Tgħallem mill-Iżbalji taʼ l-Iżraelin
Tgħallem mill-Iżbalji taʼ l-Iżraelin
L-IŻRAELIN kienu jafu x’kien qed jistenna minnhom Ġeħova meta kienu deħlin fl-Art Imwiegħda. Permezz taʼ Mosè, Alla kien ikkmanda: “U tkeċċu minn quddiemkom in-nies kollha li jgħammru hemm, u teqirdu l-idoli minquxa u x-xbihat imdewwba kollha tagħhom, u tħottu s-santwarji kollha fuq l-għoljiet.”—Num. 33:52.
Il-poplu taʼ Iżrael ma kellu jagħmel ebda patt maʼ l-abitanti tal-pajjiż, u lanqas ma kellhom jintrabtu fiż-żwieġ magħhom. (Dt. 7:2, 3) Tabilħaqq, il-poplu magħżul t’Alla kien imwissi: “Qis li ma tidħol f’ebda patt man-nies li joqogħdu fl-art li se tidħol fiha, li ma jkunux għalik nasba ġo nofsok.” (Eżo. 34:12) Iżda l-Iżraelin m’obdewx ’l Alla u nqabdu f’nasba. X’wassal għall-waqgħa tagħhom? Liema lezzjonijiet bħala twissija għalina nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza tagħhom?—1 Kor. 10:11.
Mis-Sħubija għall-Idolatrija
Fil-bidu, waqt li kienu qed jieħdu l-Art Imwiegħda taħt idejhom, l-Iżraelin kisbu ħafna rebħiet fuq l-abitanti taʼ l-art. Iżda, ulied Iżrael naqsu li jobdu l-kmandi t’Alla bis-sħiħ. Huma ma keċċewx lill-għadu għalkollox. (Mħ. 1:1–2:10) Għall-kuntrarju, hekk kif l-Iżraelin bdew jgħixu fost is-“sebaʼ ġnus” li kienu joqogħdu fil-pajjiż, il-kuntatt regulari man-nies taʼ dawn il-ġnus wassal għal ħbiberiji magħhom. (Dt. 7:1) Dan kif effettwa lill-Iżraelin? Il-Bibbja tgħid: “Kienu jiżżewwġu n-nisa tagħhom, u lil uliedhom subjien kienu jżewwġulhom il-bniet tagħhom; u kienu jservu l-allat tagħhom. Ulied Iżrael għamlu l-ħażin f’għajnejn il-Mulej, nsew il-Mulej, Alla tagħhom, u marru jservu lill-Bagħalim u x-xbihat taʼ l-Asera.” (Mħ. 3:5-7) Għan-nies taʼ Iżrael, sħubija maʼ l-abitanti tal-pajjiż wasslet għal żwiġijiet imħalltin u idolatrija. Ladarba bdew isiru rabtiet fiż-żwieġ mal-pagani, naqset ħafna il-probabbiltà li Iżrael ikeċċihom għalkollox mill-pajjiż. Il-qima vera bdiet titħassar u l-Iżraelin infushom bdew jaqdu allat foloz.
Għall-Iżraelin, l-abitanti taʼ l-Art Imwiegħda kienu iktar taʼ periklu spiritwali bħala ħbieb milli bħala l-għedewwa tagħhom. Ikkunsidra mod ieħor li setaʼ wassal għal taħsir spiritwali.
Mill-Biedja għall-Qima taʼ Bagħal
Meta daħlu fl-Art Imwiegħda, ulied Iżrael ma baqgħux iżjed nomadi u ħafna minnhom saru bdiewa. Il-metodi agrikoli li użaw x’aktarx li kienu simili għal dawk li kienu jużaw in-nies li kkultivaw l-art qabilhom. Milli jidher, l-Iżraelin ma ħadux biss il-metodi agrikoli tal-Kangħanin. Is-sħubija man-nies tal-lokal ħajret lill-Iżraelin biex jaċċettaw it-twemmin tagħhom li kien marbut maʼ l-agrikultura.
Il-Kangħanin kienu jqimu ħafna Bagħalim—allat li, skond il-pagani, kienu jagħmlu l-ħamrija fertili. Minbarra li jikkultivaw il-ħamrija u jaħsdu l-prodotti tagħha, maż-żmien l-Iżraelin ngħaqdu fil-qima taʼ l-allat Kangħanin bħala dawk li jġibu l-prosperità. B’hekk, ħafna nies f’Iżrael kienu taparsi jqimu lil Ġeħova, imma fir-realtà kienu qed jieħdu sehem f’apostasija totali.
Twissija Qawwija Għalina Llum
Ma nimmaġinawx li l-Iżraelin kellhom xi intenzjoni li jinvolvu ruħhom fil-qima taʼ Bagħal u t-tbaħrid tagħha meta għall-ewwel ġew f’kuntatt man-nies taʼ l-Art Imwiegħda. Madankollu, is-sħubija magħhom hemm wasslithom. M’għandniex aħna nistennew effetti taʼ ħsara bħal dawn jekk nagħmluha maʼ dawk li għandu mnejn ikunu dħulin imma li m’għandhomx l-istess twemmin, valuri, u prinċipji Kristjani bħal tagħna? M’għandniex xi ngħidu, xi kuntatt maʼ nies li m’humiex taʼ l-istess twemmin tagħna jistaʼ jkun neċessarju fuq ix-xogħol, l-iskola, jew forsi saħansitra fid-dar. Iżda, l-esperjenza taʼ l-Iżraelin hija twissija għalina li jekk infittxu sħubija bħal din inkunu qed nistiednu l-inkwiet b’idejna. Il-Bibbja tistqarr din il-verità ċerta: “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”—1 Kor. 15:33.
Illum, niffaċċjaw ħafna sfidi simili għal dawk li kienu jiffaċċjaw l-Iżraelin. Is-soċjetà moderna għandha ħafna idoli. Dawn jinkludu l-flus, nies famużi fid-dinja tad-divertiment, taʼ l-isports, u tal-politika, ċerti mexxejja reliġjużi, u saħansitra membri tal-familja. Kwalunkwe wieħed minn dawn jistaʼ possibbilment isir iċ-ċentru taʼ ħajjitna. Jekk nikkultivaw ħbiberiji mill-qrib maʼ dawk li ma jħobbux lil Ġeħova nistgħu naqgħu f’rovina spiritwali.
Is-sess illeċitu kien parti integrali mill-qima taʼ Bagħal li ħajjar u waqqaʼ lil ħafna Iżraelin. Ħafna minn fost il-poplu t’Alla għadhom qed jisfaw vittmi taʼ nasbiet simili. Per eżempju, kulma jrid jagħmel bniedem kurjuż jew li ma jkunx attent huwa li sempliċement jagħfas buttuna fuq il-kompjuter fil-privatezza taʼ daru stess biex jara affarijiet li jtebbgħulu l-kuxjenza. Kemm tkun ħaġa taʼ niket li kieku Kristjan kellu jaqaʼ vittma tal-pornografija fuq l-Internet!
“Henjin Dawk li Jħarsu l-Preċetti Tiegħu”
Id-deċiżjoni jekk nobdux lil Ġeħova jew le rigward l-għażla tagħna tal-ħbieb hija waħda persunali. (Dt. 30:19, 20) Għaldaqstant, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna: ‘Maʼ min nagħmilha jien waqt li nieħu sehem f’attivitajiet fil-ħin tal-mistrieħ? X’inhuma l-valuri u l-morali tagħhom? Iqimu huma lil Ġeħova? Is-sħubija magħhom tinkuraġġini biex inkun Kristjan aħjar?’
Is-salmista għanna: “Henjin dawk li triqthom bla ħtija, li jimxu fil-liġi tal-Mulej. Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu, u li jfittxuh b’qalbhom kollha.” (Salm 119:1, 2) Tabilħaqq, “hieni kull min jibżaʼ mill-Mulej, kull min jimxi fit-triqat tiegħu!” (Salm 128:1) Meta niġu biex nagħżlu l-ħbieb tagħna, jalla nitgħallmu mill-iżbalji taʼ l-Iżraelin u nobdu għalkollox lil Ġeħova.—Prov. 13:20.
[Stampa f’paġna 26]
Is-sħubija maʼ dawk li ma jħobbux lil Ġeħova tistaʼ twassalna għall-idolatrija