Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meħlusin “b’Demm Prezzjuż”

Meħlusin “b’Demm Prezzjuż”

“Jeħtieġ li Aħna Nobdu lil Alla bħala Ħakkiem Iktar milli lill-​Bnedmin”

Meħlusin “b’Demm Prezzjuż”

L-​AKBAR għemil taʼ mħabba li wettaq Ġeħova kien dak li bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu biex joffri l-​ħajja umana perfetta tiegħu bħala prezz li tħallas għall-​fidwa. Bħala bnedmin midinbin, aħna għandna bżonnu tabilħaqq dan il-​ħelsien ladarba ebda bniedem imperfett “ma jistaʼ jifdi lilu nnifsu, jew jagħti lil Alla l-​prezz tal-​fidwa tiegħu . . . biex wieħed jgħix għal dejjem.” (Salm 49:​7-10 [49:​6-9, NW]) Kemm aħna grati li Alla “ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem”!—Ġwanni 3:16.

Il-fidwa kif tipprovdi l-​ħelsien? Ejja nikkunsidraw erbaʼ modi kif nistgħu niksbu l-​ħelsien minħabba dan l-​għemil taʼ l-​għaġeb kollu mħabba minn Alla Ġeħova.

Meħlusin Permezz tal-​Fidwa

L-​ewwelnett, is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù jistaʼ jeħlisna mid-​dnub li writna. Ilkoll kemm aħna nitwieldu fid-​dnub. Iva, aħna midinbin saħansitra qabel ma niksru l-​liġi taʼ Ġeħova. Dan kif? Rumani 5:12 jgħid: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-​dnub daħal fid-​dinja.” Bħala l-​ulied tal-​midneb Adam, aħna writna l-​kundizzjoni imperfetta tiegħu. Però, il-​ħlas tal-​fidwa jagħmilhielna possibbli li ninħelsu mill-​qabda tad-​dnub li writna. (Rumani 5:16) Ġesù ‘daq il-​mewt għal kull bniedem,’ billi ġarr il-​konsegwenzi tad-​dnub għan-​nisel taʼ Adam.—Ebrej 2:9; 2 Korintin 5:21; 1 Pietru 2:24.

It-tieni, il-​fidwa tistaʼ teħlisna mill-​effetti fatali tad-​dnub. “Il-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt.” (Rumani 6:23) Il-​konsegwenza tad-​dnub hija l-​mewt. Permezz tal-​mewta taʼ sagrifiċċju tiegħu, l-​Iben t’Alla għamilha possibbli li l-​bnedmin ubbidjenti jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Tabilħaqq, “min jeżerċita l-​fidi fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem; min ma jobdix lill-​Iben ma jarax il-​ħajja.”—Ġwanni 3:36.

Innota li aħna nistgħu ninħelsu mill-​effetti tad-​dnub biss jekk neżerċitaw fidi fl-​Iben t’Alla. Dan jinvolvi li nagħmlu bidliet f’ħajjitna u nġibuha fi qbil mar-​rieda t’Alla. Irridu niċħdu kull triq ħażina li forsi konna qed insegwu u nieħdu azzjoni biex nagħmlu dak li jogħġob lil Alla. L-​appostlu Pietru qal li għandna bżonn ‘nindmu u nduru lura sabiex dnubietna jitħassrulna.’—Atti 3:19.

It-tielet, is-​sagrifiċċju li offra Ġesù jeħlisna minn kuxjenza ħatja. Dawk kollha li jiddedikaw ruħhom lil Ġeħova u jsiru dixxipli mgħammdin taʼ Ibnu jesperjenzaw il-​faraġ. (Mattew 11:​28-30) Minkejja l-​imperfezzjoni tagħna, aħna nħossu ferħ kbir għaliex naqdu lil Alla b’kuxjenza nadifa. (1 Timotju 3:9; 1 Pietru 3:21) Meta nistqarru dnubietna u nieqfu nipprattikawhom, aħna nintwerew ħniena u l-​kuxjenza inkwetata tagħna ssib serħan.—Proverbji 28:13.

Il-​Fidwa Tipprovdi Għajnuna u Tama

Fl-​aħħar, billi neżerċitaw fidi fil-​fidwa, aħna ninħelsu mill-​biżaʼ dwar ir-​reputazzjoni tagħna m’Alla. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Jekk xi ħadd jidneb, għandna ajjutant mal-​Missier, lil Ġesù Kristu.” (1 Ġwanni 2:1) Dwar l-​irwol taʼ Ġesù bħala ajjutant, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Jistaʼ wkoll isalva għalkollox lil dawk li qed jersqu lejn Alla permezz tiegħu, għax hu dejjem ħaj biex jitlob bil-​ħniena għalihom.” (Ebrej 7:25) Sakemm ikollna xi traċċa tad-​dnub, se jibqaʼ jkollna bżonn is-​servizzi tal-​Qassis il-​Kbir Ġesù Kristu biex jgħinna jkollna reputazzjoni tajba m’Alla. Ġesù kif għamilha taʼ qassis il-​kbir għan-​nom tagħna?

Erbgħin jum wara l-​irxoxt tiegħu fis-​sena 33 E.K., Ġesù telaʼ s-​sema, fejn ippreżenta l-​valur tad-​“demm prezzjuż” lil Alla. Għalhekk, Ġesù dalwaqt se jeħles lill-​bnedmin ubbidjenti mid-​dnub u l-​mewt. * (1 Pietru 1:18, 19) Għal din ir-​raġuni, ma taqbilx li Ġesù Kristu jixraqlu l-​imħabba u l-​ubbidjenza tagħna?

Barra minn hekk, Alla Ġeħova jixraqlu l-​imħabba u l-​ubbidjenza tagħna. Bi mħabba hu għamilha possibbli għalina li jkollna l-​“ħelsien b’fidwa.” (1 Korintin 1:30) Aħna midjunin miegħu mhux biss għall-​ħajja li għandna issa imma wkoll għal kull prospett li għandna biex ingawdu l-​ħajja taʼ dejjem. Għalhekk, għandna kull raġuni biex “nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.”—Atti 5:29.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 12 Ara t-​2006 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Marzu/April.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 9]

KONT TAF?

• Ġesù telaʼ s-​sema mill-​Muntanja taż-​Żebbuġ.—Atti 1:​9, 12.

• Kienu biss l-​appostli leali taʼ Ġesù li rawh tielaʼ s-​sema.—Atti 1:​2, 11-13.