Is-Sagrifiċċji Persunali Jġibu l-Barka taʼ Ġeħova
“L-Għajnuna Tiegħi Ġejja Mingħand Ġeħova”
Is-Sagrifiċċji Persunali Jġibu l-Barka taʼ Ġeħova
RAĠEL jivvjaġġa bir-rota fil-qalba tal-foresta tal-Kamerun. Għal sigħat sħaħ, hu jgħaddi minn toroq mgħarrqin u mit-tajn, filwaqt li jiffaċċja l-periklu biex imur isaħħaħ lil oħrajn. Sabiex jgħallmu lil grupp iżolat, żewġ aħwa fiż-Żimbabwe jimxu 15-il kilometru minn xmajjar li qegħdin ifuru, u jżommu l-ħwejjeġ u ż-żraben tagħhom bilanċjati sew fuq rashom sabiex ma jixxarrbulhomx. Xi mkien ieħor, mara tqum fl-erbgħa taʼ fil-għodu biex iżżur infermiera u tistudja magħha għaliex din tistaʼ twarrab siegħa għall-istudju fil-għodu kmieni biss.
X’hemm komuni f’dawn it-tliet eżempji? Lindividwi huma kollha ministri full-time tax-Xhieda taʼ Ġeħova u jieħdu sehem fix-xogħol li jgħallmu l-verità tal-Bibbja. Fosthom hemm pijunieri regulari u speċjali, missjunarji, indokraturi li jivvjaġġaw, u eluf taʼ volontieri fid-djar taʼ Betel madwar id-dinja. U s-sagrifiċċju persunali huwa l-karatteristika li tagħmilhom differenti. *
Motiv Xieraq
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova qegħdin jagħtu kas it-twissija li l-appostlu Pawlu ta lil Timotju: “Agħmel l-almu tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala bniedem approvat, ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi, billi timmaniġġa sew il-kelma tal-verità.” (2 Timotju 2:15) Imma xi jqanqal lil mijiet t’eluf taʼ Xhieda biex jaqdu bħala ministri full-time?
Meta l-ministri full-time jiġu mistoqsijin il-għala qegħdin iħabirku fis-servizz taʼ Ġeħova, it-tweġiba tagħhom tinvolvi mħabba għal Alla u għall-bnedmin sħabhom. (Mattew 22:37-39) Dan huwa verament xieraq, għaliex mingħajr imħabba bħala l-motiv, kwalunkwe ammont taʼ sforz li jsir ikun għalxejn.—1 Korintin 13:1-3.
Servizz li Jirrikjedi Sagrifiċċju Persunali
Il-Kristjani dedikati kollha aċċettaw l-istedina taʼ Ġesù: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.” (Mattew 16:24) Il-fatt li niċħdu lilna nfusna jfisser li nissottomettu ruħna minn jeddna biex inkunu taʼ Ġeħova u Ġesù Kristu kif ukoll biex inkunu mmexxijin minnhom. Għal ħafna, dan wassalhom biex jagħmlu servizz taʼ sagrifiċċju persunali fil-ministeru full-time.
Ħafna Xhieda jagħmlu sforzi kbar biex iżidu fis-servizz tagħhom lil Ġeħova. Ikkunsidra lil Júlia, pijuniera regulari taʼ 56 sena f’São Paulo, il-Brażil. “Ħu Ċiniż ċempilli biex jistaqsini jekk ridtx nitgħallem iċ-Ċiniż,” tiftakar hi. “Minħabba l-età tiegħi, ma kontx qed naħseb biex nitgħallem lingwa ġdida. Imma wara ftit jiem, aċċettajt l-isfida. Illum, kapaċi nagħmel preżentazzjonijiet Skritturali biċ-Ċiniż.”
L-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Perù jirrapporta: “Fis-snin reċenti, mijiet taʼ pijunieri regulari marru jgħixu f’territorji mhux assenjati,
u wrew spirtu taʼ kuraġġ u sagrifiċċju persunali. Huma jmorru fi rħula mwarrba fejn m’hemmx kumditajiet bażiċi u l-opportunitajiet għax-xogħol huma limitati. Dawn l-aħwa qegħdin jagħmlu dak kollu li hemm bżonn sabiex jibqgħu jaqdu fl-inkarigi tagħhom. Imma l-iktar ħaġa importanti hi li l-attività tagħhom fil-ministeru ġġib riżultati tajbin f’ħafna postijiet differenti. L-indokraturi li jivvjaġġaw jirrapportaw li bl-għajnuna taʼ dawn il-pijunieri regulari li jagħmlu sagrifiċċju persunali ġew ifformati gruppi ġodda.”Xi Kristjani ssograw ħajjithom biex jgħinu lil sħabhom fit-twemmin. (Rumani 16:3, 4) Indokratur tas-circuit f’post imħarbat bil-gwerra ġewwa l-Afrika jirrapporta: “Qabel ma wasalna għall-aħħar roadblock bejn it-territorju okkupat mir-ribelli u dak kontrollat mill-gvern, jien u marti sfajna mdawrin b’erbaʼ kmandanti militari ribelli u l-gwardji persunali tagħhom, li staqsewna dwar l-identità tagħna. Meta ċċekkjaw il-karta taʼ l-identità tagħna, huma raw li konna mill-inħawi kontrollati mill-gvern, allura bdew jissuspettaw fina. Ġejt akkużat li kont spija. Għalhekk, iddeċidew li jitfgħuni f’ħofra. Jien spjegajt min konna, u eventwalment ħallewna mmorru.” Kemm kienu grati l-kongregazzjonijiet li din il-koppja għamlet sagrifiċċju persunali u rnexxielha żżurhom!
Minkejja d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom, l-għadd taʼ ministri full-time qiegħed jiżdied mad-dinja kollha. (Isaija 6:8) Dawn il-ħaddiema bieżla jgħożżu l-privileġġ tagħhom li jaqdu lil Ġeħova. Bi spirtu simili taʼ sagrifiċċju persunali, miljuni oħrajn illum qegħdin ifaħħru lil Ġeħova. Mill-banda l-oħra, hu jberikhom bil-kbir. (Proverbji 10:22) Kunfidenti li qegħdin jiġu mberkin u appoġġati kontinwament, dawn il-ħaddiema ħabrieka jirriflettu l-attitudni tas-salmista li kanta: “L-għajnuna tiegħi ġejja mingħand Ġeħova.”—Salm 121:2, NW.
[Nota taʼ taħt]
^ Ara t-2005 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Novembru/Diċembru.
[Kumment f’paġna 9]
“Il-poplu tiegħek minn rajh joffri lilu nnifsu f’dak il-jum li fih int tmexxi l-eżerċtu tiegħek.”—SALM 110:3 (Karm Żammit)
[Kaxxa f’paġna 8]
ĠEĦOVA JGĦOŻŻ LILL-QADDEJJA DEVOTI TIEGĦU
“Ibqgħu sodi, titħarrkux, waqt li dejjem ikollkom ħafna x’tagħmlu fix-xogħol tal-Mulej, għax tafu li t-taħbit tagħkom fil-Mulej m’huwiex għalxejn.”—1 Korintin 15:58.
“Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.”—Ebrej 6:10.