Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma “Jibqgħu Mexjin Wara l-Ħaruf”

Huma “Jibqgħu Mexjin Wara l-Ħaruf”

“Dawn huma dawk li jibqgħu mexjin wara l-​Ħaruf kulfejn imur.” —RIV. 14:4.

1. Il-​Kristjani veri taʼ Ġesù kif ħassewhom dwar li jsegwuh?

 MADWAR sentejn u nofs wara li beda l-​ministeru tiegħu, Ġesù “kien qed jgħallem pubblikament f’assemblea f’Kafarnahum.” Peress li d-​diskors tiegħu kexkixhom, “ħafna mid-​dixxipli tiegħu marru lura lejn dak li ħallew warajhom u ma baqgħux mexjin warajh.” Meta Ġesù staqsa lit-​12-il appostlu tiegħu jekk ridux imorru huma wkoll, Xmun Pietru wieġeb: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem; u aħna emminna u sirna nafu li int il-​Qaddis t’Alla.” (Ġw. 6:48, 59, 60, 66-69) Id-​dixxipli veri taʼ Ġesù ma ħallew xejn iwaqqafhom milli jibqgħu mexjin warajh. Wara li ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis, huma komplew jissottomettu ruħhom għad-​direzzjoni taʼ Ġesù.—Atti 16:7-10.

2. (a) Min hu “l-​ilsir leali u għaqli,” jew “il-​prokuratur leali”? (b) L-​ilsir kif stabbilixxa rekord mill-​aħjar taʼ li ‘jimxi wara l-​Ħaruf’?

2 X’jistaʼ jingħad dwar il-​Kristjani midlukin fi żmienna? Fil-​profezija tiegħu dwar “is-​sinjal tal-​preżenza [tiegħu] u tal-​konklużjoni tas-​sistema,” Ġesù rrefera għall-​grupp kompost mis-​segwaċi tiegħu midlukin bl-​ispirtu li kienu fuq l-​art bħala “l-​ilsir leali u għaqli,” jew “il-​prokuratur leali.” (Mt. 24:3, 45; Lq. 12:42) Bħala grupp, il-​klassi taʼ l-​ilsir stabbiliet rekord eċċellenti taʼ li ‘timxi wara l-​Ħaruf kulfejn imur.’ (Aqra Rivelazzjoni 14:4, 5.) Il-​membri taʼ din il-​klassi jibqgħu verġni f’sens spiritwali billi ma jitniġġsux bit-​twemmin u l-​prattiki taʼ “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Riv. 17:5) Ebda qerq duttrinali ‘ma nstab f’fommhom,’ u jibqgħu “bla difett” mid-​dinja taʼ Satana. (Ġw. 15:19) Fil-​futur, dawk mill-​midlukin li jkun għad fadal fuq l-​art se jmorru wara l-​Ħaruf dritt fis-​sema.—Ġw. 13:36.

3. Għala huwa importanti li aħna nafdaw lill-​klassi taʼ l-​ilsir?

3 Ġesù ħatar lill-​ilsir leali u għaqli “fuq il-​qaddejja taʼ daru,” jiġifieri, il-​membri individwali tal-​klassi taʼ l-​ilsir, “biex jagħtihom l-​ikel fiż-​żmien xieraq.” Hu ħatar ukoll lill-​ilsir “fuq kulma għandu.” (Mt. 24:45-47) “Kulma għandu” jinkludi l-​“folla kbira” li dejjem qed tiżdied taʼ “nagħaġ oħrajn.” (Riv. 7:9; Ġw. 10:16) M’għandhomx il-​membri individwali mill-​midlukin u n-​“nagħaġ oħrajn” jafdaw lil dak li hu maħtur fuqhom? Hemm bosta raġunijiet għala l-​klassi taʼ l-​ilsir jistħoqqilha l-​fiduċja tagħna. Żewġ raġunijiet li jispikkaw huma: (1) Ġeħova jafda lill-​klassi taʼ l-​ilsir. (2) Ġesù wkoll jafdah lill-​ilsir. Ejja neżaminaw l-​evidenza li kemm Ġeħova u kemm Ġesù Kristu għandhom fiduċja sħiħa fl-​ilsir leali u għaqli.

Ġeħova Jafda lill-​Ilsir

4. Għala jistaʼ jkollna fiduċja fl-​ikel spiritwali servut mill-​ilsir leali u għaqli?

4 Ikkunsidra dak li jagħmilha possibbli biex l-​ilsir leali u għaqli jipprovdi ikel spiritwali sustanzjuż u f’waqtu. “Se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad,” jgħid Ġeħova. Hu jżid: “Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.” (Salm 32:8) Iva, Ġeħova jipprovdi direzzjoni lill-​ilsir. Għalhekk, aħna jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa fid-​dehen, fil-​fehma, u fil-​gwida Skritturali li nirċievu mingħand l-​ilsir.

5. X’juri li l-​ispirtu t’Alla qed jagħti l-​qawwa lill-​klassi taʼ l-​ilsir?

5 Ġeħova jbierek ukoll lill-​klassi taʼ l-​ilsir bl-​ispirtu qaddis tiegħu. Filwaqt li l-​ispirtu taʼ Ġeħova huwa inviżibbli, dak li jipproduċi f’dawk li jaħdem fuqhom huwa viżibbli għal oħrajn. Aħseb ftit dwar dak li l-​ilsir leali u għaqli rnexxielu jwettaq biex jagħti xiehda mad-​dinja kollha dwar Alla Ġeħova, Ibnu, u s-​Saltna. L-​aduraturi taʼ Ġeħova qed ixandru b’mod attiv il-​messaġġ tas-​Saltna f’iktar minn 230 pajjiż u gruppi taʼ gżejjer. M’hijiex din evidenza li ħadd ma jistaʼ jiċħadha li l-​ispirtu t’Alla qed jagħti l-​qawwa lill-​ilsir? (Aqra Atti 1:8.) Biex tipprovdi ikel spiritwali f’waqtu għall-​qaddejja taʼ Ġeħova madwar id-​dinja, il-​klassi taʼ l-​ilsir trid tieħu deċiżjonijiet vitali. Biex jieħu dawn id-​deċiżjonijiet u jwettaqhom, l-​ilsir juri mħabba, ħlewwa, u aspetti oħrajn tal-​frott taʼ l-​ispirtu.—Gal. 5:22, 23.

6, 7. Kemm hi kbira l-​fiduċja li għandu Ġeħova fl-​ilsir leali?

6 Biex tapprezza kemm hi kbira l-​fiduċja li Ġeħova juri fl-​ilsir leali, irrifletti ftit fuq dak li wiegħed lill-​membri taʼ l-​ilsir. “Għad tinstemaʼ t-​trumbetta,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “u l-​mejtin jiġu mqajmin bla taħsir, u aħna nitbiddlu. Għax jeħtieġ li dan il-​ġisem li jitħassar jilbes in-​nuqqas taʼ taħsir, u dan il-​ġisem mortali jilbes l-​immortalità.” (1 Kor. 15:52, 53) Is-​segwaċi midlukin taʼ Kristu, li jaqdu lil Alla fedelment u jmutu f’iġsma umani li jitħassru, ma jiġux irxoxtati sempliċement bħala ħlejjaq spirti bil-​ħajja taʼ dejjem, imma wkoll jingħataw l-​immortalità—ħajja li la tistaʼ tintemm u lanqas tinqered. Iktar minn hekk, huma jirċievu n-​nuqqas taʼ taħsir, billi jingħataw iġsma li ma jistgħux jitmermru u milli jidher isostnu lilhom infushom. Rivelazzjoni 4:4 jiddeskrivi lil dawn l-​uħud irxoxtati bħala li qegħdin fuq tronijiet b’kuruni tad-​deheb fuq irjushom. Glorja taʼ sultan hemm tistenna lill-​Kristjani midlukin. Imma dan mhux kollox.

7 “Wasal iż-​żwieġ tal-​Ħaruf, u martu ħejjiet ruħha. Iva, ngħatalha li tiżżejjen b’għażel fin, nadif, u jiddi, għax l-​għażel fin jirrappreżenta l-​atti ġusti tal-​qaddisin,” jistqarr Rivelazzjoni 19:7, 8. Ġeħova għażel lill-​Kristjani midlukin biex ikunu l-​għarusa futura taʼ Ibnu. In-​nuqqas taʼ taħsir, l-​immortalità, is-​setgħa taʼ sultan, “iż-​żwieġ tal-​Ħaruf”—x’għotjiet taʼ l-​għaġeb huma dawn! Huma evidenza kommoventi tal-​fiduċja li għandu Alla fil-​midlukin, li “jibqgħu mexjin wara l-​Ħaruf kulfejn imur.”

L-​Ilsir Hu Fdat Minn Ġesù

8. Il-​patt tas-​Saltna li għamel Ġesù x’juri dwar il-​fiduċja li għandu fis-​segwaċi tiegħu midlukin bl-​ispirtu?

8 Liema evidenza hemm li Ġesù jafda kompletament lis-​segwaċi tiegħu midlukin bl-​ispirtu? Fl-​aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-​art, Ġesù għamel wegħda lill-​11-il appostlu leali tiegħu. “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi,” qalilhom, “u nagħmel patt magħkom għal saltna, bħalma Missieri għamel miegħi, biex tieklu u tixorbu fuq il-​mejda tiegħi f’saltnati, u toqogħdu bil-​qiegħda fuq tronijiet biex tiġġudikaw lit-​tnax-il tribù taʼ Israel.” (Lq. 22:28-30) Il-​patt li għamel Ġesù dakinhar maʼ dawk il-​11 se jestendi għall-​144,000 Kristjan midluk kollha kemm huma. (Lq. 12:32; Riv. 5:9, 10; 14:1) Kien Ġesù se jagħmel patt li kien jinvolvi li jaqsam magħhom il-​qawwa tas-​Saltna tiegħu kieku ma kienx jafdahom?

9. X’hemm inkluż f’“kulma għandu” Kristu?

9 Iktar minn hekk, Ġesù Kristu ħatar lill-​ilsir leali u għaqli “fuq kulma għandu”—l-​interessi kollha tas-​Saltna fuq l-​art. (Mt. 24:47) Inklużi maʼ “kulma għandu” hemm il-​faċilitajiet fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, fl-​uffiċċji tal-​fergħa f’diversi pajjiżi, u fis-​Swali taʼ l-​Assembleat u fis-​Swali tas-​Saltna madwar id-​dinja kif ukoll ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. Min se jinkariga lil xi ħadd li ma jafdahx biex iżomm u juża l-​affarijiet prezzjużi tiegħu?

10. X’juri li Ġesù Kristu qiegħed mad-​dixxipli midlukin tiegħu?

10 Fis-​16 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K., Ġesù rxoxtat deher lid-​dixxipli leali tiegħu u għamlilhom wegħda, u qalilhom: “Ara, jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:20) Kienet din il-​wegħda taʼ min jorbot fuqha? Fl-​aħħar 15-il sena, in-​numru taʼ kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja żdied minn madwar 70,000 għal iktar minn 100,000—żjieda taʼ kważi 40 fil-​mija. U xi ngħidu dwar id-​dixxipli ġodda li żdiedu? Kważi 4 miljun u nofs dixxiplu tgħammdu dawn l-​aħħar 15-il sena—medja taʼ iktar minn 800 kuljum. Dawn iż-​żjidiet spettakolari huma evidenza ċara li Kristu qiegħed mad-​dixxipli midlukin tiegħu fil-​laqgħat tagħhom tal-​kongregazzjoni u qed jappoġġahom fix-​xogħol tagħhom taʼ li jagħmlu dixxipli.

L-​Ilsir Hu Leali u Għaqli

11, 12. L-​ilsir kif wera li hu leali u għaqli?

11 Ladarba Alla Ġeħova u Ġesù Kristu jafdaw kompletament lill-​ilsir leali u għaqli, m’għandniex aħna nagħmlu l-​istess ħaġa? Wara kollox, l-​ilsir wera li hu leali f’li jagħmel ix-​xogħol assenjat lilu. Per eżempju, ir-​rivista t-​Torri taʼ l-​Għassa ilha tiġi pubblikata għal xi 130 sena. Il-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jkomplu jibnuna spiritwalment.

12 L-​ilsir leali huwa wkoll għaqli fis-​sens li hu la jaqbad u jaġixxi b’arroganza mingħajr istruzzjonijiet mingħand Ġeħova u lanqas iżomm lura milli jaġixxi meta d-​direzzjoni t’Alla fuq xi kwistjoni tkun ċara. Per eżempju, filwaqt li l-​mexxejja reliġjużi foloz bis-​skiet tagħhom japprovaw il-​kondotta egoistika u ħażina tan-​nies tad-​dinja, jew juru ċar li jagħlqu għajnejhom għaliha u jqisuha bħala normali, l-​ilsir jipprovdi twissijiet kontra n-​nases tas-​sistema mill-​agħar taʼ Satana. L-​ilsir jistaʼ jipprovdi twissijiet għaqlin u f’waqthom għaliex Alla Ġeħova u Ġesù Kristu qed iberkuh. B’hekk, l-​ilsir jistħoqqlu l-​fiduċja sħiħa tagħna. Iżda, kif nistgħu nuru li nafdaw lill-​ilsir leali u għaqli?

Mur mal-​Midlukin Hekk Kif Isegwu l-​Ħaruf

13. Skond il-​profezija taʼ Żakkarija, kif inhu possibbli li nuru li nafdaw lill-​qaddej leali u għaqli?

13 Il-​ktieb Bibliku taʼ Żakkarija jitkellem dwar “għaxart irġiel” li javviċinaw “raġel Lhudi” u jgħidulu: “Aħna se niġu magħkom.” (Aqra Żakkarija 8:23.) Ladarba għal “raġel Lhudi” tintuża l-​kelma “magħkom,” hu jirrappreżenta grupp taʼ nies. Fi żmienna, hu jirrappreżenta l-​fdal taʼ Kristjani midlukin bl-​ispirtu—parti mill-​“Israel t’Alla.” (Gal. 6:16) L-​“għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus” jirrappreżentaw il-​folla kbira taʼ nagħaġ oħrajn. Sewwasew bħalma l-​Kristjani midlukin isegwu lil Ġesù kulfejn imur, il-​folla kbira tmur maʼ l-​ilsir leali u għaqli, jew takkumpanjah. Dawk tal-​folla kbira m’għandhom qatt jistħu jgħidu li huma sħab dawk li ‘għandhom sehem fis-​sejħa tas-​sema.’ (Ebr. 3:1) Ġesù ma jistħix isejħilhom ‘ħutu’ lill-​midlukin.—Ebr. 2:11.

14. Kif jistaʼ jingħata appoġġ leali lil ħut Kristu?

14 Ġesù Kristu jikkunsidra l-​appoġġ leali li jingħata lil ħutu bħallikieku qed jingħata lilu. (Aqra Mattew 25:40.) Mela, b’liema mod setgħu dawk li għandhom it-​tama għall-​art jappoġġaw lil ħut Kristu li huma midlukin bl-​ispirtu? Prinċipalment billi jgħinuhom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. (Mt. 24:14; Ġw. 14:12) Filwaqt li n-​numru tal-​midlukin fuq l-​art naqas matul is-​snin, in-​numru taʼ nagħaġ oħrajn żdied. Meta dawk li għandhom it-​tama għall-​art jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​għoti taʼ xiehda, billi jaqdu, jekk jistaʼ jkun bħala evanġelizzaturi full-time, huma jappoġġaw lill-​midlukin bl-​ispirtu biex iwettqu l-​inkarigu taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) M’għandna qatt inċekknu l-​importanza taʼ l-​opportunitajiet li nappoġġaw dan ix-​xogħol permezz taʼ kontribuzzjonijiet finanzjarji b’diversi modi.

15. Kristjani individwali kif għandhom iwieġbu għall-​ikel spiritwali f’waqtu mingħand l-​ilsir u għad-​deċiżjonijiet organizzazzjonali li jieħu?

15 Bħala Kristjani individwali, kif inqisuh aħna l-​ikel spiritwali f’waqtu li l-​ilsir leali qed jagħtina permezz tal-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja u permezz tal-​laqgħat Kristjani? Grati aħna li nieħdu minnu u napplikaw bil-​ħeġġa dak li nitgħallmu? Kif inwieġbu għad-​deċiżjonijiet organizzazzjonali li jieħu l-​ilsir? L-​ubbidjenza minn qalbna lejn id-​direzzjoni provduta hija evidenza tal-​fidi tagħna fl-​arranġament taʼ Ġeħova.—Ġak. 3:17.

16. Għala għandhom il-​Kristjani kollha jisimgħu minn ħut Kristu?

16 “In-​nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,” qal Ġesù, “u jien nafhom, u huma jiġu warajja.” (Ġw. 10:27) Dan jgħodd għall-​Kristjani midlukin. Xi ngħidu għal dawk li jmorru magħhom? Dawn l-​uħud għandhom jisimgħu minn Ġesù. Iktar minn hekk, għandhom jisimgħu wkoll minn ħutu. Wara kollox, ir-​responsabbiltà prinċipali li jieħdu ħsieb il-​benesseri spiritwali tan-​nies t’Alla ġiet fdata f’idejhom. X’jinvolvi li wieħed jismaʼ minn leħen ħut Kristu?

17. X’hemm involut f’li tismaʼ mill-​klassi taʼ l-​ilsir?

17 L-​ilsir leali u għaqli llum hu rappreżentat mill-​Ġemgħa li Tiggverna, li qed tmexxi u torganizza x-​xogħol taʼ l-​ippridkar madwar l-​art kollha. Il-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna huma anzjani midlukin bl-​ispirtu u għandhom l-​esperjenza. Dawn b’mod partikulari jistgħu jiġu deskritti bħala “dawk li qed imexxu” fostna. (Ebr. 13:7) Biex jieħdu ħsieb il-​kważi 7,000,000 proklamatur tas-​Saltna madwar id-​dinja f’iktar minn 100,000 kongregazzjoni, dawn l-​indokraturi midlukin għandhom ‘ħafna x’jagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.’ (1 Kor. 15:58) Li nisimgħu mill-​klassi taʼ l-​ilsir ifisser li nikkooperaw bis-​sħiħ mal-​Ġemgħa li Tiggverna tagħha.

Dawk li Jisimgħu mill-​Ilsir Jiġu Mberkin

18, 19. (a) Dawk li jisimgħu mill-​ilsir leali u għaqli kif jiġu mberkin? (b) X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

18 Mindu nħatar, dan l-​ilsir leali u għaqli ‘wassal lil ħafna lejn is-​sewwa.’ (Dan. 12:3) Dawn jinkludu lil dawk li għandhom it-​tama li jsalvaw mill-​qerda taʼ din is-​sistema mill-​agħar preżenti. X’barka hi din il-​qagħda ġusta m’Alla!

19 Fil-​futur, meta ‘l-​belt qaddisa, Ġerusalemm il-​Ġdida [magħmula minn 144,000], tinżel mis-​sema mingħand Alla mħejjija bħal għarusa mżejna għal żewġha,’ x’se jesperjenzaw dawk li jkunu semgħu minn leħen l-​ilsir? “Alla stess ikun magħhom,” tgħid il-​Bibbja. “U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Riv. 21:2-4) Għalhekk, mela, ejja nisimgħu minn Kristu u minn ħutu midlukin bl-​ispirtu li huma taʼ min jafdahom.

X’Tgħallimt?

• Liema evidenza hemm li Ġeħova jafda lill-​ilsir leali u għaqli?

• X’juri li Ġesù Kristu għandu fiduċja sħiħa fil-​klassi taʼ l-​ilsir?

• L-​ilsir leali għala jistħoqqlu l-​fiduċja tagħna?

• Kif nuru li aħna nafdaw lill-​ilsir?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 25]

Taf lil min għażel Ġeħova biex tkun l-​għarusa futura t’Ibnu?

[Stampi f’paġna 26]

Ġesù Kristu fada “kulma għandu” f’idejn l-​ilsir leali u għaqli

[Stampa f’paġna 27]

Meta nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar inkunu qed nappoġġaw lil dawk midlukin bl-​ispirtu