Il-Bibbja Tistaʼ Tgħinek Issib l-Hena
Il-Bibbja Tistaʼ Tgħinek Issib l-Hena
GĦALKEMM il-Bibbja m’hijiex xi manwâl mediku, xorta waħda titkellem dwar l-effett li l-emozzjonijiet—pożittivi u negattivi—jistaʼ jkollhom fuq is-saħħa mentali u fiżika taʼ persuna. “Qalb ferħana tagħti s-saħħa,” tgħid il-Bibbja, imma “ruħ imnikkta tmewwet il-ġisem.” Iktar ’il quddiem naqraw: “Jekk int tintreħa [“skuraġġit,” NW] fir-riżq it-tajjeb, x’saħħa għandek fir-riżq il-ħażin?” (Proverbji 17:22; 24:10) Sentimenti taʼ skuraġġiment jistgħu jiħdulna saħħitna billi jdgħajfuna u jagħmluna sensittivi mingħajr ebda xewqa li ninbidlu jew li nitolbu għall-għajnuna.
L-iskuraġġiment jistaʼ wkoll jeffettwa l-ispiritwalità taʼ dak li jkun. Uħud li jħossuhom li ma jiswew għalxejn, ħafna drabi jħossu li qatt ma jistgħu jgawdu relazzjoni tajba m’Alla u jitbierku minnu. Simone, li ssemmiet fl-artiklu taʼ qabel, iddubitat jekk kinitx “tip taʼ persuna li Alla jaċċetta.” Mill-banda l-oħra, meta nfittxu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja, insibu li Alla jħares b’mod pożittiv lejn dawk li jistinkaw biex jogħġbuh.
Alla Verament Jimpurtah
Il-Bibbja tgħidilna li “qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.” Alla ma jwarrabx il-“qalb maqsuma u sogħbiena,” imma hu jwiegħed li ‘jaħji r-ruħ umiljata, iqawwi l-qalb miksura.’—Salm 34:19 (34:18, NW); 51:19 (51:17, NW); Isaija 57:15.
F’okkażjoni minnhom l-iben t’Alla, Ġesù, ħass il-bżonn li jispjega lid-dixxipli tiegħu l-fatt li Alla jara t-tajjeb fil-qaddejja Tiegħu. Permezz taʼ tixbiha hu spjega kif Alla jinnota meta għasfur tal-bejt jaqaʼ fl-art—xi ħaġa li ħafna nies jikkunsidrawha bħala li hija taʼ ftit importanza. Hu ġibed l-attenzjoni Mattew 10:29-31) * Ġesù indika li minkejja kif l-individwi jistgħu jħossuhom dwarhom infushom, dawk li għandhom il-fidi huma tassew taʼ valur f’għajnejn Alla. Fil-fatt, l-appostlu Pawlu jfakkarna li “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.”—Atti 10:34, 35.
wkoll li Alla jaf sa l-iċken dettall dwar il-bniedem, saħansitra kemm għandu xagħar f’rasu. Ġesù temm it-tixbiha tiegħu billi qal: “Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Żomm Ħarsa Bilanċjata
Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex ikollna ħarsa bilanċjata lejna nfusna. L-appostlu Pawlu kiteb b’ispirazzjoni: “Għax permezz tal-qalb tajba mhix mistħoqqa li ntwerejt, ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq; imma jaħseb b’tali mod li jkollu moħħ f’loku, kull wieħed skond il-qjies taʼ fidi li tah Alla.”—Rumani 12:3.
Ċertament, aħna ma rridux naħsbu żżejjed dwarna nfusna sal-punt li nsiru kburin; lanqas ma rridu mmorru fl-estrem l-ieħor u nħossu li ma niswew għalxejn. Minflok, il-mira tagħna għandha tkun li nikkultivaw ħarsa bilanċjata, waħda li tikkunsidra kemm il-kapaċitajiet kif ukoll il-limitazzjonijiet tagħna. Mara Kristjana esprimiet lilha nfisha b’dan il-mod: “Jien m’iniex persuna ħażina; lanqas ma jien superjuri għall-oħrajn. Bħal kulħadd, għandi kemm t-tajjeb kif ukoll il-ħażin.”
M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex faċli tikseb ħarsa bilanċjata. Għandu mnejn ikollna nagħmlu sforz kbir sabiex neliminaw totalment il-ħarsa negattiva tagħna nfusna li forsi nkunu żviluppajna matul is-snin. Minkejja dan, bl-għajnuna t’Alla, aħna nistgħu nibdlu l-personalità kif ukoll il-ħarsa tagħna lejn il-ħajja. Infatti, il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex nagħmlu dan. Fiha naqraw li għandna ‘ninżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif konna nġibu ruħna qabel u li qed titħassar bix-xewqat qarrieqa tagħha; u niġġeddu fil-forza li qed tqanqal lil moħħna, u nilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’—Efesin 4:22-24.
Filwaqt li nagħmlu sforz biex nibdlu ‘l-forza li qed tqanqal lil moħħna,’ jiġifieri, l-inklinazzjoni dominanti taʼ moħħna, aħna nistgħu nibdlu l-personalità minn waħda totalment negattiva għal waħda pożittiva. Lena, li ssemmiet fl-artiklu taʼ qabel, irrealizzat li qabel ma tneħħi l-idea li ħadd ma setaʼ jħobbha jew jgħinha, xejn ma jistaʼ jibdel is-sentimenti tagħha dwarha nfisha. Liema parir prattiku li nsibu fil-Bibbja għen lil Lena, Simone, u oħrajn biex jagħmlu bidla bħal din?
Prinċipji Bibliċi li Jżidu l-Hena
“Ħalli [“it-tagħbija tiegħek,” NW] f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek.” (Salm 55:22) L-ewwel u qabel kollox, it-talb jistaʼ jgħinna nsibu l-hena veru. Simone tgħid: “Meta nħossni skuraġġita, immur għand Ġeħova u nistaqsih għall-għajnuna tiegħu. F’kull sitwazzjoni nħoss il-qawwa u l-gwida tiegħu.” Meta s-salmista jħeġġiġna biex nitfgħu t-tagħbija tagħna fuq Ġeħova, hu fil-fatt ikun qiegħed ifakkarna li Ġeħova mhux biss jieħu ħsiebna imma wkoll jarana bħala individwi li jistħoqqilna l-għajnuna u l-appoġġ tiegħu. Fil-lejl tal-Qbiż tas-sena 33 E.K., id-dixxipli taʼ Ġesù tnikktu meta qalilhom li dalwaqt kien se jitlaq. Ġesù ħeġġiġhom biex jitolbu lill-Missier, u hu żied: “Itolbu u taqilgħu, biex il-ferħ tagħkom jintgħamel sħiħ.”—Ġwanni 16:23, 24.
“Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Bħalma għallem Ġesù, l-għoti huwa fattur importanti biex issib l-hena veru fil-ħajja. Ilfatt li napplikaw din il-verità mill-Bibbja jgħinna biex niffokaw fuq il-bżonnijiet t’oħrajn iktar milli fuq id-dgħjufijiet tagħna stess. Meta ngħinu lil oħrajn u naraw l-apprezzament tagħhom, aħna nħossuna aħjar dwarna nfusna. Lena hija konvinta li l-fatt li taqsam l-aħbar tajba mill-Bibbja regolarment m’oħrajn jgħinha b’żewġ modi. “L-ewwel, dan iġibli l-ferħ u jagħtini s-sodisfazzjon li semma Ġesù,” tgħid hi. “It-tieni, l-oħrajn iwieġbu b’mod iktar favorevoli u dan jgħinni nsib l-hena.” Minħabba li nagħtu b’mod ġeneruż minna nfusna, se nesperjenzaw kemm hu minnu l-kliem taʼ Proverbji 11:25: “Min jagħti bil-qalb ikollu l-barka, u min ixabbaʼ l-oħrajn ikollu bix-xabaʼ.”
“L-imsejken għomru kollu fid-dwejjaq, imma qalb il-hieni dejjem festa.” (Proverbji 15:15) Ilkoll kemm aħna nistgħu nagħżlu kif inħarsu lejna nfusna u lejn iċ-ċirkustanzi tagħna. Nistgħu nkunu bħal xi ħadd li jara kollox negattiv u jħossu mdejjaq, jew nistgħu nagħżlu li naħsbu b’mod pożittiv, ikollna ‘qalbna hienja,’ u nkunu ferħanin bħallikieku qegħdin f’xi festa. Simone tgħid: “Jien nipprova nibqaʼ pożittiva kemm jistaʼ jkun. Nagħmel studju persunali regulari u nżomm ruħi attiva fis-servizz taʼ l-għalqa, u nippersevera fit-talb. Nipprova wkoll nagħmilha maʼ nies b’attitudni pożittiva u nipprova nkun t’għajnuna għal oħrajn.” Meta dak li jkun ikollu din l-attitudni f’qalbu se jħoss l-hena veru, saħansitra kif tħeġġiġna l-Bibbja: “Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej; għajjtu bil-ferħ, intom ilkoll taʼ qalbkom safja.”—Salm 32:11.
“Il-ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.” (Proverbji 17:17) Il-fatt li nafdaw f’xi ħadd li nħobbu jew f’persuna li tagħtina xi parir, jistaʼ jgħinna nkampaw mas-sentimenti negattivi u nwarrbuhom qabel ma jaħkmuna. Meta nitkellmu m’oħrajn se niġu megħjunin naraw l-affarijiet minn ħarsa bilanċjata u pożittiva. “Meta niftaħ qalbi nħossni verament aħjar,” tammetti Simone. “Ikollok bżonn tgħid lil xi ħadd kif qed tħossok. Ħafna drabi kulma jkollok bżonn hu li sempliċement tesprimi dak li tkun qed tħoss.” Meta tagħmel hekk se tkun tistaʼ tesperjenza kemm hu minnu l-kliem tal-proverbju li jgħid: “L-inkwiet ikiddha qalb il-bniedem, imma kelma tajba tferraħha.”—Proverbji 12:25.
Dak li Int Tistaʼ Tagħmel
Ikkunsidrajna biss ftit mill-ħafna prinċipji sbieħ u prattiċi mill-Bibbja li jistgħu jgħinuna negħlbu sentimenti negattivi u nsibu l-hena veru. Jekk int wieħed minn dawk li qed jissieltu man-nuqqasijiet tagħhom, ninkuraġġuk biex teżamina lilek innifsek sew permezz tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Tgħallem aħseb b’mod realistiku u bilanċjat dwarek innifsek u dwar ir-relazzjoni tiegħek m’Alla. Nittamaw sinċerament li permezz tal-gwida mill-Kelma t’Alla, int issib l-hena veru f’dak kollu li tagħmel.
[Nota taʼ taħt]
^ Din il-parti taʼ l-iskrittura hija spjegata iktar fid-dettall f’paġni 22 u 23.
[Stampa f’paġna 7]
L-hena tagħna se jiżdied jekk ngħixu fi qbil mal-prinċipji Bibliċi