Gawdi l-Art Sabiħa Tagħna
Gawdi l-Art Sabiħa Tagħna
L-ASTRONOMI raw li l-post fejn jgħixu l-bnedmin huwa biss tikka ċkejkna fil-firxiet bla qjies taʼ l-univers bla tarf. Imkien iktar fl-univers fiżiku ma nstabet il-ħajja. Fuq il-pjaneta Art biss eżistew eżattament il-kundizzjonijiet tajbin.
Iktar minn hekk, aħna nistgħu ngawdu l-ħajja fuq dan il-globu mill-isbaħ. Kemm hu pjaċevoli li tħoss is-sħana tax-xemx f’xi ġurnata kiesħa! Min minna ma jħossux imqanqal meta jara xi veduta spettakolari taʼ tlugħ jew inżul ix-xemx? M’għandniex xi ngħidu, ix-xemx tagħna tagħmel iktar milli sempliċement tpaxxi s-sensi tagħna. Din hija vitali għall-eżistenza nfisha tagħna.
Għal miljuni bla għadd taʼ snin, il-forza tal-gravità tax-xemx żammet l-art u pjaneti oħrajn f’orbiti stabbli. U, bħalma jitgħallmu l-istudenti fl-iskola, is-sistema solari kollha kemm hi ddur madwar iċ-ċentru tal-galassja tagħna, it-Triq tal-Ħalib. Iżda fil-galassja tagħna, ix-xemx hija biss waħda minn iktar minn 100 biljun stilla li jduru madwar iċ-ċentru tal-galassja tagħna.
Il-galassja Triq tal-Ħalib hi miżmuma bil-gravità fi grupp taʼ madwar 35 galassja. Gruppi akbar jinkludu fihom eluf taʼ galassji. Is-sistema solari tagħna x’aktarx li ma kinitx tkun daqshekk stabbli kieku kienet tinsab fi grupp taʼ galassji ferm akbar u densi. Iżda, tabilħaqq, ftit reġjuni fl-univers “huma adattati għall-ħajja komplikata bħal tagħna,” jgħidu Guillermo Gonzalez u Jay W. Richards fil-ktieb tagħhom The Privileged Planet.
Hija l-eżistenza tal-ħajja fuq din il-pjaneta l-prodott taʼ xi kumbinazzjoni, ir-riżultat aċċidentali taʼ xi parti mill-“big bang”? Jew hemm xi skop akbar għall-ħajja fuq din il-pjaneta sabiħa Art?
Ħafna nies waslu għall-konklużjoni li l-art fejn ngħixu kienet disinjata speċifikament biex issostni l-ħajja. * Sekli ilu, poeta Ebrew ġibed l-attenzjoni lejn l-art u s-smewwiet. Hu kiteb: “Nħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-bniedem?” (Salm 8:4, 5 [8:3, 4, NW]) Il-poeta kien jemmen li bilfors kien hemm Ħallieq. Hija din konklużjoni raġunevoli fl-era xjentifika li qed ngħixu fiha?
[Nota taʼ taħt]
[Kaxxa/Stampa f’paġna 3]
“Minn ċerta distanza, l-Art tiddi donnha xi ġojjell blu fid-dlamijiet taʼ l-ispazju,” jgħid The Illustrated Science Encyclopedia—Amazing Planet Earth.
[Sors]
Globu: U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C./NASA