Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Tfal, Obdu lill-Ġenituri Tagħkom”

“Tfal, Obdu lill-Ġenituri Tagħkom”

“Tfal, Obdu lill-​Ġenituri Tagħkom”

“Tfal, obdu lill-​ġenituri tagħkom f’unjoni mal-​Mulej, għax dan hu sewwa.” —EFESIN 6:1.

1. L-​ubbidjenza kif tistaʼ tipproteġik?

 AĦNA għandna mnejn ninsabu ħajjin bħalissa minħabba li obdejna, filwaqt li oħrajn m’għadhomx ħajjin minħabba li naqsu milli jobdu. Jobdu xiex? It-​twissijiet, per eżempju dawk li jiġu mill-​ġisem tagħna li hu magħmul b’mod “taʼ l-​għaġeb.” (Salm 139:14) Għajnejna jaraw sħab iswed, u widnejna jisimgħu r-​ragħad. Imbagħad, iċ-​ċarġ taʼ l-​elettriku li jkun hemm fl-​arja jibda jqajmilna xagħarna. Għal dawk li ġew mgħallmin dwar il-​perikli li jistaʼ jkun hemm, dawn is-​sinjali huma kollha twissijiet biex ifittxu post għall-​kenn mill-​maltempata taʼ ragħad u silġ li tkun ġejja u li tistaʼ tipperikola l-​ħajja.

2. It-​tfal għala għandhom bżonn it-​twissijiet, u għala għandhom jobdu lill-​ġenituri tagħhom?

2 Intom iż-​żgħażagħ għandkom bżonn twissijiet dwar perikli li jistaʼ jkun hemm, u l-​ġenituri tagħkom għandhom ir-​responsabbiltà li jipprovdu dawn it-​twissijiet. Forsi tiftakar li qalulek: “Tmissx il-​forn għax jaħraq.” “Tmurx fejn hemm il-​baħar fond għax hu perikoluż.” “Ħares lejn iż-​żewġ naħat qabel taqsam it-​triq.” B’dispjaċir, xi tfal weġġgħu jew saħansitra mietu għax m’obdewx. L-​ubbidjenza lejn il-​ġenituri tiegħek hija “sewwa”​—tajba u xierqa. Huwa wkoll għaqli. (Proverbji 8:​33) Vers Bibliku ieħor jgħid li dan “jogħġob sew” lil Sidna Ġesù Kristu. Tabilħaqq, Alla jikkmandak biex tobdi lill-​ġenituri tiegħek.​—Kolossin 3:​20; 1 Korintin 8:6.

Barkiet Dejjiema taʼ l-​Ubbidjenza

3. X’inhi l-​“ħajja vera” għal ħafna minna, u t-​tfal kif jistgħu jittamaw li jgawduha?

3 L-​ubbidjenza lejn il-​ġenituri tiegħek tipproteġilek il-​“ħajja t’issa,” imma l-​ubbidjenza tagħmilha wkoll possibbli għalik li tgawdi l-​ħajja “li ġejja,” imsejħa l-​“ħajja vera.” (1 Timotju 4:8; 6:​19) Għal ħafna minna, il-​ħajja vera hi ħajja bla tmiem fuq l-​art fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, li hu jwiegħed lil dawk li jżommu lealment mal-​kmandamenti tiegħu. Kmandament minnhom li huwa verament importanti jgħid: “ ‘Onora lil missierek u lil ommok’; li hu l-​ewwel kmand b’wegħda: ‘Biex jaħbatlek tajjeb u ddum żmien twil fuq l-​art.’” Għalhekk, jekk tobdi lill-​ġenituri tiegħek, int se tkun ferħan. Il-​futur tiegħek se jkun mimli sigurtà, u x’aktarx li se tkun tistaʼ tgawdi ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna!​—Efesin 6:​2, 3.

4.It-tfal kif jistgħu jonoraw lil Alla, u b’hekk jibbenefikaw?

4 Meta tonora lill-​ġenituri tiegħek billi tobdihom, int tkun qed tonora wkoll lil Alla għax hu l-​wieħed li kkmandak biex tobdihom. Fl-​istess ħin, int se tibbenefika. “Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek,” tgħid il-​Bibbja. (Isaija 48:17; 1 Ġwanni 5:3) L-​ubbidjenza kif se tkun taʼ benefiċċju għalik? Se jagħmel lil ommok u lil missierek ferħanin, u min-​naħa l-​oħra huma żgur li se juru li huma kuntenti b’modi li se jagħmlu l-​ħajja tiegħek iktar ferħana. (Proverbji 23:​22-​25) Imma iktar importanti minn hekk, l-​ubbidjenza tiegħek se tagħmel lil Missierek tas-​sema ferħan, u hu se jippremjak b’modi taʼ l-​għaġeb! Ejja naraw kif Ġeħova bierek u pproteġa lil Ġesù, li qal hekk dwaru nnifsu: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.”​—Ġwanni 8:​29.

Ġesù​—Ħaddiem Bieżel

5. Liema raġunijiet hemm biex nemmnu li Ġesù kien ħaddiem bieżel?

5 Ġesù kien l-​ewwel wild t’ommu Marija. Ġużeppi, il-​missier adottiv tiegħu, kien mastrudaxxa. Ġesù wkoll sar mastrudaxxa, u milli jidher tgħallem is-​sengħa minn Ġużeppi. (Mattew 13:55; Marku 6:3; Luqa 1:​26-​31) Liema tip taʼ mastrudaxxa taħseb li kien Ġesù? Meta kien fis-​sema, qabel ma ġie mnissel b’mod mirakoluż minn ommu li kienet verġni, hu spjega bħala l-​għerf personifikat: “Jien kont maġenbu [Alla] bħala [“ħaddiem tas-​sengħa,” NW], l-​għaxqa tiegħu, jum wara ieħor.” Alla kien kuntent b’Ġesù, li fis-​sema kien ħaddiem bieżel. Taħseb int li meta kien fuq l-​art bħala tfajjel hu stinka wkoll biex ikun ħaddiem tas-​sengħa, mastrudaxxa tajjeb?​—Proverbji 8:​30; Kolossin 1:​15, 16.

6. (a) X’juri li Ġesù kien jagħmel xi xogħol id-​dar meta kien żgħir? (b) It-​tfal b’liema modi jistgħu jimitaw lil Ġesù?

6 Bla dubju taʼ xejn, meta Ġesù kien għadu tifel, kultant kien joqgħod jilgħab, bħalma tgħid il-​Bibbja li t-​tfal kienu jagħmlu fiż-​żminijiet bikrin. (Żakkarija 8:5; Mattew 11:​16, 17) Madankollu, int tistaʼ tibqaʼ ċert li bħala t-​tifel il-​kbir taʼ familja kbira u fqira, minbarra li jieħu t-​taħriġ minn Ġużeppi biex isir mastrudaxxa, hu kellu jgħin fix-​xogħol tad-​dar. Iktar tard, Ġesù sar predikatur u ddedika lilu nnifsu għall-​ministeru sal-​punt li ssagrifika l-​kumditajiet persunali. (Luqa 9:​58; Ġwanni 5:​17) Tistaʼ tara modi li bihom int tistaʼ timita lil Ġesù? Il-​ġenituri tiegħek ġieli jitolbuk tnaddaf kamartek jew tagħmel xi xogħol ieħor fid-​dar? Jinkuraġġuk huma biex tieħu sehem fil-​qima lil Alla billi tattendi l-​laqgħat Kristjani u taqsam it-​twemmin tiegħek m’oħrajn? B’liema mod taħseb li kien iwieġeb iċ-​ċkejken Ġesù għal talbiet bħal dawn?

Student tal-​Bibbja u Għalliem Ħabrieki

7. (a) Ġesù maʼ min għandu mnejn li vvjaġġa għall-​Qbiż? (b) Fejn kien Ġesù meta l-​oħrajn kienu qed jivvjaġġaw lura lejn id-​dar, u għala kien hemm?

7 Is-​subien u l-​irġiel kollha tal-​familji Iżraelin kienu kmandati biex imorru jaqdu lil Ġeħova fit-​tempju matul it-​tliet festi tal-​Lhud. (Dewteronomju 16:16) Meta Ġesù kellu 12-il sena, x’aktarx li l-​familja kollha tiegħu għamlet il-​vjaġġ lejn Ġerusalemm għall-​Qbiż. X’aktarx, dan inkluda lill-​ulied oħrajn taʼ Marija u Ġużeppi. Madankollu, dawk li kienu qed jivvjaġġaw mal-​familja taʼ Ġesù għandhom mnejn inkludew lil Salomè, li wisq probabbli kienet oħt Marija, flimkien maʼ żewġha Żebedew u t-​tfal tagħhom Ġakbu u Ġwanni, li iktar tard saru appostli. * (Mattew 4:​20, 21; 13:​54-​56; 27:56; Marku 15:40; Ġwanni 19:25) Hekk kif kienu sejrin lura, Ġużeppi u Marija setgħu assumew li Ġesù kien maʼ xi qraba, u għalhekk ma indunawx mill-​ewwel li kien nieqes. Tlett ijiem wara, meta Marija u Ġużeppi fl-​aħħar sabu lil Ġesù, hu kien fit-​tempju, “bil-​qiegħda f’nofs l-​għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.”​—Luqa 2:​44-​46.

8. Ġesù x’għamel fit-​tempju, u n-​nies għala baqgħu mistagħġbin?

8 Ġesù b’liema mod kien qed ‘jistaqsi’ lill-​għalliema? Il-​mistoqsijiet tiegħu forsi ma kinux biex sempliċement jaqtaʼ l-​kurżità jew jikseb xi informazzjoni. Il-​kelma Griega li tintuża hawn tistaʼ tirreferi għall-​interrogazzjoni li ssir f’eżaminar ġudizzjarju, u b’hekk tistaʼ tinvolvi interrogazzjoni taʼ xhud li jkun diġà ta x-​xiehda tiegħu sabiex jaraw jekk jaqbduhx f’gidba. Iva, saħansitra bħala żagħżugħ, Ġesù kien sar student tal-​Bibbja li għaġġeb lill-​għalliema reliġjużi li kellhom edukazzjoni għolja! “Dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-​tweġibiet tiegħu,” tgħid il-​Bibbja.​—Luqa 2:​47.

9. Kif tistaʼ ssegwi l-​eżempju taʼ Ġesù meta tistudja l-​Bibbja?

9 Għalfejn taħseb li t’età żgħira Ġesù kien kapaċi jgħaġġeb bl-​għarfien tiegħu tal-​Bibbja saħansitra lil għalliema li kienu taʼ l-​esperjenza? M’għandniex xi ngħidu, hu ġie mbierek b’ġenituri li kienu jibżgħu minn Alla u li pprovdewlu istruzzjoni divina sa minn ċkunitu. (Eżodu 12:​24-​27; Dewteronomju 6:​6-​9; Mattew 1:​18-​20) Nistgħu nibqgħu ċerti li Ġużeppi kien jieħu lil Ġesù bħala tfajjel fis-​sinagoga biex jismaʼ l-​Iskrittura tinqara u tiġi diskussa. Imbierek int ukoll b’ġenituri li jistudjaw il-​Bibbja miegħek u jiħduk il-​laqgħat Kristjani? Tapprezzahom int l-​isforzi tagħhom, bħalma Ġesù apprezza l-​isforzi tal-​ġenituri tiegħu? Taqsam int dak li titgħallem m’oħrajn, bħalma għamel Ġesù?

Ġesù Kien Sottomess

10. (a) Il-ġenituri taʼ Ġesù għala suppost kienu jafu fejn kellhom isibuh? (b) Liema eżempju tajjeb jagħti Ġesù lit-​tfal?

10 Kif taħseb li ħassewhom Marija u Ġużeppi wara li fl-​aħħar kienu sabu lil Ġesù fit-​tempju wara tlett ijiem? Bla dubju taʼ xejn huma ħadu r-​ruħ. Madankollu, Ġesù wera li kien sorpriż li l-​ġenituri tiegħu ma kinux jafu fejn kien. It-​tnejn li huma kienu jafu dwar il-​miraklu tat-​twelid taʼ Ġesù. Barra minn hekk, għalkemm ma kinux jafu d-​dettalji kollha, huma kienu jafu xi ħaġa dwar l-​irwol futur tiegħu bħala Salvatur u bħala Ħakkiem tas-​Saltna t’Alla. (Mattew 1:​21; Luqa 1:​32-​35; 2:​11) Għalhekk, Ġesù staqsiehom: “Għalfejn fittixtuni? Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?” Madankollu, b’ubbidjenza Ġesù telaq mal-​ġenituri tiegħu u mar lura d-​dar f’Nazaret. Il-​Bibbja tgħid: “[Hu] baqaʼ sottomess lejhom.” Iktar minn hekk, “ommu baqgħet iżżomm dan il-​kliem kollu f’qalbha.”​—Luqa 2:​48-​51.

11. Liema lezzjoni dwar l-​ubbidjenza tistaʼ titgħallem minn Ġesù?

11 Issibha faċli int biex timita lil Ġesù, billi dejjem tobdi lill-​ġenituri tiegħek? Jew tħoss li spiss huma ma jifhmux id-​dinja taʼ llum u li int taf iktar milli jafu huma? Ngħiduha kif inhi, forsi int taf iktar minnhom dwar ċerti affarijiet​—forsi dwar kif għandek tuża telefon ċellulari, kompjuter, jew xi tagħmir modern ieħor. Imma aħseb ftit dwar Ġesù, li għaġġeb lil għalliema taʼ l-​esperjenza “b’kemm kien jifhem u bit-​tweġibiet tiegħu.” Għandek mnejn taqbel li meta mqabbel miegħu, int ftit taf. Madankollu, Ġesù kien sottomess lejn il-​ġenituri tiegħu. Dan mhux neċessarjament ifisser li hu dejjem kien jaqbel mad-​deċiżjonijiet tagħhom. Minkejja dan, hu “baqaʼ sottomess lejhom”​—tul iż-​żgħożija kollha tiegħu. Liema lezzjoni taħseb li tistaʼ titgħallem mill-​eżempju tiegħu?​—Dewteronomju 5:​16, 29.

L-​Ubbidjenza​—Sfida

12. L-​ubbidjenza kif tistaʼ ssalvalek ħajtek?

12 M’huwiex dejjem faċli li tkun ubbidjenti, bħalma nistgħu naraw minn dak li ġara ftit tas-​snin ilu meta żewġt ibniet kienu se jaqsmu jiġru fi triq prinċipali traffikuża minflok ma jużaw il-​passaġġ għan-​nies li kien jgħaddi minn fuq it-​triq. “U ejja John,” bdew iħeġġu huma lil wieħed li kien miexi magħhom hekk kif kien sejjer lejn dan il-​passaġġ li kien jgħaddi minn fuq it-​triq. “Int ġej magħna, hux hekk?” Meta rawh li beda jżomm lura, waħda mill-​bniet bdiet tgħajru, “Ja beżżiegħ!” Għalkemm John ma kienx qed jibżaʼ, hu qalilhom, “Irrid nismaʼ minn ommi.” Ftit ħin biss wara, hekk kif kien għaddej jimxi mill-​passaġġ, hu semaʼ l-​ħoss taʼ roti jwerżqu u ttawwal ’l isfel u ra li l-​bniet hekk kif tajrithom karozza. Waħda mill-​bniet mietet, u l-​oħra tant weġġgħet serjament li kellhom jaqtgħulha riġlejha barra. Omm iż-​żewġt ibniet, li kienet qaltilhom biex jgħaddu mill-​passaġġ, iktar tard qalet lil omm John: “Kemm nixtieq li kienu ubbidjenti daqs it-​tifel tiegħek.”​—Efesin 6:1.

13. (a) Għala għandek tobdi lill-​ġenituri tiegħek? (b) Meta jkun xieraq li tifel jew tifla ma tagħmilx dak li ġenitur jgħidilha biex tagħmel?

13 Alla għala qal: “Tfal, obdu lill-​ġenituri tagħkom”? Meta tobdi lill-​ġenituri tiegħek tkun qed tobdi lil Alla. Barra minn hekk, il-​ġenituri tiegħek għandhom iktar esperjenza minnek. Per eżempju, ħames snin biss qabel ma seħħ l-​aċċident li ssemma hawn fuq, omm John kellha ħabiba li t-​tifel tagħha kien miet meta kien qed jipprova jaqsam minn din l-​istess triq! Veru, mhux dejjem ikun faċli li tobdi lill-​ġenituri tiegħek, imma Alla jgħid li hekk għandek tagħmel. Min-​naħa l-​oħra, li kieku l-​ġenituri tiegħek​—jew oħrajn​—jgħidulek biex tigdeb, tisraq, jew tagħmel xi ħaġa li Alla ma japprovax, int għandek ‘tobdi lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.’ Huwa għalhekk li wara li tgħid “obdu lill-​ġenituri tagħkom,” il-​Bibbja żżid, “f’unjoni mal-​Mulej.” Dan jinvolvi li tobdi lill-​ġenituri tiegħek f’dak kollu li hu fi qbil mal-​liġijiet t’Alla.​—Atti 5:​29.

14. L-​ubbidjenza għala hija iktar faċli għal min hu perfett, imma għala xorta jkollu bżonn jitgħallem dwarha?

14 Taħseb int li kieku kont perfett​—jiġifieri, “bla tinġis, mifrud mill-​midinbin,” bħalma kien Ġesù​—kien se jkun dejjem faċli għalik biex tobdi lill-​ġenituri tiegħek? (Ebrej 7:​26) Kieku kont perfett, ma kontx tkun imħajjar tagħmel dak li hu ħażin, bħalma int issa. (Ġenesi 8:​21; Salm 51:7 [51:​5, NW]) Madankollu, anki Ġesù kellu jitgħallem lezzjonijiet dwar l-​ubbidjenza. Il-​Bibbja tgħid: “Għalkemm [Ġesù] kien Iben, tgħallem l-​ubbidjenza minn dak li sofra.” (Ebrej 5:8) Is-​sofferenza kif għenet lil Ġesù jitgħallem l-​ubbidjenza, lezzjoni li qatt ma kellu għalfejn jitgħallem meta kien fis-​sema?

15, 16. Ġesù kif tgħallem l-​ubbidjenza?

15 Taħt id-​direzzjoni taʼ Ġeħova, Ġużeppi u Marija pproteġew lil Ġesù mill-​ħsara meta kien għadu tifel. (Mattew 2:​7-​23) Madankollu, maż-​żmien Alla neħħa l-​protezzjoni sopranaturali minn fuq Ġesù. Is-​sofferenza mentali u fiżika li għadda minnha Ġesù tant saret kbira li l-​Bibbja tgħid li “talab bil-​ħerqa u wkoll offra petizzjonijiet . . . b’għajat qawwi u dmugħ.” (Ebrej 5:7) Dan meta ġara?

16 B’mod partikulari, dan seħħ matul laħħar sigħat taʼ ħajjet Ġesù fuq l-​art meta Satana għamel attakk sfrenat biex ikisser l-​integrità Tiegħu. Milli jidher, Ġesù tant kien imkisser bi ħsibijiet dwar kif il-​mewt tiegħu bħala bniedem mill-​agħar, għalkemm dan ma kienx minnu, setgħet tirrifletti ħażin fuq isem Missieru li hu “kompla jitlob iktar [fil-ġnien tal-​Ġetsemani] u l-​għaraq tiegħu beda nieżel fl-​art bħal qtar tad-​demm.” Ftit sigħat wara, il-​mewta tiegħu fuq iz-​zokk tat-​tortura tant kienet taʼ wġigħ li Ġesù tniehed “b’għajat qawwi u [bid-]dmugħ.” (Luqa 22:​42-​44; Marku 15:34) Għalhekk, hu “tgħallem l-​ubbidjenza minn dak li sofra,” u b’hekk ferraħ qalb Missieru. Issa li qiegħed fis-​sema, Ġesù jħoss l-​uġigħ tagħna hekk kif spiss nissieltu biex inkunu ubbidjenti.—Proverbji 27:11; Ebrej 2:​18; 4:​15.

Nitgħallmu l-​Lezzjoni taʼ l-​Ubbidjenza

17. Kif għandna nħossuna meta niġu dixxiplinati?

17 Meta missierek u ommok jiddixxiplinawk ikunu qed juru li jixtiqulek il-​ġid, li jħobbuk. Il-​Bibbja tpoġġi l-​mistoqsija: “Liema iben ma jiġix dixxiplinat minn missieru?” Ma kienx ikun taʼ niket li kieku l-​ġenituri tiegħek ma kinux iħobbuk biżżejjed biex jieħdu l-​ħin u jagħmlu l-​isforz biex jikkoreġuk? B’mod simili, minħabba li Ġeħova jħobbok, hu jikkoreġik. “Veru, fil-​preżent ebda dixxiplina ma tidher li hi taʼ ferħ, imma taʼ niket; iżda wara, lil dawk li jkunu tħarrġu biha tagħtihom frott li jġib il-​paċi, jiġifieri, is-​sewwa.”​—Ebrej 12:​7-​11.

18. (a) Id-dixxiplina bi mħabba hija evidenza taʼ liema ħaġa? (b) B’liema modi pożittivi rajt il-​ħajja taʼ xi wħud tiġi msawra minn dixxiplina bħal din?

18 Sultan tal-​qedem f’Iżrael, li Ġesù semmieh għall-​għerf kbir tiegħu, tkellem dwar il-​bżonn tal-​korrezzjoni kollha mħabba mill-​ġenituri. “Min iżomm lura l-​bastun jobgħod lil ibnu,” kiteb Salamun, “imma min iħobbu jieħu ħsieb iwiddbu.” Salamun saħansitra qal li dak li jiġi koreġut bi mħabba jkun qed jiġi meħlus mill-​mewt infisha. (Proverbji 13:24; 23:​13, 14; Mattew 12:42) Waħda mara Kristjana tiftakar li meta kienet għadha tifla u kienet toqgħod imqarba fil-​laqgħat Kristjani, missierha kien jgħidilha li malli jaslu d-​dar kien se jiddixxiplinaha. Issa tiftakar f’missierha b’għożża talli d-​dixxiplina li taha bi mħabba sawritilha ħajjitha b’mod tajjeb.

19. Għala għandek tobdi speċjalment lill-​ġenituri tiegħek?

19 Jekk int għandek ġenituri li jħobbuk, tant li jieħdu l-​ħin u jagħmlu sforz biex jiddixxiplinawk bi mħabba, kun grat. Obdihom, saħansitra bħalma Sidna Ġesù Kristu obda lill-​ġenituri tiegħu, Ġużeppi u Marija. Imma obdihom speċjalment minħabba li Missierek tas-​sema, Alla Ġeħova, jgħidlek biex tagħmel dan. B’hekk, int stess se tibbenefika u se “jaħbatlek tajjeb u ddum żmien twil fuq l-​art.”​—Efesin 6:​2, 3.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 7 Ara l-​Insight on the Scriptures, it-​tieni volum, paġna 841, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Int Kif Twieġeb?

• X’inhuma l-​benefiċċji li jirċievu t-​tfal meta jobdu lill-​ġenituri tagħhom?

• Bħala tifel, Ġesù kif ta eżempju f’li jobdi lill-​ġenituri tiegħu?

• Ġesù kif tgħallem l-​ubbidjenza?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 24]

Ġesù kien jafha sewwa l-​Isrittura meta kellu tnax-il sena

[Stampa f’paġna 26]

Ġesù kif tgħallem l-​ubbidjenza mis-​sofferenza?