Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Marku
Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Marku
L-EVANĠELJU taʼ Marku huwa l-iqsar wieħed mill-erbaʼ Evanġelji. Miktub minn Ġwanni Marku xi 30 sena wara l-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu, huwa rakkont mexxej u mimli azzjoni dwar it-tliet snin u nofs taʼ ministeru taʼ Ġesù.
Il-ktieb taʼ Marku, li milli jidher kien miktub għal nies li ma kinux Lhud, b’mod partikulari għar-Rumani, jippreżenta lil Ġesù bħala l-Iben t’Alla li jagħmel il-mirakli u li jwettaq kampanja vigoruża taʼ ppridkar. L-enfasi qiegħda fuq dak li wettaq Ġesù iktar milli fuq dak li għallem. Jekk nagħtu attenzjoni għall-Evanġelju taʼ Marku se nsaħħu l-fidi tagħna fil-Messija u se nitqanqlu biex inkunu xandara żelużi tal-messaġġ t’Alla fil-ministeru Kristjan.—Ebr. 4:12.
MINISTERU KBIR FIL-GALILIJA
Wara li fl-ewwel 14-il vers jirrakkonta fil-qosor dwar l-attività taʼ Ġwanni l-Għammied u dwar l-40 jum li Ġesù qattaʼ fix-xagħri, Marku jibda jikteb rapport eċċitanti dwar il-ministeru taʼ Ġesù fil-Galilija. L-użu ripetut taʼ l-espressjoni “minnufih” jagħti sens t’urġenza lir-rakkont.—Mk. 1:10, 12.
F’inqas minn tliet snin, Ġesù jlesti tliet kampanji taʼ ppridkar fil-Galilija. Fil-biċċa l-kbira Marku jippreżenta r-rakkont fl-ordni skond kif seħħew il-ġrajjiet. Il-Priedka taʼ fuq il-Muntanja u ħafna mit-taħditiet twal taʼ Ġesù tħallew barra.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:15—“Iż-żmien stabbilit” għal liema ħaġa kien twettaq? Ġesù kien qed jgħid li ż-żmien stabbilit kien twettaq biex hu jibda l-ministeru tiegħu. Peress li hu kien preżenti u kien ġie nominat bħala Sultan, is-Saltna t’Alla kienet qorbot. Nies b’attitudni xierqa setgħu jiġu mqanqlin permezz tax-xogħol tiegħu taʼ ppridkar u jieħdu passi li jwassluhom biex jiksbu l-approvazzjoni t’Alla.
1:44; 3:12; 7:36—Ġesù għala ma riedx li tingħata pubbliċità għall-mirakli tiegħu? Hu ma riedx li n-nies jaslu għal konklużjonijiet ibbażati fuq rapporti sensazzjonali jew forsi anki mhux korretti. Ġesù ried li huma stess jaraw l-evidenza li hu kien il-Kristu u jieħdu deċiżjoni persunali bbażata fuq din l-evidenza. (Is. 42:1-4; Mt. 8:4; 9:30; 12:15-21; 16:20; Lq. 5:14) Eċċezzjoni waħda kienet il-każ tar-raġel li qabel kien maħkum mid-demonji fl-art tal-Gerasin. Ġesù qallu biex imur id-dar u jgħid b’kulma ġralu lil qrabatu. Ġesù kien ġie mitlub jitlaq minn dawk l-inħawi, u għalhekk ma kien se jkollu ebda kuntatt, jew ftit li xejn, man-nies t’hemmhekk. Il-preżenza u x-xiehda taʼ raġel li miegħu Ġesù kien għamel opra tajba setgħu għenu biex ipattu għal xi kliem negattiv dwar it-telfa tal-ħnieżer.—Mk. 5:1-20; Lq. 8:26-39.
2:28—Ġesù għala jissejjaħ “saħansitra Sid is-Sabat”? “Il-Liġi hi biss dell taʼ l-affarijiet tajbin li għandhom jiġu,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Ebr. 10:1) Bħalma stqarret il-Liġi, is-Sabat kien jiġi wara sitt ijiem taʼ xogħol, u Ġesù wettaq ħafna mill-mirakli tiegħu taʼ fejqan f’dan il-jum. Dan iffigura bil-quddiem il-mistrieħ taʼ paċi u barkiet oħrajn li l-bnedmin se jgawdu taħt ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu wara t-tmiem tal-ħakma ħarxa taʼ Satana. Għalhekk, is-Sultan taʼ din is-Saltna huwa wkoll “Sid is-Sabat.”—Mt. 12:8; Lq. 6:5.
3:5; 7:34; 8:12—Marku kif setaʼ jkun jaf id-dettalji dwar l-istat emozzjonali taʼ Ġesù? Marku la kien wieħed mit-12-il appostlu u lanqas xi ħabib mill-qrib taʼ Ġesù. Skond it-tradizzjoni tal-qedem, ħafna mill-informazzjoni taʼ Marku ġiet mingħand l-appostlu Pietru, ħabib intimu taʼ Marku.—1 Pt. 5:13.
6:51, 52—X’kienet “it-tifsira tal-ħobż” li d-dixxipli ma fehmux? Ftit sigħat biss qabel, Ġesù kien temaʼ 5,000 raġel, kif ukoll nisa u tfal, b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. “It-tifsira tal-ħobż” li d-dixxipli kien imisshom fehmu minn din il-ġrajja kien li Ġesù kien ngħata s-setgħa mingħand Alla Ġeħova li jwettaq il-mirakli. (Mk. 6:41-44) Kieku fehmu l-kobor tas-setgħa li Ġesù kien ngħata, ma kinux ikunu tant mistagħġbin meta hu mexa fuq l-ilma b’mod mirakoluż.
8:22-26—Ġesù għala fejjaq lir-raġel agħma f’pass wara l-ieħor? Ġesù għandu mnejn għamel dan biex juri konsiderazzjoni lejn dan ir-raġel. Il-fejqan bil-mod taʼ dan ir-raġel agħma li kien dara fid-dlam għal żmien twil għandu mnejn ippermettielu jadatta ruħu għad-dija tax-xemx.
Lezzjonijiet Għalina:
2:18; 7:11; 12:18; 13:3. Marku jispjega d-drawwiet, it-termini, it-twemmin, u l-postijiet li setgħu ma kinux familjari mal-qarrejja li ma kinux Lhud. Hu jispjega b’mod ċar li l-Fariżej “kienu jsumu regolarment,” li qorban huwa “għotja dedikata lil Alla,” li s-Sadduċej “jgħidu li m’hemmx irxoxt,” u li t-tempju kien jidher minn fuq “il-Muntanja taż-Żebbuġ.” Peress li l-arblu tar-razza tal-Messija kien taʼ interess primarjament għal-Lhud, hu jħallih barra għalkollox. B’hekk, Marku jipprovdi eżempju għalina. Aħna għandna nagħtu kas l-ambjent li jkunu ġejjin minnu dawk li jkunu qed jisimgħuna meta nieħdu sehem fil-ministeru Kristjan jew meta nagħtu xi taħdita fil-laqgħat tal-kongregazzjoni.
3:21. Il-qraba taʼ Ġesù ma kinux taʼ l-istess twemmin. Għalhekk, hu juri empatija maʼ dawk li minħabba l-fidi tagħhom ikollhom l-oppożizzjoni jew jiġu ridikolati minn membri tal-familja li ma jkunux taʼ l-istess twemmin.
3:31-35. Fil-magħmudija tiegħu, Ġesù sar l-Iben spiritwali t’Alla, u “Ġerusalemm taʼ fuq” kienet ommu. (Gal. 4:26) Minn dakinhar ’il quddiem, id-dixxipli taʼ Ġesù saru eqreb u egħżeż għalih minn qrabatu. Dan jgħallimna li għandna npoġġu l-interessi spiritwali l-ewwel f’ħajjitna.—Mt. 12:46-50; Lq. 8:19-21.
8:32-34. Għandna nkunu ħfief biex nindunaw u nwarrbu xi suġġerimenti minn oħrajn biex nitħassru lilna nfusna. Wieħed li jsegwi lil Kristu jrid ikun lest li “jiċħad lilu nnifsu,” jiġifieri jiċċaħħad u jgħid le għal xewqat u ambizzjonijiet egoistiċi. Irid ikun lest li “jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu,” jiġifieri li jsofri, jekk ikun hemm bżonn, jew jiġi umiljat jew persegwitat jew saħansitra jingħata l-mewt għaliex hu Kristjan. U jrid “jibqaʼ miexi” wara Ġesù, billi jfassal ħajtu fuq il-mudell Tiegħu. Bħala dixxipli jeħtieġ li niżviluppaw u nżommu spirtu taʼ sagrifiċċju bħalma wera Kristu Ġesù.—Mt. 16:21-25; Lq. 9:22, 23.
9:24. M’għandniex nistħu nistqarru l-fidi tagħna jew nitolbu għal iktar fidi.—Lq. 17:5.
L-AĦĦAR XAHAR
Lejn tmiem is-sena 32 E.K., Ġesù mar “fil-fruntieri tal-Lhudija u n-naħa l-oħra tal-Ġordan,” u għal darb’oħra ġew ħdejh folol taʼ nies. (Mk. 10:1) Wara li ppriedka hemmhekk, hu rħielha lejn Ġerusalemm.
Fit-8 taʼ Nisan, Ġesù kien f’Betanja. X’ħin kien qiegħed mal-mejda biex jiekol, daħlet mara u ferrgħet żejt ifuħ fuq rasu. Il-ġrajjiet mid-daħla trijonfanti taʼ Ġesù f’Ġerusalemm sa l-irxoxt tiegħu huma deskritti fl-ordni skond kif seħħew.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
10:17, 18—Ġesù għala kkoreġa lil wieħed raġel talli sejjaħlu “Għalliem Tajjeb”? Ġesù rrifjuta li jaċċetta dan it-titlu bħala kumpliment, u b’dan il-mod hu ta l-glorja lil Ġeħova u wera li l-Alla l-veru hu s-sors taʼ l-affarijiet tajbin kollha. Iktar minn hekk, Ġesù ġibed l-attenzjoni lejn il-verità fundamentali li l-Ħallieq taʼ kollox, Alla Ġeħova, biss għandu d-dritt li jistabbilixxi l-livelli taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.—Mt. 19:16, 17; Lq. 18:18, 19.
14:25—Ġesù x’ried ifisser meta qal lill-appostli leali tiegħu: “Żgur li ma nixrobx iżjed mill-prodott tad-dielja sa dak il-jum meta nixorbu ġdid fis-saltna t’Alla”? Ġesù ma kienx qed jindika li fis-sema hemm l-inbid letterali. Madankollu, peress li xi drabi l-inbid jissimbolizza l-ferħ, Ġesù kien qed jirreferi għall-ferħ li se jkun hemm meta hu jkun fis-Saltna mas-segwaċi midlukin tiegħu li jiġu rxoxtati.—Salm 104:15; Mt. 26:29.
14:51, 52—Min kien iż-żagħżugħ li “ħarab għarwien”? Marku biss isemmi din il-ġrajja, u għalhekk nistgħu bir-raġun nikkonkludu li hu kien qed jitkellem dwaru nnifsu.
15:34—Il-kliem “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” jindika xi nuqqas taʼ fidi min-naħa taʼ Ġesù? Le. Għalkemm m’aħniex ċerti x’kienu l-motivi taʼ Ġesù meta qal dan, kliemu forsi jindika li Ġesù kien jaf li Ġeħova kien neħħa l-protezzjoni Tiegħu sabiex l-integrità taʼ Ibnu tkun tistaʼ tiġi mġarrba bis-sħiħ. Huwa possibbli wkoll li Ġesù qal dan għaliex ried iwettaq dak li bassar dwaru Salm 22:1.—Mt. 27:46.
Lezzjonijiet Għalina:
10:6-9. L-iskop t’Alla hu li l-imseħbin fiż-żwieġ jibqgħu flimkien. Għalhekk, minflok ma jfittxu li jiddivorzjaw malajr, l-irġiel u n-nisa miżżewġin għandhom iħabirku biex japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja ħalli jegħlbu xi diffikultajiet li jistgħu jqumu fiż-żwieġ.—Mt. 19:4-6.
12:41-44. L-eżempju taʼ l-armla fqira jgħallimna li m’għandniex inkunu egoisti biex nappoġġaw il-qima vera.
[Stampa f’paġna 29]
Ġesù għala qal lil dan ir-raġel biex jgħid lil qrabatu dwar dak kollu li kien ġralu?