Il-Qaddej taʼ Ġeħova—‘Minfud Minħabba li Ksirna l-Liġi’
“Hu kien qed jiġi minfud minħabba li aħna ksirna l-liġi; kien qed jitfarrak għall-iżbalji tagħna. . . . Minħabba l-feriti tiegħu kellna l-fejqan.”—IS. 53:5.
1. X’għandna nżommu f’moħħna meta nosservaw it-Tifkira, u liema profezija se tgħinna nagħmlu dan?
AĦNA nosservaw it-Tifkira biex nikkommemoraw il-mewt taʼ Kristu u biex niftakru f’kulma wettqu l-mewt u l-irxoxt tiegħu. It-Tifkira tfakkarna fil-vindikazzjoni tas-sovranità taʼ Ġeħova, it-taqdis taʼ ismu, u t-twettiq taʼ l-iskop tiegħu, inkluż is-salvazzjoni tal-bnedmin. Forsi ebda profezija oħra fil-Bibbja ma tagħti stampa aħjar tas-sagrifiċċju taʼ Kristu u taʼ dak li wettaq minn dik dokumentata f’Isaija 53:3-12. Isaija bassar is-sofferenzi tal-Qaddej u pprovda dettalji speċifiċi dwar il-mewt taʼ Kristu u dwar il-barkiet li kellhom jirriżultaw mill-mewt tiegħu għal ħutu l-midlukin u għan-“nagħaġ oħrajn” tiegħu.—Ġw. 10:16.
2. Il-profezija taʼ Isaija taʼ xiex hija prova, u x’effett se jkollha fuqna?
2 Sebaʼ sekli qabel it-twelid taʼ Ġesù fuq l-art, Ġeħova nebbaħ lil Isaija biex jipprofetizza li l-Qaddej magħżul Tiegħu kellu jibqaʼ leali saħansitra meta jiġi testjat sal-limitu. Dan l-istess fatt huwa prova tal-fiduċja assoluta li għandu Ġeħova fil-lealtà taʼ Ibnu. Hekk kif neżaminaw din il-profezija, qlubna se jimtlew bil-gratitudni u l-fidi tagħna se tissaħħaħ.
“Mistmerr” u ‘Mhux Stmat’
3. Il-Lhud għala kellhom jilqgħuh lil Ġesù, imma kif laqgħuh?
3 Aqra Isaija 53:3. Immaġina ftit x’kien ifisser għall-Iben uniġenitu t’Alla li jissagrifika l-ferħ taʼ li jaqdi maġenb Missieru u jiġi fuq l-art biex jagħti ħajtu bħala sagrifiċċju sabiex isalva lill-bnedmin mid-dnub u l-mewt! (Flp. 2:5-8) Is-sagrifiċċju tiegħu kellu jġib il-maħfra vera tad-dnubiet, xi ħaġa li l-offerta tas-sagrifiċċji taʼ l-annimali fil-Liġi Mosajka kienet biss tiffiguraha bil-quddiem. (Ebr. 10:1-4) Ma kellux hu jiġi milqugħ u onorat, għallinqas mil-Lhud li kienu qed jistennew il-Messija mwiegħed? (Ġw. 6:14) Minflok, il-Kristu kien “mistmerr” mil-Lhud, u dawn ‘ma stmawhx,’ bħalma kien ipprofetizza Isaija. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Ġie f’daru stess, imma niesu ma laqgħuhx.” (Ġw. 1:11) L-appostlu Pietru qal lil-Lhud: “L-Alla taʼ missirijietna . . . igglorifika lill-Qaddej tiegħu, Ġesù, li intom, min-naħa tagħkom, ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, meta dan iddeċieda li jeħilsu. Iva, intom ċħadtu lil dak ir-raġel qaddis u sewwa.”—Atti 3:13, 14.
4. Ġesù kif sar midħla tal-mard?
4 Isaija pprofetizza wkoll li Ġesù kellu jkun “midħla tal-mard.” Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù ċertament li kien jgħejja kultant, imma m’hemm ebda indikazzjoni li kien jimrad. (Ġw. 4:6) Madankollu, hu fil-fatt sar midħla tal-mard taʼ dawk li ppridkalhom. Hu tħassarhom u fejjaq lil ħafna minnhom. (Mk. 1:32-34) B’hekk, Ġesù wettaq il-profezija li tgħid: “Tassew, hu ġarr il-mard tagħna; u inkwantu għall-weġgħat tagħna, tgħabba bihom hu.”—Is. 53:4a; Mt. 8:16, 17.
Bħallikieku ‘Milqut Minn Alla’
5. Ħafna mil-Lhud kif kienu jqisuha l-mewt taʼ Ġesù, u dan għala żied mas-sofferenza tiegħu?
5 Aqra Isaija 53:4b. Ħafna nies fi żmien Ġesù ma kinux jifhmu għala kellu jsofri u jmut. Huma kienu jemmnu li Alla kien qed jikkastigah, bħallikieku kien qed jolqtu b’marda moqżieża. (Mt. 27:38-44) Il-Lhud akkużaw lil Ġesù li kien qed jidgħi. (Mk. 14:61-64; Ġw. 10:33) M’għandniex xi ngħidu, Ġesù la kien midneb u lanqas midgħi. Imma sforz l-imħabba kbira li kellu għal Missieru, l-istess idea li kellu jmut akkużat b’dagħa bilfors li żiditlu mas-sofferenza tiegħu bħala l-Qaddej taʼ Ġeħova. Minkejja dan, hu kien lest li jissottometti ruħu lejn ir-rieda taʼ Ġeħova.—Mt. 26:39.
6, 7. Ġeħova f’liema sens ‘farrak’ lill-Qaddej leali tiegħu, u dan għala kien ‘jogħġob’ lil Alla?
6 Ma nissorprendux ruħna li l-profezija taʼ Isaija tgħid li oħrajn kellhom iqisu lil Kristu bħala ‘milqut minn Alla,’ imma forsi nissorprendu ruħna li l-profezija tbassar: “Ġeħova għoġbu jfarrku.” (Is. 53:10) Ladarba Ġeħova kien stqarr ukoll: “Ara! Il-qaddej tiegħi, . . . il-magħżul tiegħi, li ruħi approvat,” kif setaʼ kien possibbli li Ġeħova “għoġbu jfarrku”? (Is. 42:1) F’liema sens jistaʼ jingħad li dan ferraħ lil Ġeħova?
7 Biex nifhmu din il-parti mill-profezija, għandna niftakru li meta sfida s-sovranità taʼ Ġeħova, Satana xeħet id-dubju dwar il-lealtà tal-qaddejja kollha t’Alla fis-sema u fuq l-art. (Ġob 1:9-11; 2:3-5) Billi baqaʼ leali sal-mewt, Ġesù pprovda t-tweġiba perfetta għall-isfida taʼ Satana. B’hekk, filwaqt li Ġeħova ppermetta li Kristu jinqatel mill-għedewwa tiegħu, ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li Ġeħova sofra meta ra l-Qaddej magħżul tiegħu jingħata l-mewt. Madankollu, meta osserva l-fedeltà assoluta taʼ Ibnu, Ġeħova tgħidx kemm feraħ. (Prov. 27:11) Barra minn hekk, il-fatt li kien jaf x’benefiċċji kellha ġġib il-mewt taʼ Ibnu fuq il-bnedmin li jindmu ġab ferħ kbir lil Ġeħova.—Lq. 15:7.
‘Minfud Minħabba li Ksirna l-Liġi’
8, 9. (a) Ġesù kif kien ‘minfud minħabba li ksirna l-liġi’? (b) Pietru kif ikkonfermah dan?
8 Aqra Isaija 53:6. Bħal nagħaġ mitlufin, il-bnedmin midinbin iġġerrew ’l hemm u ’l hawn, ifittxu ħelsien mill-mard u mill-mewt li wirtu mingħand Adam. (1 Pt. 2:25) Peress li d-dixxendenti taʼ Adam huma lkoll imperfetti, lanqas wieħed minnhom ma setaʼ jixtri lura dak li tilef Adam. (Salm 49:7) Madankollu, fl-imħabba kbira tiegħu, “Ġeħova nnifsu ġiegħel li l-iżball tagħna lkoll jaqaʼ fuq dak il-wieħed,” Ibnu l-għażiż u l-Qaddej magħżul. Billi aċċetta li jiġi ‘minfud minħabba li ksirna l-liġi’ u “jitfarrak għall-iżbalji tagħna,” Kristu ġarr dnubietna fuq iz-zokk u miet għalina.
9 L-appostlu Pietru kiteb: “Għal dan il-mod taʼ ħajja kontu msejħin, għax saħansitra Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu. Hu ġarr dnubietna f’ġismu stess fuq iz-zokk, sabiex neħilsu mid-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja.” Imbagħad, billi kkwota mill-profezija taʼ Isaija, Pietru żied: “U ‘bil-ġrieħi tiegħu ġejtu mfejqin.’” (1 Pt. 2:21, 24; Is. 53:5) Dan fetaħ it-triq biex il-midinbin isiru rikonċiljati m’Alla, bħalma kompla qal Pietru: “Kristu miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet, bniedem ġust għall-inġusti, sabiex imexxikom lejn Alla.”—1 Pt. 3:18.
“Inġieb Bħal Nagħġa għall-Qatla”
10. (a) Ġwanni l-Għammied kif iddeskrivieh lil Ġesù? (b) Il-kliem taʼ Ġwanni għala wera li kien xieraq?
10 Aqra Isaija 53:7, 8. Meta Ġwanni l-Għammied ra lil Ġesù riesaq lejh, hu esklama: “Ara, il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!” (Ġw. 1:29) Meta tkellem dwar Ġesù bħala Ħaruf, Ġwanni forsi kellu f’moħħu l-kliem taʼ Isaija: “Inġieb bħal nagħġa [jew ħaruf] għall-qatla.” (Is. 53:7) “Hu ferraʼ ruħu sal-mewt,” ipprofetizza Isaija. (Is. 53:12) Taʼ interess, fil-lejla meta Ġesù istitwixxa t-Tifkira tal-mewt tiegħu, hu ta kies inbid lill-11-il appostlu leali u qal: “Dan jirrappreżenta d-‘demm tiegħi tal-patt,’ li se jixxerred għal ħafna għall-maħfra tad-dnubiet.”—Mt. 26:28.
11, 12. (a) Il-fatt li Iżakk kien lest li jiġi offrut x’wera dwar is-sagrifiċċju taʼ Kristu? (b) X’għandna nżommu f’moħħna dwar Abraham Akbar, Ġeħova, meta nosservaw it-Tifkira?
11 Bħal Iżakk tal-qedem, Ġesù kien lest li jiġi offrut bħala sagrifiċċju fuq l-artal tar-rieda taʼ Ġeħova għalih. (Ġen. 22:1, 2, 9-13; Ebr. 10:5-10) Filwaqt li Iżakk minn rajh aċċetta li jiġi sagrifikat, kien Abraham li pprova joffri s-sagrifiċċju. (Ebr. 11:17) Bl-istess mod, Ġesù minn rajh aċċetta li kellu jmut, imma Ġeħova kien l-Awtur taʼ l-arranġament tal-fidwa. Is-sagrifiċċju taʼ Ibnu kien espressjoni taʼ l-imħabba profonda t’Alla għall-bnedmin.
12 Ġesù nnifsu stqarr: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16) L-appostlu Pawlu kiteb: “Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rum. 5:8) Għalhekk, waqt li nonoraw lil Kristu billi nikkommemoraw il-mewt tiegħu, qatt m’għandna ninsew li dak li għamel l-arranġament tas-sagrifiċċju possibbli kien Abraham Akbar, Ġeħova. Aħna nosservaw it-Tifkira biex infaħħruh.
Il-Qaddej Iġib “Qagħda Ġusta lil Ħafna”
13, 14. Il-Qaddej taʼ Ġeħova kif ġab “qagħda ġusta lil ħafna”?
13 Aqra Isaija 53:11, 12. Dwar il-Qaddej magħżul tiegħu, Ġeħova stqarr: “Il-ġust, il-qaddej tiegħi, se jġib qagħda ġusta lil ħafna nies.” B’liema mod? It-tmiem taʼ vers 12 jagħtina ħjiel għat-tweġiba. “U [il-Qaddej] qabeż għal dawk li jiksru l-liġi.” Id-dixxendenti kollha taʼ Adam jitwieldu midinbin, “jiksru l-liġi,” u għalhekk jirċievu “l-ħlas li jagħti d-dnub,” jiġifieri, il-mewt. (Rum. 5:12; 6:23) Ir-rikonċiljazzjoni bejn Ġeħova u bejn il-bniedem midneb hi neċessarja. Kapitlu 53 tal-profezija taʼ Isaija jiddeskrivi b’mod sabiħ kif Ġesù “qabeż,” jew interċeda, għan-nom tal-bnedmin midinbin, billi stqarr: “Kellu fuqu s-swat maħsub għall-paċi tagħna, u minħabba l-feriti tiegħu kellna l-fejqan.”—Is. 53:5.
14 Billi ġarr id-dnubiet tagħna u miet għalina, Kristu ġab “qagħda ġusta lil ħafna nies.” Pawlu kiteb: “Alla raha ħaġa tajba li tgħammar fih [fi Kristu] il-milja taʼ kollox, u li permezz tiegħu Alla jerġaʼ jħabbeb l-affarijiet l-oħrajn kollha Miegħu billi jagħmel paċi magħhom permezz tad-demm li xerred fuq iz-zokk tat-tortura, kemm l-affarijiet fuq l-art u kemm l-affarijiet fis-smewwiet.”—Kol. 1:19, 20.
15. (a) Min huma “l-affarijiet fis-smewwiet” li semma Pawlu? (b) Min biss hu intitolat li jieħu mill-emblemi tat-Tifkira, u għala?
15 “L-affarijiet fis-smewwiet” li huma rikonċiljati maʼ Ġeħova permezz tad-demm imxerred taʼ Kristu huma l-Kristjani midlukin, imsejħin biex isaltnu maʼ Kristu fis-smewwiet. Kristjani li ‘għandhom sehem fis-sejħa tas-sema’ jiġu dikjarati “ġusti għall-ħajja.” (Ebr. 3:1; Rum. 5:1, 18) Ġeħova mbagħad jaċċettahom bħala wlied spiritwali. L-ispirtu qaddis jixhdilhom li huma “werrieta bi sħab maʼ Kristu,” imsejħin biex isiru slaten u qassisin fis-Saltna tiegħu fis-sema. (Rum. 8:15-17; Riv. 5:9, 10) Huma jsiru parti minn Israel spiritwali, “l-Israel t’Alla,” u jiddaħħlu fil-“patt ġdid.” (Ġer. 31:31-34; Gal. 6:16) Bħala membri tal-patt il-ġdid, huma intitolati biex jieħdu mill-emblemi tat-Tifkira, inkluż il-kies taʼ l-inbid aħmar, li dwaru Ġesù stqarr: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi li se jixxerred għalikom.”—Lq. 22:20.
16. Min huma “l-affarijiet fuq l-art,” u b’liema mod jingħataw qagħda ġusta quddiem Ġeħova?
16 “L-affarijiet fuq l-art” huma n-nagħaġ oħrajn taʼ Kristu, li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Il-Qaddej magħżul taʼ Ġeħova lil dawn ukoll iġibilhom qagħda ġusta quddiem Ġeħova. Peress li għandhom il-fidi fis-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Kristu, u b’hekk “ħaslu l-ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf,” Ġeħova jiddikjarahom ġusti bħala l-ħbieb tiegħu, u mhux bħala wlied spiritwali, billi jagħtihom il-prospett meraviljuż li jibqgħu ħajjin wara t-“tribulazzjoni l-kbira.” (Riv. 7:9, 10, 14; Ġak. 2:23) Minħabba li m’humiex fil-patt il-ġdid, u għalhekk m’għandhomx it-tama li jgħixu fis-sema, dawn in-nagħaġ oħrajn ma jiħdux mill-emblemi tat-Tifkira imma jattendu bħala osservaturi li juru rispett.
Grazzi lil Ġeħova u lill-Qaddej Approvat Tiegħu!
17. Studju dwar il-profeziji fil-ktieb taʼ Isaija li jiċċentraw fuq il-Qaddej kif għenna nippreparaw imħuħna għat-Tifkira?
17 L-eżaminar tal-profeziji fil-ktieb taʼ Isaija li jiċċentraw fuq il-Qaddej hu mod mill-aħjar biex nippreparaw imħuħna għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Għenna “nħarsu fiss lejn . . . l-Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-fidi tagħna.” (Ebr. 12:2) Aħna tgħallimna li l-Iben t’Alla m’huwiex ribelluż. Kuntrarju għal Satana, hu jitgħaxxaq jiġi mgħallem minn Ġeħova, billi jirrikonoxxih bħala l-Mulej Sovran. Rajna li matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù wera mogħdrija għan-nies li ppridkalhom, billi fejjaq ħafna minnhom kemm fiżikament u kemm spiritwalment. B’hekk, hu wera x’se jagħmel bħala s-Sultan Messjaniku fis-sistema l-ġdida meta “jġib il-ġustizzja fuq l-art.” (Is. 42:4) Iż-żelu li wera fl-ippridkar tas-Saltna, bħala “dawl għall-ġnus,” huwa tfakkira għas-segwaċi tiegħu biex jippridkaw l-aħbar tajba b’mod żeluż madwar l-art.—Is. 42:6.
18. Il-profezija taʼ Isaija għala timlielna qlubna bil-gratitudni lejn Ġeħova u lejn il-Qaddej leali tiegħu?
18 Il-profezija taʼ Isaija tkabbrilna wkoll l-abbiltà li nifhmu s-sagrifiċċju kbir li għamel Ġeħova meta bagħat lil Ibnu l-għażiż fuq l-art biex isofri u jmut għalina. Ġeħova ma tgħaxxaqx meta ra lil Ibnu jsofri, imma tgħaxxaq meta osserva l-fedeltà assoluta taʼ Ġesù sal-mewt. Aħna għandna nitgħaxxqu, bħalma jagħmel Ġeħova, billi nirrikonoxxu kulma għamel Ġesù biex juri li Satana hu giddieb u biex iqaddes l-isem taʼ Ġeħova, u b’hekk jivvindika d-dritt tas-sovranità Tiegħu. Iżjed minn hekk, Kristu ġarr id-dnubiet tagħna u miet għan-nom tagħna. B’dan il-mod, hu għamilha possibbli għall-merħla ż-żgħira taʼ ħutu l-midlukin u għan-nagħaġ oħrajn biex ikollhom qagħda ġusta quddiem Ġeħova. Hekk kif ninġabru flimkien għat-Tifkira, jalla qlubna jimtlew bil-gratitudni lejn Ġeħova u lejn il-Qaddej leali tiegħu.
Bħala Reviżjoni
• Ġeħova f’liema sens ‘għoġbu jfarrak’ lil Ibnu?
• Ġesù kif kien ‘minfud minħabba li ksirna l-liġi’?
• Il-Qaddej kif ‘ġab qagħda ġusta lil ħafna’?
• Studju dwar il-profeziji rigward il-Qaddej kif ippreparalek moħħok u qalbek għat-Tifkira?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 26]
“Hu kien mistmerr, u aħna ma stmajniehx”
[Stampa f’paġna 28]
“Hu ferraʼ ruħu sal-mewt”
[Stampa f’paġna 29]
In-“nagħaġ oħrajn” jattendu t-Tifkira bħala osservaturi li juru rispett