsibu l-hena, għax “henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3.
Ikkultiva Ħbiberija m’Alla
Dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom jaraw kemm hu neċessarju li jikkultivaw relazzjoni tajba m’Alla. Kif nistabbilixxu relazzjoni tajba maʼ xi ħadd? Mhux billi nipprovaw insiru nafu lill-individwu aħjar? Irridu nieħdu l-ħin biex nitgħallmu dwar l-opinjonijiet, l-attitudnijiet, u l-abbiltajiet tiegħu, dak li għamel, u dak li jogħġbu u ma jogħġbux. L-istess ħaġa tapplika għal meta niżviluppaw ħbiberija m’Alla. Għandna bżonn għarfien eżatt dwaru. Meta kien qed jitlob lil Alla dwar id-dixxipli tiegħu, Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Iva, biex nikkultivaw relazzjoni intima m’Alla hemm bżonn li nsiru nafuh. L-uniku sors taʼ dan l-għarfien hu l-Kelma mnebbħa t’Alla, il-Bibbja. (2 Timotju 3:16) Irridu nwarrbu ħin biex nistudjaw l-Iskrittura.
Madankollu, l-għarfien waħdu m’huwiex biżżejjed. Fl-istess talba, Ġesù qal: “Huma [id-dixxipli tiegħu] osservaw kelmtek.” (Ġwanni 17:6) Mhux biss irridu nieħdu għarfien dwar Alla imma rridu wkoll naġixxu fi qbil maʼ dak l-għarfien. M’hemmx mod ieħor kif insiru ħbieb t’Alla. Nistgħu nistennew li l-ħbiberija tagħna maʼ xi ħadd tikber jekk minn jeddna naġixxu b’mod u manjiera li tmur kontra l-ideat u l-prinċipji tiegħu? Mela, l-opinjonijiet u l-prinċipji t’Alla għandhom jiggwidawlna l-passi kollha f’ħajjitna. Ikkunsidra kif tnejn mill-prinċipji tiegħu japplikaw għar-relazzjonijiet tagħna maʼ bnedmin oħra.
Stabbilixxi Relazzjonijiet Tajbin m’Oħrajn
Darba minnhom, Ġesù rrakkonta storja qasira sabiex jgħallem lezzjoni prezzjuża dwar ir-relazzjonijiet umani. Hu tkellem dwar sultan li ried jirranġa l-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Iżda wieħed minnhom kellu dejn kbir ferm u ma kellux il-mezzi biex iħallsu lura. Is-sid ordna li jinbiegħu hu, martu, u wliedu biex isir il-ħlas. L-ilsir inxteħet fl-art quddiemu u ssupplikah: “Ħu paċenzja bija u nagħtik kollox lura.” Is-sid tħassru u ħafirlu d-dejn tiegħu. Imma dan l-ilsir ħareġ, sab lil wieħed mill-ilsiera sħabu li kellu jagħtih somma flus żgħira, u riedu jħallsu bilfors. Għalkemm l-ilsir sieħbu ssupplikah iħenn għalih, l-ewwel ilsir tefgħu l-ħabs sakemm iħallas lura dak kollu li kellu jagħtih. Meta s-sultan semaʼ b’dan, għadab għalih. “Ma messikx . . . ġietek ħniena mill-ilsir sieħbek, bħalma jien ukoll ġietni ħniena minnek?” ried ikun jaf hu. U lill-ilsir li ma kienx lest jaħfer tefgħu l-ħabs sakemm iħallas lura dak kollu li kellu jagħti. Biex jislet tagħlima mill-istorja, Ġesù qal: “Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.”—Mattew 18:23-35.
Bħala bnedmin imperfetti għandna ħafna nuqqasijiet. Qatt ma nistgħu nħallsu lura lil Alla d-dejn kbir li ġemmajna minħabba li nonqsuh. Kulma nistgħu nagħmlu hu li nfittxu l-maħfra tiegħu. U Alla Ġeħova lest li jaħfer in-nuqqasijiet kollha tagħna, sakemm naħfru lil ħutna għad-dnubiet li għamlu kontrina. X’lezzjoni effettiva hi din! Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu: “Aħfrilna d-djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-dejn magħna.”—Mattew 6:12.
Solvi l-Problemi Billi Taqlagħhom mill-Għeruq
Ġesù kien espert f’li jifhem kif inhu magħmul il-bniedem. Il-pariri tiegħu biex jissolvew il-problemi kienu jattakkaw l-għeruq tagħhom. Ikkunsidra ż-żewġ eżempji li ġejjin.
“Smajtu li lil dawk taʼ żmien il-qedem intqalilhom, ‘Toqtolx; imma kulmin joqtol irid jagħti kont lill-qorti tal-ġustizzja,’” qal Ġesù. “Madankollu, jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ mgħaddab għal ħuh irid jagħti kont lill-qorti tal-ġustizzja.” (Mattew 5:21, 22) Ġesù hawn wera li l-għeruq tal-problema tal-qtil ma jinsabux fl-att vjolenti nnifsu imma jinżlu iktar fil-fond. Jinsabu fl-attitudni li tikber f’qalb il-qattiel. Kieku n-nies ma jħallux l-istmerrija jew ir-rabja tiżviluppa fihom, ħadd ma jippjana atti taʼ vjolenza. Kemm jiġi evitat tixrid taʼ demm kieku jiġi applikat dan it-tagħlim!
Innota kif Ġesù jitkellem dwar l-għeruq taʼ problema oħra li tikkaġuna ħafna wġigħ taʼ qalb. Hu qal lill-folla: “Smajtu li ntqal, ‘Tagħmilx adulterju.’ Imma jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu. Issa, jekk għajnek il-leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek.” (Mattew 5:27-29) Ġesù għallem li l-problema tinsab iktar fil-fond mill-imġiba immorali fiha nfisha. Tinsab f’dak li jiġi qabel din l-imġiba—ix-xewqat immorali. Jekk wieħed jirrifjuta li jaħseb fuq xewqat mhux xierqa u ‘jaqlagħhom’ minn moħħu, imbagħad ikun jistaʼ jegħleb il-problema taʼ mġiba immorali li tistaʼ tqum.
“Erġaʼ Daħħal Sejfek f’Postu”
Fil-lejl meta Ġesù ġie tradut u arrestat, wieħed mid-dixxipli tiegħu silet is-sejf biex jiddefendih. Ġesù ordnalu: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-sejf, bissejf jinqered.” (Mattew 26:52) L-għada filgħodu, Ġesù qal lil Ponzju Pilatu: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja. Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma, tabilħaqq, is-saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” (Ġwanni 18:36) Huwa dan it-tagħlim nieqes mill-għaqal?
X’kienet l-attitudni tal-Kristjani tal-bidu lejn dak li għallem Ġesù dwar li ma nużawx il-vjolenza? Il-ktieb The Early Christian Attitude to War jgħid: “Billi [t-tagħlim taʼ Ġesù] ipprojbixxa kull użu taʼ vjolenza u ħsara kontra l-oħrajn, b’mod ċar dan indika li wieħed ma setax jieħu sehem fil-gwerer . . . Il-Kristjani tal-bidu segwew eżatt dak li qal Ġesù, u fehmu li t-tagħlim tiegħu kien ifisser li kellhom letteralment juru ġentilezza u ma jiġġildux lura. Huma assoċjaw mill-qrib ir-reliġjon tagħhom mal-paċi; il-gwerra kkundannawha bil-qawwi minħabba t-tixrid taʼ demm li kienet tinvolvi.” Kemm kienet tkun differenti l-istorja tal-bniedem kieku dawk kollha li qalu li kienu Kristjani fil-fatt segwew dan it-tagħlim!
Int Tistaʼ Tibbenefika mit-Tagħlim Kollu taʼ Ġesù
It-tagħlim taʼ Ġesù li kkunsidrajna huwa sabiħ, sempliċi, u qawwi. L-umanità tistaʼ tibbenefika jekk tkun midħla tat-tagħlim tiegħu u tapplikah. *
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek se jieħdu pjaċir jgħinuk tara kif tistaʼ tibbenefika mill-iktar tagħlim mimli għerf li qatt intqal minn bniedem. Int mistieden kordjalment biex tikkuntattjahom jew tiktbilhom fl-indirizz li ssib f’paġna 2 taʼ din ir-rivista.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 22 Jekk tixtieq tikkunsidra t-tagħlim kollu taʼ Ġesù pass pass, ara L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 5]
‘Missierkom tas-sema jitmagħhom’
[Stampa f’paġna 7]
It-tagħlim taʼ Ġesù jistaʼ jeffettwalek ħajtek għat-tajjeb