Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xitan Kemm Huwa Reali Għalik?

Ix-Xitan Kemm Huwa Reali Għalik?

Ix-​Xitan Kemm Huwa Reali Għalik?

L-​ISKRITTURA titkellem dwar ix-​Xitan bħala persuna reali. Bħalma Alla hu inviżibbli għal għajnejn il-​bniedem, bl-​istess mod, ix-​Xitan huwa inviżibbli għall-​bnedmin. “Alla hu Spirtu,” tgħid il-​Bibbja. (Ġwanni 4:24) Ix-​Xitan huwa ħliqa spirtu. Madankollu, kuntrarju għall-​Ħallieq, ix-​Xitan kellu bidu.

Ħafna qabel ma Alla Ġeħova ħalaq il-​bnedmin, hu għamel kotra taʼ ħlejjaq spirti. (Ġob 38:​4, 7) Fil-​Bibbja dawn l-​ispirti jissejħu anġli. (Ebrej 1:​13, 14) Alla ħalaqhom kollha perfetti—lanqas wieħed minnhom ma kien xitan jew kellu xi traċċa taʼ ħażen fih. Għalhekk, mela, ix-​Xitan kif beda jeżisti? Il-​kelma “xitan” tfisser “kalunnjatur” u għalhekk tirreferi għal xi ħadd li jgħid gideb malizzjuż dwar ħaddieħor. Il-​kelma “Satana” tfisser “Avversarju,” jew wieħed li jopponi. Bħalma raġel onest jagħmel lilu nnifsu ħalliel għax jisraq, wieħed mill-​ulied spirti perfetti t’Alla aġixxa fuq xewqa ħażina u għamel lilu nnifsu Satana x-​Xitan. Il-​Bibbja tispjega l-​proċess b’dan il-​mod: “Kull bniedem jiġġarrab billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub; u meta d-​dnub jitwettaq, iġib il-​mewt.”—Ġakbu 1:​14, 15.

Dan huwa attwalment dak li ġara. Meta Alla Ġeħova ħalaq l-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, l-​anġlu li kien se jirribella kontra Alla beda jinnota dan kollu. Hu kien jaf li Ġeħova ta l-​kmand lil Adam u Eva biex jimlew l-​art b’nies ġusti, li kienu se jqimu lill-​Ħallieq. (Ġenesi 1:28) Dan l-​anġlu ra li kien hemm possibbiltà li jakkwista l-​unur u l-​importanza. Imqanqal mir-​regħba, hu xxennaq għal dak li hu mistħoqq biss lill-​Ħallieq—il-​qima mill-​bnedmin. Minflok ma warrab ħsieb ħażin bħal dan, dan l-​iben spirtu t’Alla kkultivah sakemm din ix-​xewqa qanqlitu biex jigdeb u mbagħad biex jirribella. Ikkunsidra x’għamel.

L-​anġlu ribelluż uża serp biex ikellem lill-​ewwel mara, Eva. “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-​siġar kollha tal-​ġnien’?” is-​serp staqsa lil Eva. Meta Eva qaltlu bil-​kmand t’Alla u l-​kastig li jaqilgħu jekk huma ma jobduhx, is-​serp qal: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-​nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 3:​1-5) L-​akkuża kienet li Alla ma kienx qal il-​verità lil Adam u Eva. Meta tiekol mill-​frotta taʼ dik is-​siġra, Eva suppost kellha ssir bħal Alla, li jkollha l-​awtorità tiddeċiedi x’kien tajjeb u x’kien ħażin. Din kienet l-​ewwel gidba li qatt intqalet. Billi qalha, dak l-​anġlu sar kalunnjatur. Hu sar ukoll wieħed li jopponi lil Alla. Għalhekk, il-​Bibbja tidentifika lil dan l-​għadu t’Alla bħala “s-​serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.”—Rivelazzjoni 12:9.

“Ibqgħu f’Sensikom”

Il-​gidba li x-​Xitan qal lil Eva rnexxiet bħalma kien ippjana. Il-​Bibbja tgħid: “U l-​mara rat li s-​siġra kienet tajba għall-​ikel u tiġbdek fil-​għajn, u s-​siġra tħajjrek biex tikseb id-​dehen; u ħadet mill-​frott u kielet. Mbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel.” (Ġenesi 3:6) Eva emmnet lil Satana u m’obdietx lil Alla. Kienet kapaċi twassal lil Adam biex jikser il-​liġi t’Alla wkoll. Għalhekk, ix-​Xitan irnexxielu jwassal lill-​ewwel koppja umana fit-​triq tar-​ribelljoni kontra Alla. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, Satana bil-​moħbi eżerċita influwenza sottili fuq l-​affarijiet tal-​bniedem. X’inhi l-​mira tiegħu? Li jwassal lin-​nies biex ma jibqgħux iqimu lill-​Alla l-​veru u jieħu l-​qima tagħhom lejh. (Mattew 4:​8, 9) Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li l-​Iskrittura twissi: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-​avversarju tagħkom, ix-​Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 Pietru 5:8.

Kemm tispjegah b’mod ċar il-​Bibbja l-​mod kif tiddeskrivi lix-​Xitan bħala persuna spirtu reali​—anġlu li sar korrott u perikoluż! L-​ewwel pass vitali biex inżommu għassa hu li nirrikonoxxu li hu tassew jeżisti. Iżda li nżommu s-​sensi tagħna u nibqgħu għassa jinvolvi iktar minn hekk. Huwa importanti li noqogħdu attenti wkoll li ma ninjorawx “il-​pjanijiet” u l-​metodi taʼ kif Satana jqarraq bin-​nies. (2 Korintin 2:11) X’inhuma l-​pjanijiet moħbijin tiegħu? U kif nistgħu nieqfu sodi kontrihom?

Ix-​Xitan Jieħu Vantaġġ mill-​Bżonn li Għandu l-​Bniedem

Ix-​Xitan ilu josserva lill-​bnedmin minn mindu dawn ġew maħluqin. Hu jaf kif inhu magħmul—il-​bżonnijiet, l-​interessi, u xxewqat tiegħu. Satana jaf sewwa li l-​bniedem ġie maħluq bi bżonn spiritwali, u x-​Xitan sfrutta bir-​reqqa dan il-​bżonn. Kif? Billi temaʼ lin-​nies gideb reliġjuż. (Ġwanni 8:44) Ħafna mit-​tagħlim reliġjuż dwar Alla huwa kontradittorju u mħawwad. L-​iskop taʼ min taħseb li dan jaqdi? Ma jistax ikun li t-​tagħlim kontradittorju kollu huwa veru. Għalhekk, ma taħsibx li huwa possibbli li ħafna mit-​tagħlim reliġjuż huwa magħmul speċifikament u użat minn Satana sabiex iqarraq bin-​nies? Fil-​fatt, il-​Bibbja tirreferi għalih bħala “l-​alla taʼ din is-​sistema,” li għema l-​imħuħ tan-​nies.—2 Korintin 4:4.

Il-verità divina tipprovdi protezzjoni kontra qerq reliġjuż. Il-​Bibbja tqabbel il-​verità tal-​Kelma t’Alla maʼ tip taʼ ċinturin li suldat fil-​qedem kien jilbes biex jipproteġi ġenbejh. (Efesin 6:14) Jekk tieħu għarfien mill-​Bibbja u timxi maʼ dak li tgħid, bħallikieku kont qed tilbsu bħal ċinturin, il-​Kelma t’Alla se tissalvagwardjak milli tiġi mqarraq mill-​gideb u mill-​iżbalji reliġjużi.

L-​inklinazzjoni spiritwali tal-​bniedem ġagħlitu jesplora dak li huwa misterjuż. Dan esponieh għal strateġiji oħra qarrieqa taʼ Satana. Billi sfrutta l-​kurżità tal-​bniedem dwar dak li hu stramb u misterjuż, Satana uża l-​ispiritiżmu biex iġib lil ħafna nies fil-​kontroll tiegħu. Bħalma nassâb juża lixka biex jattira lill-​priża tiegħu, Satana juża strateġiji bħalma huma l-​qari tax-​xorti, l-​astroloġija, l-​ipnotiżmu, is-​seħer, il-​qari taʼ l-​idejn, u l-​maġija biex jattira u jaqbad fin-​nassa lin-​nies madwar id-​dinja.—Levitiku 19:31; Salm 119:110.

Kif tistaʼ tipproteġi lilek innifsek min-​nassa taʼ l-​ispiritiżmu? Dewteronomju 18:​10-​12 jgħid: “Ma għandu jkun hemm ħadd f’nofsok li jgħaddi min-​nar lil ibnu jew lil bintu, lanqas min jeħber, min jitkixxef il-​ġejjieni, min jagħmel il-​magħmul u s-​sħarijiet, min isejjaħ l-​erwieħ, min jobsor u jistħarreġ il-​mejtin. Għax mistkerrah quddiem il-​Mulej kull min jagħmel dawn il-​ħwejjeġ; u minħabba dawn id-​drawwiet koroh li l-​Mulej, Alla tiegħek, se jkeċċihom minn quddiemek.”

Il-parir Skritturali huwa dirett: Ara li ma jkollok xejn x’taqsam maʼ l-​ispiritiżmu. Xi ngħidu jekk ilek tipprattika xi xorta taʼ spiritiżmu u issa tixtieq tieqaf? Tistaʼ ssegwi l-​parir tal-​Kristjani tal-​bidu fil-​belt taʼ Efesu. Meta aċċettaw “il-​kelma taʼ Ġeħova,” il-​Bibbja tgħid, “għadd ġmielu minn dawk li kienu jipprattikaw l-​arti tal-​maġija ġabru l-​kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd.” Dawk il-​kotba kienu jiswew il-​flus. Kienu jiswew madwar 50,000 biċċa tal-​fidda. (Atti 19:​19, 20) Madankollu, il-​Kristjani f’Efesu ma ħasbuhiex darbtejn biex jaħarquhom.

Satana Jonsob għad-​Dgħjufijiet tal-​Bniedem

Anġlu perfett sar Satana x-​Xitan minħabba li ċeda għax-​xewqa tal-​kburija. Hu qanqal xewqa egoistika f’Eva biex tkun bħal Alla. Illum, Satana jikkontrolla lil ħafna billi jqanqlilhom sentiment taʼ kburija. Per eżempju, xi wħud jaħsbu li r-​razza, il-​grupp etniku, jew in-​nazzjonalità tagħhom hija aħjar minn dik t’oħrajn. X’kuntrast maʼ dak li tgħallem il-​Bibbja! (Atti 10:​34, 35) Il-​Bibbja tgħid b’mod ċar: “Minn raġel wieħed [Alla] għamel il-​ġnus kollha tal-​bnedmin.”—Atti 17:26.

Strateġija effettiva kontra l-​kburija, li Satana jipprova jħajjarna għaliha, hija l-​umiltà. Il-​Bibbja twissina ‘biex ma naħsbux li aħna xi ħaġa iktar milli hu xieraq.’ (Rumani 12:3) “Alla jopponi lis-​suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-​umli,” tgħid il-​Bibbja. (Ġakbu 4:6) Mod wieħed kif nirreżistu l-​isforzi taʼ Satana huwa billi fil-​ħajja persunali tagħna nuru l-​umiltà u kwalitajiet oħra approvati minn Alla.

Ix-Xitan huwa ħerqan ukoll biex jieħu vantaġġ mid-​dgħjufijiet tal-​bniedem sabiex iċedi għal xewqat senswali li m’humiex xierqa. Alla Ġeħova xtaq li l-​bnedmin jieħdu gost bil-​ħajja. Meta x-​xewqat jiġu mwettqin fi qbil mar-​rieda t’Alla, ir-​riżultat ikun ferħ ġenwin. Iżda Satana jittanta lill-​bnedmin biex jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom b’modi immorali. (1 Korintin 6:​9, 10) Ikun aħjar li nżommu moħħna ffokat fuq affarijiet li huma safjin u taʼ virtù. (Filippin 4:8) Dan se jgħinek teżerċita kontroll sħiħ fuq il-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tiegħek.

Kompli Irreżisti lix-​Xitan

Jistaʼ jirnexxilek tirreżistih lix-​Xitan? Iva tistaʼ. Il-​Bibbja tassigurana: “Opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.” (Ġakbu 4:7) Anki jekk topponi lil Satana, hu m’huwiex se jaqtaʼ qalbu mill-​ewwel u jieqaf milli jikkaġunalek iktar inkwiet hekk kif tieħu l-​għarfien t’Alla. Le, ix-​Xitan se jerġaʼ jipprova “sakemm isib ħin konvenjenti ieħor.” (Luqa 4:13) Madankollu, m’għandekx għalfejn tibżaʼ mix-​Xitan. Jekk tkompli tiqaflu, hu ma jkunx jistaʼ jdawrek mill-​Alla l-​veru.

Madankollu, biex tirreżisti lix-​Xitan għandek bżonn issir taf min hu, kif iqarraq bin-​nies, u x’tistaʼ tagħmel int biex tirreżisti l-​istrateġiji tiegħu. Hemm sors wieħed biss għal dan l-​għarfien—il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Għalhekk, ibqaʼ determinat li tistudja l-​Iskrittura ispirata, u applika f’ħajtek dak li titgħallem minnha. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​inħawi tiegħek se jkunu ferħanin li jipprovdulek studju bħal dan bla ħlas fil-​ħin konvenjenti għalik. Jekk jogħġbok, taħsibhiex darbtejn biex tikkuntattjahom jew biex tikteb lill-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista.

Hekk kif tibda studju tal-​Bibbja, għandek bżonn tirrealizza li Satana jistaʼ juża l-​oppożizzjoni jew il-​persekuzzjoni biex iġagħlek tieqaf tistudja l-​verità mill-​Kelma t’Alla. Xi wħud mill-​maħbubin tiegħek jistgħu jirrabjaw miegħek minħabba li tkun qed tistudja l-​Bibbja. Dan jistaʼ jiġri għax ma jkunux jafu l-​veritajiet sbieħ misjuba fiha. Oħrajn forsi jwaqqgħuk għaċ-​ċajt. Imma jekk iċċedi għal dawn il-​pressjonijiet, se tkun qed togħġbu lil Alla? Ix-​Xitan irid jiskuraġġik biex b’hekk tieqaf titgħallem dwar l-​Alla l-​veru. Għala għandek tħalli lil Satana jirbaħ? (Mattew 10:​34-39) Int m’intix obbligat lejh. Ħajtek tafha lil Ġeħova. Għalhekk, kun determinat li tieqaf lix-​Xitan, u b’hekk tkun qed ‘tferraħ qalb’ Ġeħova.—Proverbji 27:11.

[Stampa f’paġna 6]

Dawk li saru Kristjani ħarqu l-​kotba tagħhom dwar l-​ispiritiżmu

[Stampa f’paġna 7]

Ħu deċiżjoni soda biex titgħallem il-​Bibbja