L-Uniku Rimedju!
L-Uniku Rimedju!
RAĠEL li jismu Lazzru u ħutu l-bniet, Marta u Marija, jgħixu f’Betanja, raħal li jinsab xi tliet kilometri ’l barra minn Ġerusalemm. Darba minnhom, meta seħibhom Ġesù jkun qed jivvjaġġa, Lazzru jimrad serjament. Ħutu l-bniet huma inkwetati ħafna għalih. Huma jibagħtu messaġġ lil Ġesù. Ftit żmien wara li jismaʼ l-aħbar, Ġesù jmur jara lil Lazzru. Hu u sejjer, Ġesù jinforma lid-dixxipli li hu sejjer hemm biex iqajjem lil Lazzru mill-irqad. Għall-ewwel id-dixxipli jifhmuh ħażin, imma mbagħad Ġesù jgħidilhom ċar u tond: “Lazzru miet.”—Ġwanni 11:1-14.
Meta Ġesù jasal ħdejn il-qabar taʼ Lazzru, hu l-ewwel jagħti l-istruzzjoni biex titneħħa l-ġebla li kienet qed tagħlaq id-daħla tal-qabar. Wara li jitlob b’leħen għoli, hu jikkmanda: “Lazzru, oħroġ!” U Lazzru joħroġ. Ir-raġel li kien ilu mejjet erbat ijiem ġie rxoxtat.—Ġwanni 11:38-44.
Ir-rakkont li jinvolvi lil Lazzru juri li l-irxoxt żgur li hu rimedju għall-mewt. Imma seħħ verament il-miraklu taʼ l-irxoxt taʼ Lazzru? Il-Bibbja tippreżentah bħala fatt. Aqra r-rakkont fi Ġwanni 11:1-44, u tara kemm huma reali d-dettalji. Tistaʼ tiċħad li dan seħħ verament? Jekk tagħmel hekk jistaʼ jkollok għalxiex tiddubita jekk il-mirakli kollha tal-Bibbja seħħewx verament, inkluż l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu nnifsu. U “jekk Kristu ma ġiex imqajjem,” tgħid il-Bibbja, “il-fidi [tiegħek] ma tiswa xejn.” (1 Korintin 15:17) L-irxoxt hu tagħlim Skritturali fundamentali. (Ebrej 6:1, 2) Però, xi jfisser it-terminu “rxoxt”?
Xi Jfisser l-“Irxoxt”?
Fl-Iskrittura Griega Kristjana, il-kelma “rxoxt” tidher iktar minn 40 darba. Hija tradotta mill-kelma Griega li letteralment tfisser “terġaʼ tqum bil-wieqfa.” L-espressjoni Ebrajka għall-istess kelma hi “ħajja mill-ġdid tal-mejtin.” Però, wara li individwu jmut, x’jiġi rxoxtat? Ma jistax ikun ġismu, li jidbiel u jerġaʼ lura lejn it-trab taʼ l-art. Dak li jiġi rxoxtat m’huwiex l-istess ġisem imma l-istess persuna li mietet. Għalhekk, l-irxoxt jinvolvi li jiġi restawrat il-mod taʼ ħajja taʼ l-individwu—il-karatteristiki persunali tiegħu, l-istorja persunali tiegħu, u d-dettalji kollha taʼ l-identità tiegħu.
Alla Ġeħova, li għandu memorja perfetta, ma jsib ebda problema biex jiftakar il-mod taʼ ħajja taʼ dawk li mietu. (Isaija 40:26) Ladarba hu l-Oriġinatur tal-ħajja, Ġeħova jistaʼ faċilment jirxoxta lill-istess persuna b’ġisem ifformat mill-ġdid. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Iktar minn hekk, il-Bibbja tgħid li Alla Ġeħova ‘jixxennaq’—għandu xewqa qawwija—li jirxoxta lill-mejtin. (Ġob 14:14, 15, Saydon) Kemm nistgħu nkunu grati li Ġeħova mhux biss jistaʼ jġib lill-individwu lura għall-ħajja imma wkoll hu jrid jagħmel dan!
Ġesù Kristu wkoll għandu rwol fundamentali fl-irxoxt tal-mejtin. Ftit iktar minn sena wara li beda l-ministeru tiegħu, Ġesù qal: “Bħalma l-Missier iqajjem il-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil min irid.” (Ġwanni 5:21) Ma turix l-esperjenza taʼ Lazzru li Ġesù Kristu għandu l-qawwa kif ukoll ix-xewqa li jirxoxta lill-mejtin?
Xi ngħidu għall-idea li xi ħaġa ġo fina tibqaʼ ħajja wara l-mewt? It-tagħlim taʼ l-irxoxt u l-idea taʼ l-immortalità tar-ruħ jew taʼ l-ispirtu tal-bniedem, fil-fatt, ma jaqblux bejniethom. Jekk xi ħaġa ġo fina tibqaʼ ħajja Ġwanni 11:23, 24) U meta ġie rxoxtat, Lazzru ma semmiex li esperjenza xi ħajja wara l-mewt. Hu kien mejjet. “Il-mejtin ma jafu xejn,” tgħid il-Bibbja. “Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet [il-qabar komuni tal-bniedem] fejn inti sejjer.”—Koħèlet 9:5, 10.
wara l-mewt, mela xi bżonn hemm li niġu rxoxtati? Oħt Lazzru, Marta, ma kinitx temmen li meta ħuha miet, hu kompla jeżisti fil-qasam taʼ l-ispirti. Hi kellha fidi fl-irxoxt. Meta Ġesù żguraha: “Ħuk iqum,” Marta qaltlu: “Naf li jqum fl-irxoxt fl-aħħar jum.” (Allura, skond il-Bibbja, l-uniku rimedju għall-mewt hu l-irxoxt. Imma mill-għadd kbir taʼ dawk kollha li mietu, min minnhom se jiġi rxoxtat, u fejn?
Min Se Jiġi Rxoxtat?
“Ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu [leħen Ġesù] u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Skond din il-wegħda, dawk li jinsabu fl-oqbra tat-tifkira—dawk li jinsabu fil-memorja taʼ Ġeħova—se jiġu rxoxtati. Allura, tqum il-mistoqsija, Minn dawk kollha li mietu, min tassew jinsab fil-memorja t’Alla jistenna li jiġi rxoxtat?
Fil-ktieb Bibliku t’Ebrej kapitlu 11 insibu lista taʼ rġiel u nisa li qdew lil Alla lealment. Dawn l-uħud flimkien maʼ qaddejja leali t’Alla li mietu fi snin reċenti se jkunu fost dawk li jiġu rxoxtati. Xi ngħidu għan-nies li ma żammewx mal-livelli sewwa t’Alla, forsi minħabba nuqqas t’għarfien? Jinsabu dawn ukoll fil-memorja t’Alla? Iva, ħafna minnhom huma, għaliex il-Bibbja twiegħed: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.”—Atti 24:15.
Madankollu, mhux kulmin għex s’issa se jiġi rxoxtat. “Jekk wara li nkunu rċivejna l-għarfien eżatt dwar il-verità nipprattikaw id-dnub għax irridu,” tgħid il-Bibbja, “ma jibqaʼ ebda sagrifiċċju għad-dnubiet, imma stennija tal-biżaʼ tal-ġudizzju.” Ebrej 10:26, 27) Xi wħud għamlu dnubiet li m’hemmx maħfra għalihom. Huma ma jinsabux f’Ħades (il-qabar komuni tal-bniedem) imma f’Geħenna, post li jissimbolizza qerda dejjiema. (Mattew 23:33) Però, irridu noqogħdu attenti li ma nispekulawx dwar jekk ċertu individwu huwiex se jiġi rxoxtat jew le. Dan il-ġudizzju jappartjeni lil Alla. Hu jaf min jinsab f’Ħades u min f’Geħenna. Fejn nidħlu aħna, ikun tajjeb li ngħixu ħajjitna skond ir-rieda t’Alla.
(Irxoxt għal Ħajja fis-Sema —Għal Min?
L-iktar irxoxt straordinarju kien dak taʼ Ġesù Kristu. Hu “ngħata l-mewt fil-laħam, imma ngħata l-ħajja fl-ispirtu.” (1 Pietru 3:18) Qabel dan, qatt ma kien hemm bniedem ieħor li esperjenza rxoxt bħal tiegħu. Ġesù nnifsu qal: “Ebda bniedem ma telaʼ fis-sema ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-bniedem.” (Ġwanni 3:13) Tabilħaqq, Bin il-bniedem kien l-ewwel wieħed li ġie rxoxtat bħala persuna spirtu. (Atti 26:23) U kellu jkun hemm oħrajn. L-Iskrittura tgħid: “Kull wieħed skond kif imissu: Kristu l-ewwel frott; wara, dawk li huma tal-Kristu matul il-preżenza tiegħu.”—1 Korintin 15:23.
Grupp żgħir taʼ nies—“dawk li huma tal-Kristu”—għandhom jiġu rxoxtati għal ħajja fis-sema għal skop speċjali. (Rumani 6:5) Huma se jaħkmu maʼ Kristu bħala ‘slaten fuq l-art.’ (Rivelazzjoni 5:9, 10) Iktar minn hekk, huma se jaqdu bħala qassisin għaliex se jkollhom sehem biex ineħħu l-effetti tad-dnub li l-umanità wirtet mill-ewwel bniedem, Adam. (Rumani 5:12) Dawk li jaħkmu maʼ Kristu bħala slaten u qassisin jammontaw għal 144,000. (Rivelazzjoni 14:1, 3) X’ġisem jirċievu meta jiġu rxoxtati? “Ġisem spiritwali,” tgħid il-Bibbja. Dan se jagħmilhielhom possibbli li jgħixu fis-sema.—1 Korintin 15:35, 38, 42-45.
Meta jseħħ l-irxoxt fis-smewwiet? It-tweġiba fl-1 Korintin 15:23 tgħid: “Matul il-preżenza [taʼ Kristu].” Il-ġrajjiet dinjin mill-1914 ’l hawn juru b’mod ċar li kemm il-preżenza taʼ Kristu kif ukoll “tmiem is-sistema” bdew f’din is-sena. (Mattew 24:3-7) Għalhekk, għandna għalxiex nikkonkludu li l-irxoxt fis-sema tal-Kristjani leali diġà beda, għalkemm, m’għandniex xi ngħidu, il-bnedmin ma jistgħux jarawh. Dan ifisser li l-appostli u l-Kristjani tal-bidu ġew irxoxtati għal ħajja fis-sema. Xi ngħidu għall-Kristjani ħajjin illum li għandhom it-tama ċerta mogħtija minn Alla li jaħkmu maʼ Kristu fis-sema? Huma jiġu rxoxtati “f’ħakka t’għajn,” jew mill-ewwel x’ħin imutu. (1 Korintin 15:52) Ladarba dawn il-144,000 bħala grupp żgħir se jiġu rxoxtati qabel l-għadd akbar li se jiġu rxoxtati għall-ħajja fuq l-art, huma jissejħu bħala “dawk li se jiġu rxoxtati minn taʼ l-ewwel” u “mill-ewwel irxoxt.”—Filippin 3:11; Rivelazzjoni 20:6.
Min Se Jiġi Rxoxtat għall-Ħajja fuq l-Art?
Skond l-Iskrittura, il-maġġuranza taʼ dawk li mietu se jiġu rxoxtati lura għall-ħajja fuq l-art. (Salm 37:29; Mattew 6:10) Waqt li kien qed jiddeskrivi l-viżjoni taʼ l-għaġeb taʼ l-uħud irxoxtati, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Il-baħar radd il-mejtin li kienu fih, u l-mewt u Ħades raddew il-mejtin li kienu fihom, u ġew ġudikati individwalment skond l-għemejjel tagħhom. U l-mewt u Ħades ġew mixħutin fl-għadira tan-nar. Din tfisser it-tieni mewt, l-għadira tan-nar.” (Rivelazzjoni 20:11-14) Dawk f’Ħades, jew Xeol—il-qabar komuni tal-bniedem—jinsabu fil-memorja t’Alla. Kull wieħed minnhom se jinħeles mill-qabda tal-mewt. (Salm 16:10; Atti 2:31) U kull wieħed minnhom se jiġi ġudikat skond l-għemejjel li jwettaq wara li jiġi rxoxtat. Imbagħad x’se jiġrilhom il-mewt u Ħades? Se jintefgħu fl-“għadira tan-nar.” Dan ifisser li l-mewt li l-bnedmin wirtu minn Adam m’hijiex se tibqaʼ teffettwahom.
Immaġina ftit xi prospett ferrieħi tagħti l-wegħda taʼ l-irxoxt lil dawk li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-mewt! Meta Ġesù rxoxta lill-uniku iben taʼ l-armla taʼ Najn, min jaf x’ferħ ħasset! (Luqa 7:11-17) U dwar il-ġenituri taʼ tifla taʼ 12-il sena li Ġesù rxoxta, il-Bibbja tgħid: “Mill-ewwel intilfu f’estasi kbira taʼ ferħ.” (Marku 5:21-24, 35-42; Luqa 8:40-42, 49-56) Tabilħaqq, fid-dinja l-ġdida mwiegħda minn Alla se nitgħaxxqu meta nilqgħu lura lill-maħbubin.
Illum, x’effett jistaʼ jkollu fuqna l-fatt li nafu l-verità dwar l-irxoxt? “Ħafna nies jibżgħu mill-mewt u jipprovaw ma jaħsbux dwarha,” tgħid The World Book Encyclopedia. Għala? Għaliex għal ħafna nies il-mewt hija misteru—xi ħaġa mhix magħrufa u li tbeżżgħek. Jekk inkunu nafu l-verità dwar il-kundizzjoni tal-mejtin u jkollna t-tama taʼ l-irxoxt, se jkollna l-kuraġġ jekk niġu biex niffaċċjaw “l-aħħar għadu, il-mewt.” (1 Korintin 15:26) Ukoll, dan l-għarfien jagħmilhielna iktar faċli biex nissaportu l-uġigħ li nħossu meta jmutilna xi ħabib tal-qalb jew xi qarib.
Meta se jibda l-irxoxt fuq l-art? Id-dinja llum hija mimlija bil-vjolenza, bil-ġlied, bit-tixrid tad-demm, u bit-tinġis. Kieku l-mejtin kellhom jiġu lura għall-ħajja fuq art bħal din, żgur li kwalunkwe ferħ ma jkunx dejjiemi. Però, il-Ħallieq wiegħed li dalwaqt se jtemm id-dinja preżenti kontrollata minn Satana. (Proverbji 2:21, 22; Danjel 2:44; 1 Ġwanni 5:19) L-iskop t’Alla għall-art dalwaqt se jitwettaq. Imbagħad, fid-dinja l-ġdida taʼ paċi li se jġib Alla, biljuni li bħalissa jinsabu reqdin fil-mewt se jerġgħu jiftħu għajnejhom.
Stampa f’paġna 7]
Ħafna mill-mejtin se jiġu rxoxtati għall-ħajja fuq l-art