Irġiel Miżżewġin—Agħrfu li Kristu Hu l-Kap Tagħkom
Irġiel Miżżewġin—Agħrfu li Kristu Hu l-Kap Tagħkom
“Il-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu.”—1 KORINTIN 11:3.
1, 2. (a) Is-suċċess taʼ raġel miżżewweġ kif jistaʼ jitkejjel? (b) Għala huwa vitali li wieħed jagħraf li ż-żwieġ oriġina minn Alla?
KIEKU int kif tkejlu s-suċċess taʼ raġel miżżewweġ? Mill-abbiltajiet mentali jew fiżiċi tiegħu? Minn kemm hu kapaċi jaqlaʼ flus? Jew, iktar minn hekk, mill-mod kollu mħabba u qalb tajba li bih jittratta lil martu u lil uliedu? Meta jiġu ġudikati mill-mod kif jittrattaw lin-nisa tagħhom u lil uliedhom, ħafna rġiel miżżewġin ma tantx jidhru li huma taʼ suċċess għax huma influwenzati mill-ispirtu tad-dinja u mil-livelli tal-bniedem. Għala? Prinċipalment, dan jiġri minħabba li huma jonqsu li jagħrfu u japplikaw il-gwida taʼ l-Oriġinatur taż-żwieġ—il-Wieħed li kien “sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem.”—Ġenesi 2:21-24.
2 Ġesù Kristu kkonferma dan ir-rakkont Bibliku dwar kif Alla stabbilixxa l-arranġament taż-żwieġ billi qal lill-kritiċi taʼ żmienu: “Ma qrajtux li sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien [fiż-żwieġ] ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:4-6) Il-fatt hu li fattur primarju biex ikollok żwieġ li jirnexxi hu li tagħraf li ż-żwieġ oriġina minn Alla u li s-suċċess jiddependi mill-applikar taʼ l-istruzzjonijiet li nsibu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
Fattur Primarju biex Raġel Miżżewweġ Jirnexxi
3, 4. (a) X’għen lil Ġesù jkollu daqstant għarfien dwar iż-żwieġ? (b) Min hi l-mara figurattiva taʼ Ġesù, u l-irġiel miżżewġin kif għandhom jittrattaw lin-nisa tagħhom?
3 Għajnuna li biha raġel miżżewweġ jistaʼ jkollu suċċess hi li jistudja dak li qal Ġesù u jimita dak li kien jagħmel Hu. Ġesù kellu ħafna għarfien dwar is-suġġett għax hu kien preżenti meta nħolqot l-ewwel koppja umana, u kien preżenti wkoll meta żżewġu. Alla Ġeħova qallu: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna.” (Ġenesi 1:26, korsiv tagħna.) Iva, Alla kien qed ikellem lill-Wieħed li Hu ħalaq qabel ma ħalaq lil kwalunkwe bniedem jew ħaġa oħra u li ‘kien maġenbu bħala [“ħaddiem tas-sengħa,” NW].’ (Proverbji 8:22-30) Dan il-Wieħed huwa “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu.” Huwa “l-bidu tal-ħolqien li għamel Alla,” u kien jeżisti saħansitra qabel il-ħolqien taʼ l-univers materjali nnifsu.—Kolossin 1:15; Rivelazzjoni 3:14.
4 Ġesù huwa msejjaħ “il-Ħaruf t’Alla,” u b’mod figurattiv hu deskritt bħala raġel miżżewweġ. Darba minnhom anġlu qal: “Ejja ’l hawn ħa nurik l-għarusa, il-mara tal-Ħaruf.” (Ġwanni 1:29; Rivelazzjoni 21:9) Mela, min hi din l-għarusa, jew il-mara? “Il-mara tal-Ħaruf” hija magħmula mis-segwaċi leali taʼ Kristu li huma midlukin bl-ispirtu u li se jaqsmu miegħu l-ħakma tiegħu fis-sema. (Rivelazzjoni 14:1, 3) Għalhekk, il-mod li bih Ġesù ttratta lid-dixxipli tiegħu meta kien magħhom fuq l-art jipprovdi mudell taʼ kif l-irġiel miżżewġin għandhom jittrattaw lin-nisa tagħhom.
5. Ġesù għal min iservi bħala mudell?
5 Veru, fil-Bibbja, Ġesù huwa preżentat bħala eżempju għas-segwaċi kollha tiegħu, bħalma naqraw: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Madankollu, Ġesù huwa mudell b’mod partikulari għall-irġiel. Il-Bibbja tgħid: “Il-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu; u l-kap tal-mara hu r-raġel; u l-kap tal-Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Ladarba Kristu hu l-kap tar-raġel, l-irġiel miżżewġin għandhom bżonn jimitaw l-eżempju tiegħu. Għalhekk, biex il-familja tirnexxi u tkun hienja hemm bżonn li jiġi applikat il-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap. Għaldaqstant, l-irġiel miżżewġin għandhom bżonn jittrattaw man-nisa tagħhom bil-mod taʼ mħabba li Ġesù jittratta mal-mara figurattiva tiegħu, id-dixxipli midlukin tiegħu.
Kif Tiffaċċja l-Isfidi li Jinqalgħu fiż-Żwieġ
6. L-irġiel miżżewġin kif għandhom jgħammru man-nisa tagħhom?
6 Fid-dinja taʼ llum mimlija inkwiet, b’mod speċjali l-irġiel miżżewġin għandhom bżonn jimitaw l-eżempju taʼ Ġesù fejn tidħol il-paċenzja, l-imħabba, u s-sodizza biex jinżammu l-prinċipji ġusti. (2 Timotju 3:1-5) Rigward il-mudell li ħalla Ġesù, fil-Bibbja naqraw: “Intom l-irġiel miżżewġin komplu għammru man-nisa tagħkom skond l-għarfien.” (1 Pietru 3:7) Iva, l-irġiel miżżewġin għandhom bżonn jiffaċċjaw l-isfidi li jinqalgħu fiż-żwieġ bl-għarfien, l-istess bħalma Ġesù ffaċċja d-diffikultajiet. Hu sofra provi akbar minn dawk li qatt sofra kwalunkwe bniedem ieħor, imma hu kien konxju li Satana, id-demonji tiegħu, u din id-dinja mill-agħar kienu responsabbli għalihom. (Ġwanni 14:30; Efesin 6:12) Ġesù qatt ma kien sorpriż mill-provi li ffaċċja, u għalhekk lanqas l-imseħbin fiż-żwieġ m’għandhom ikunu sorpriżi meta jesperjenzaw “tribulazzjoni f’laħamhom.” Il-Bibbja twissi li dawk li jiżżewġu jistgħu jistennew li jkollhom tribulazzjonijiet bħal dawn.—1 Korintin 7:28.
7, 8. (a) X’inhu involut f’li l-irġiel miżżewġin jgħammru man-nisa tagħhom skond l-għarfien? (b) In-nisa miżżewġin għala jistħoqqilhom li jirċievu unur?
7 Il-Bibbja tgħid li l-irġiel miżżewġin għandhom jgħammru man-nisa tagħhom ‘skond l-għarfien, billi jonoraw lill-mara bħala reċipjent iktar dgħajjef.’ (1 Pietru 3:7) Minflok ma jiddomina l-mara tiegħu b’mod aħrax, bħalma l-Bibbja tgħid li kienu se jagħmlu ħafna rġiel b’mod in ġenerali, raġel miżżewweġ li jirbaħ l-approvazzjoni t’Alla se jonoraha. (Ġenesi 3:16) Hu jrid jittrattaha bħala xi ħaġa prezzjuża, u qatt ma juża s-saħħa fiżika tiegħu, peress li hu jkun iktar b’saħħtu minnha, biex iweġġagħha. Minflok, hu jrid jikkunsidra s-sentimenti tagħha, billi dejjem jittrattaha b’rispett u b’dinjità.
8 L-irġiel miżżewġin għala għandhom jonoraw lin-nisa tagħhom? Il-Bibbja twieġeb: “Ladarba intom ukoll werrieta magħhom tal-favur mhux mistħoqq tal-ħajja, sabiex ma jkunx hemm tfixkil għat-talb tagħkom.” (1 Pietru 3:7) L-irġiel miżżewġin għandhom bżonn jifhmu li Ġeħova ma jqisx lir-raġel li jaqdih bħala li hu superjuri għall-mara li taqdi lil Ġeħova wkoll. In-nisa li huma meqjusin bħala li huma denji taʼ l-approvazzjoni t’Alla se jirċievu l-istess premju li se jirċievu l-irġiel, jiġifieri, il-ħajja taʼ dejjem—ħafna saħansitra se jgawdu ħajja fis-sema fejn “la [hemm] raġel u lanqas mara.” (Galatin 3:28) Għalhekk, l-irġiel miżżewġin għandhom bżonn jiftakru li hija l-lealtà taʼ persuna li tagħmilha prezzjuża għal Alla. M’huwiex jekk individwu huwiex raġel jew mara, raġel miżżewweġ jew mara miżżewġa, jew saħansitra tifel jew tifla.—1 Korintin 4:2.
9. (a) Skond Pietru, l-irġiel miżżewġin għal liema raġuni għandhom jonoraw lin-nisa tagħhom? (b) Ġesù kif onora lin-nisa?
9 L-aħħar kliem taʼ l-appostlu Pietru jenfasizza l-bżonn li raġel miżżewweġ jittratta lil martu b’unur meta jgħid “sabiex ma jkunx hemm tfixkil għat-talb tagħkom.” Kemm jistaʼ jkun taʼ periklu jekk ikun hemm tfixkil bħal dan għat-talb! Jekk raġel miżżewweġ ma jonorax lil martu, Ġeħova saħansitra ma jismax it-talb tiegħu, bħalma ġara lil xi wħud mill-qaddejja t’Alla fil-passat li wrew attitudni taʼ traskuraġni. (Lamentazzjonijiet 3:43, 44) B’mod għaqli, irġiel Kristjani—kemm dawk miżżewġin u kemm dawk li qed jaħsbu biex jiżżewġu—se jistudjaw il-mod dinjituż li bih Ġesù ttratta lin-nisa. Hu laqagħhom bħala parti mill-grupp li kien qed jakkumpanjah fil-ministeru tiegħu, u ttrattahom b’qalb tajba u b’rispett. F’okkażjoni minnhom, Ġesù saħansitra rrivela verità taʼ l-għaġeb lin-nisa l-ewwel, u mbagħad qalilhom biex jinformaw lill-irġiel dwarha!—Mattew 28:1, 8-10; Luqa 8:1-3.
Eżempju b’Mod Speċjali għall-Irġiel Miżżewġin
10, 11. (a) L-irġiel miżżewġin b’mod speċjali għala għandhom jistudjaw l-eżempju taʼ Ġesù? (b) L-irġiel miżżewġin kif għandhom juru mħabba għan-nisa tagħhom?
10 Bħalma rajna qabel, il-Bibbja tqabbel ir-relazzjoni bejn raġel miżżewweġ u martu maʼ dik taʼ Kristu u l-“għarusa” tiegħu, li hija lkongregazzjoni taʼ segwaċi midlukin tiegħu. Il-Bibbja tgħid: “Ir-raġel hu l-kap taʼ martu bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni.” (Efesin 5:23) Dan il-kliem għandu jinkuraġġixxi lill-irġiel miżżewġin biex jeżaminaw il-mod kif Ġesù eżerċita l-istat taʼ kap fuq is-segwaċi tiegħu, jew il-mod kif kien imexxihom. Huwa biss jekk jagħmlu dan it-tip t’eżaminar li l-irġiel miżżewġin se jkunu kapaċi jsegwu sew l-eżempju taʼ Ġesù u jipprovdu direzzjoni, juru mħabba, u jieħdu ħsieb in-nisa bl-istess mod li Ġesù aġixxa mal-kongregazzjoni tiegħu.
11 Il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani: “Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efesin 5:25) Fil-kapitlu taʼ qabel fil-ktieb taʼ l-Efesin, il-“kongregazzjoni” hija msejħa “l-ġisem tal-Kristu.” Dan il-ġisem simboliku huwa magħmul minn ħafna membri li huma kemm irġiel u kemm nisa, u li lkoll kemm huma jikkontribwixxu biex il-ġisem jiffunzjona sew. M’għandniex xi ngħidu, Ġesù huwa “r-ras tal-ġisem, il-kongregazzjoni.”—Efesin 4:12; Kolossin 1:18; 1 Korintin 12:12, 13, 27.
12. Ġesù kif wera l-imħabba għall-ġisem figurattiv tiegħu?
12 Ġesù wera mħabba għall-ġisem figurattiv tiegħu, “il-kongregazzjoni,” partikolarment bil-mod ġentili li qeda l-interessi taʼ dawk li kienu se jsiru membri tal-kongregazzjoni. Per eżempju, meta d-dixxipli tiegħu kienu għajjenin hu qal: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.” (Marku 6:31) Meta kien qed jiddeskrivi l-attività taʼ Ġesù ftit sigħat biss qabel ġie maqtul, wieħed mill-appostli tiegħu kiteb: “Ġesù, għax ħabb lil tiegħu [jiġifieri, lill-membri tal-ġisem figurattiv tiegħu] . . . , baqaʼ jħobbhom sa l-aħħar.” (Ġwanni 13:1) X’eżempju mill-aqwa ta Ġesù tal-mod kif l-irġiel miżżewġin għandhom jittrattaw lin-nisa tagħhom!
13. L-irġiel miżżewġin liema twissija jingħataw dwar kif għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom?
13 Billi kompla juża l-eżempju li ħalla Ġesù għall-irġiel miżżewġin, l-appostlu Pawlu wissiehom: “L-irġiel b’dan il-mod għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. Min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-Kristu jagħmel ukoll lill-kongregazzjoni.” Pawlu żied jgħid: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.”—Efesin 5:28, 29, 33.
14. Raġel miżżewweġ kif jittratta l-ġisem fiżiku imperfett tiegħu, u dan x’jindika dwar il-mod kif għandu jittratta lil martu?
14 Aħseb dwar il-kliem taʼ Pawlu. Raġel li hu f’sensih qatt se jweġġaʼ lilu nnifsu apposta? Meta raġel jaħbat wieħed mis-swabaʼ taʼ saqajh, se joqgħod isawtu għax ikun waqqgħu? Dażgur li le! Sejjer raġel jumilja lilu nnifsu quddiem sħabu jew iseksek fuq in-nuqqasijiet tiegħu stess? Le! Mela għala għandu hu jsawwat lil martu bil-kliem, jew agħar minn hekk isawwatha fiżikament, jekk hi tieħu żball? L-irġiel miżżewġin m’għandhomx jikkunsidraw l-interessi tagħhom biss imma wkoll dawk tan-nisa tagħhom.—1 Korintin 10:24; 13:5.
15. (a)Ġesù x’għamel meta d-dixxipli tiegħu wrew dgħjufija umana? (b) Liema lezzjonijiet nistgħu nisiltu mill-eżempju tiegħu?
15 Ikkunsidra kif Ġesù wera li kien konċernat dwar id-dixxipli tiegħu fil-lejl taʼ qabel ma miet, meta huma wrew dgħjufija umana. Minkejja li għal darba wara l-oħra kien qalilhom biex jitolbu, huma spiċċaw biex raqdu tliet darbiet fil-ġnien tal-Ġetsemani. F’daqqa waħda ġew ċirkondati minn irġiel armati. Ġesù staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” Meta huma wiġbuh: “Lil Ġesù n-Nazzarenu,” hu wiġibhom: “Jien hu.” Billi kien jaf li s-siegħa tal-mewt tiegħu kienet waslet hu qal: “Għaldaqstant, jekk qed tfittxu lili, ħalluhom imorru lil dawn.” Ġesù dejjem qies il-benesseri tad-dixxipli tiegħu—parti mill-ġisem figurattiv tiegħu—u fittex mod kif jeħlishom. Billi jistudjaw kif Ġesù ttratta lid-dixxipli tiegħu, l-irġiel miżżewġin se jsibu ħafna prinċipji li jistgħu japplikaw dwar kif għandhom jittrattaw lin-nisa tagħhom.—Ġwanni 18:1-9; Marku 14:34-37, 41.
L-Imħabba taʼ Ġesù Ma Kinitx Ibbażata fuq l-Emozzjonijiet Biss
16.Ġesù kif kien iħossu dwar Marta, imma b’liema mod ikkoreġieha?
16 Il-Bibbja tgħid: “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru,” li spiss kienu jilqgħuh f’darhom. (Ġwanni 11:5) Madankollu, Ġesù ma żammx lura milli jagħti parir lil Marta meta hi tat attenzjoni żejda lill-ikla li kienet qed tipprepara, minħabba li dan illimitalha l-ħin li fih setgħet tirċievi istruzzjoni spiritwali mingħandu. Hu qalilha: “Marta, Marta, int ansjuża u mifxula dwar ħafna affarijiet. Iżda ftit affarijiet huma meħtieġa, jew sempliċement ħaġa waħda.” (Luqa 10:41, 42) Bla dubju l-affezzjoni evidenti tiegħu għal Marta għamlitha iktar faċli għaliha biex taċċetta l-parir tiegħu. B’mod simili, l-irġiel miżżewġin għandhom jittrattaw lin-nisa tagħhom b’qalb tajba u bi mħabba, billi jużaw kliem magħżul sewwa. Madankollu, meta jkun hemm bżonn taʼ korrezzjoni, huwa tajjeb li jesprimu ruħhom bil-mod kif għamel Ġesù.
17, 18. (a) Pietru kif ċanfar lil Ġesù, u Pietru għala kellu bżonn jiġi koreġut? (b) Raġel miżżewweġ liema responsabbiltà għandu?
17 F’okkażjoni oħra, Ġesù spjega lill-appostli li hu kellu jmur Ġerusalemm fejn kellu jiġi persegwitat “mix-xjuħ u l-qassisin ewlenin u l-iskribi, u li kellu jiġi maqtul, u fit-tielet jum jiġi mqajjem.” Għal dan Pietru ħa lil Ġesù fil-ġenb u beda jċanfru billi qal: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.” Jidher ċar li l-ħarsa taʼ Pietru kienet imċajpra mill-emozzjonijiet. Kien hemm bżonn taʼ korrezzjoni. Għalhekk, Ġesù qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana! Int tfixkil għalija, għax m’intix taħseb il-ħsibijiet t’Alla imma tal-bnedmin.”—Mattew 16:21-23.
18 Ġesù kien għadu kif qal x’kienet ir-rieda divina—jiġifieri, li hu kien se jsofri ħafna affarijiet u jinqatel. (Salm 16:10; Isaija 53:12) Għalhekk, Pietru m’għamilx sew li ċanfar lil Ġesù. Iva, Pietru kellu bżonn korrezzjoni soda, bħalma kultant ikollna bżonn ilkoll kemm aħna. Bħala l-kap tal-familja, raġel miżżewweġ għandu l-awtorità u r-responsabbiltà li jikkoreġi lill-membri tal-familja tiegħu, inkluż lil martu. Filwaqt li jkun hemm bżonn li jkun sod, din il-korrezzjoni għandha tingħata b’qalb tajba u bi mħabba. U bħalma Ġesù għen lil Pietru jkollu l-ħarsa x-xierqa, l-irġiel miżżewġin kultant għandhom mnejn ikollhom bżonn jagħmlu l-istess man-nisa tagħhom. Per eżempju, raġel miżżewweġ forsi b’qalb tajba jkollu bżonn jiġbed l-attenzjoni lejn għala hemm bżonn li jsir xi aġġustament jekk l-ilbies jew il-ġojjellerija jew l-irtokk tal-mara jibda jitbiegħed mill-eżempju modest li hu rikkmandat fl-Iskrittura.—1 Pietru 3:3-5.
Tajjeb li l-Irġiel Miżżewġin Ikunu Paċenzjużi
19, 20. (a) Liema problema żviluppat fost l-appostli taʼ Ġesù, u Ġesù kif ittrattaha? (b) Kemm kellhom suċċess l-isforzi taʼ Ġesù?
19 Jekk hemm xi żball li jrid jitranġa, l-irġiel miżżewġin m’għandhomx jistennew li l-isforzi sinċieri tagħhom biex jiġi koreġut se jkollhom suċċess mill-ewwel. Kien jirrikjedi sforz wara ieħor min-naħa taʼ Ġesù biex jikkoreġi l-attitudnijiet taʼ l-appostli tiegħu. Per eżempju, kienet qamet rivalità bejniethom li kienet reġgħet dehret lejn l-aħħar tal-ministeru taʼ Ġesù. Huma argumentaw dwar min minnhom kien jidher li kien l-akbar. (Marku 9:33-37; 10:35-45) Ftit wara li nqalgħet il-kwistjoni għat-tieni darba, Ġesù għamel arranġamenti biex jiċċelebra l-aħħar Qbiż magħhom. F’dik l-okkażjoni, ħadd minnhom ma ħa l-inizjattiva biex jagħmel ix-xogħol tal-ħasil tas-saqajn kollhom trab taʼ l-oħrajn, li għalihom kien taʼ disprezz. Imma Ġesù iva. Imbagħad qal: “Ħallejtilkom mudell.”—Ġwanni 13:2-15.
20 Irġiel miżżewġin li juru attitudni umli bħal dik taʼ Ġesù wisq probabbli se jkollhom il-kooperazzjoni u l-appoġġ tan-nisa tagħhom. Imma hemm bżonn li jkunu paċenzjużi. Iktar tard f’dik il-lejla tal-Qbiż, l-appostli reġgħu argumentaw dwar min minnhom kien jidher li kien l-akbar. (Luqa 22:24) Il-bdil fl-attitudnijiet u l-kondotta ħafna drabi jirrikjedi ż-żmien u jsir bil-mod. Madankollu, kemm hu premjanti meta jkollok riżultati pożittivi, bħalma ġara fost l-appostli!
21. Meta jiffaċċjaw l-isfidi llum, l-irġiel miżżewġin x’inhuma mħeġġin jiftakru u jagħmlu?
21 Illum, iż-żwieġ qed jiffaċċja sfidi akbar minn qatt qabel. Ħafna m’għadhomx jieħdu l-wegħdi taż-żwieġ bis-serjetà. Għalhekk, irġiel miżżewġin, irriflettu fuq l-oriġini taz-żwieġ. Ftakru li ż-żwieġ għandu oriġini divina, maħluq u stabbilit mill-Alla mimli mħabba tagħna, Ġeħova. Hu pprovda lil Ibnu Ġesù, mhux biss bħala l-Feddej tagħna—is-Salvatur tagħna—imma wkoll bħala mudell għall-irġiel miżżewġin biex jimitawh.—Mattew 20:28; Ġwanni 3:29; 1 Pietru 2:21.
Int Kif Twieġeb?
• Għala huwa importanti li nagħrfu minfejn oriġina ż-żwieġ?
• L-irġiel miżżewġin b’liema modi huma inkuraġġiti juru mħabba lejn in-nisa tagħhom?
• Liema eżempji tal-mod kif Ġesù ttratta d-dixxipli tiegħu juru kif raġel miżżewweġ għandu jeżerċita l-istat taʼ kap bħal Kristu?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 14]
L-irġiel miżżewġin għala għandhom jistudjaw l-eżempji taʼ kif Ġesù ttratta lin-nisa?
[Stampa f’paġna 15]
Meta d-dixxipli tiegħu kienu għajjenin, Ġesù wera konsiderazzjoni
[Stampa f’paġna 16]
L-irġiel miżżewġin għandhom jagħtu parir lin-nisa tagħhom b’qalb tajba u jużaw kliem magħżul sew