Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imita l-Lealtà taʼ Ittaj

Imita l-Lealtà taʼ Ittaj

“KBAR u taʼ l-​għaġeb l-​għemejjel tiegħek, Alla Ġeħova, li Tistaʼ Kollox. Ġusti u veri triqatek, Sultan taʼ l-​eternità. Min tassew ma jibżax minnek, Ġeħova, u ma jigglorifikax lil ismek, għax int biss leali?” Din l-​għanja, li tkantat fis-​sema minn “dawk li ħarġu rebbiħin fuq il-​bhima salvaġġa u fuq ix-​xbieha tagħha,” tiġbed l-​attenzjoni lejn il-​lealtà t’Alla. (Riv. 15:2-4) Ġeħova jrid li l-​aduraturi tiegħu jimitawh billi juru din il-​kwalità tant mixtieqa.—Efes. 4:24.

Mill-banda l-​oħra, Satana x-​Xitan jagħmel minn kollox biex jifred lill-​qaddejja t’Alla fuq l-​art mill-​imħabba taʼ l-​Alla li huma jqimu. Xorta waħda, ħafna żammew il-​lealtà lejn Alla saħansitra f’kundizzjonijiet verament ħorox. Kemm għandna għalxiex inkunu grati li din id-​devozzjoni hija prezzjuża ħafna għal Ġeħova! Tabilħaqq, aħna niġu żgurati: “Ġeħova jħobb il-​ġustizzja, u lil-​leali tiegħu ma jitlaqhomx.” (Salm 37:28) Biex jgħinna nibqgħu leali, fil-​Kelma tiegħu inkluda rekord taʼ l-​għemejjel taʼ ħafna wħud leali. Rakkont minnhom hu dak taʼ Ittaj il-​Gitti.

‘Barrani u Eżiljat’

Ittaj milli jidher twieled Gat, belt prominenti fil-​Filistja, fejn twieled il-​ġgant Gulija u għedewwa oħrajn taʼ Israel li kienu tal-​biżaʼ. L-​ewwel darba li jissemma fil-​Bibbja, dan il-​gwerrier taʼ l-​esperjenza li jismu Ittaj, hu fi żmien l-​irvell t’Absalom kontra s-​Sultan David. Ittaj u s-​600 Filisti li kienu segwewh dak iż-​żmien kienu qed jgħixu fl-​eżilju fil-​viċinanza taʼ Ġerusalemm.

Is-sitwazzjoni taʼ Ittaj u s-​segwaċi tiegħu x’aktarx li fakkret lil David fiż-​żmien meta bħala maħrub u eżiljat hu u 600 gwerrier Israeli marru joqogħdu fit-​territorju tal-​Filistja u daħlu fid-​dominju t’Akis, is-​sultan taʼ Gat. (1 Sam. 27:2, 3) X’kienu se jagħmlu Ittaj u n-​nies tiegħu meta David iffaċċja r-​rewwixta taʼ ibnu Absalom? Kienu huma se jżommu m’Absalom, jibqgħu newtrali, jew jingħaqdu maʼ David u n-​nies tiegħu?

Ġib ix-​xena quddiem għajnejk hekk kif David, li kien qed jaħrab minn Ġerusalemm, jieqaf f’post imsejjaħ Bet-merħak, li jfisser “Id-​Dar Imbiegħda.” Din forsi kienet l-​aħħar dar f’Ġerusalemm fid-​direzzjoni tal-​Muntanja taż-​Żebbuġ qabel taqsam il-​Wied taʼ Kidron. (2 Sam. 15:17; ntt.) Hawnhekk, David jispezzjona l-​qawwiet militari tiegħu hekk kif jgħaddu minn quddiemu. Ara! Miegħu m’hemmx biss l-​Israelin leali imma wkoll il-​Keretin kollha u l-​Peletin kollha. Iktar minn hekk, hemm il-​Gittin kollha—Ittaj u s-​600 gwerrier tiegħu.—2 Sam. 15:18.

David kien jaf kif kien qed iħossu Ittaj u minn qalbu jgħidlu: “Int għala ġej magħna wkoll? Mur lura u għammar mas-​sultan [evidentement ried ifisser m’Absalom]; għax int barrani u, barra minn hekk, int eżiljat minn pajjiżek. Int għadek ġej il-​bieraħ, u se nħallik jien illum tiġġerra magħna, u tmur meta mmur jien u kulfejn immur jien? Mur lura u ħu lil ħutek lura miegħek, u jalla Ġeħova juri miegħek qalb tajba bl-​imħabba u fiduċja sħiħa!”—2 Sam. 15:19, 20.

Ittaj jiddikjara l-​lealtà soda tiegħu. Hu jwieġeb: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova u daqskemm hu ħaj sidi s-​sultan, kulfejn ikun sidi s-​sultan, għall-​mewt jew għall-​ħajja, hemmhekk ikun il-​qaddej tiegħek!” (2 Sam. 15:21) Dan setaʼ fakkar lil David fi kliem simili li qalet il-​bużnanna tiegħu Rut. (Rut 1:16, 17) Din l-​istqarrija taʼ Ittaj tmisslu qalbu lil David, u b’hekk jgħidlu: “Mur u aqsam għan-​naħa l-​oħra” tal-​Wied taʼ Kidron. Għalhekk, “Ittaj il-​Gitti qasam, kif ukoll l-​irġiel kollha tiegħu u ċ-​ċkejknin kollha li kienu miegħu.”—2 Sam. 15:22.

Għall-​Istruzzjoni Tagħna”

“Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna,” jistqarr Rumani 15:4. Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nistaqsu, X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ittaj? Ikkunsidra x’setaʼ qanqlu biex ikun leali lejn David. Avolja kien barrani u eżiljat mill-​Filistja, Ittaj irrikonoxxa lil Ġeħova bħala l-​Alla l-​ħaj u lil David bħala l-​midluk taʼ Ġeħova. Ittaj għażel li ma jkunx preġudikat minħabba l-​mibegħda li kienet teżisti bejn l-​Israelin u l-​Filistin. Hu ma qiesx lil David sempliċement bħala xi ħadd li kien qatel lill-​ġgant Filisti Gulija u lil ħafna nies oħrajn minn pajjiż Ittaj. (1 Sam. 18:6, 7) Ittaj ra lil David bħala bniedem li kien iħobb lil Ġeħova u bla dubju nnota l-​kwalitajiet eċċellenti taʼ David. Mill-​banda l-​oħra, David kellu stima kbira lejn Ittaj. Fil-​fatt, David saħansitra poġġa terz mill-​qawwiet militari tiegħu “taħt il-​kmand taʼ Ittaj” fil-​battalja deċiżiva kontra l-​qawwiet militari t’Absalom!—2 Sam. 18:2.

Aħna wkoll għandna nagħmlu ħilitna kollha biex ma niffokawx fuq id-​differenzi kulturali, razzjali, jew etniċi—xi preġudizzju u mibegħda li jkun għad għandna—u nirrikonoxxu l-​kwalitajiet tajbin f’oħrajn. Ir-​rabta li fformat bejn David u Ittaj turi li l-​fatt li nsiru nafu u nħobbu lil Ġeħova jistaʼ jgħinna negħlbu ostakli bħal dawn.

Hekk kif nirriflettu fuq l-​eżempju taʼ Ittaj, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Nuri jien lealtà bħal din lejn David Akbar, Kristu Ġesù? Nuri l-​lealtà tiegħi billi nkun żeluż biex nieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli?’ (Mt. 24:14; 28:19, 20) ‘Kemm jien lest li nissaporti biex nuri l-​lealtà tiegħi?’

Il-kapijiet tal-​familja wkoll jibbenefikaw billi jimmeditaw fuq l-​eżempju taʼ lealtà taʼ Ittaj. Il-​fedeltà tiegħu lejn David u d-​deċiżjoni li jmur mas-​sultan midluk t’Alla effettwat lin-​nies taʼ Ittaj. Bl-​istess mod, id-​deċiżjonijiet li jieħdu l-​kapijiet tal-​familja biex jappoġġaw il-​qima vera jeffettwaw lill-​familji tagħhom u jistgħu saħansitra jġibu tbatijiet temporanji. Iżda, aħna niġu żgurati: “Maʼ xi ħadd leali int [Ġeħova] se taġixxi b’lealtà.”—Salm 18:25.

Wara l-​battalja taʼ David m’Absalom, l-​Iskrittura ma ssemmi xejn iktar dwar Ittaj. Minkejja dan, ir-​rakkont qasir dwaru fil-​Kelma t’Alla jipprovdi dehen sinifikanti dwar il-​karattru tiegħu matul dak iż-​żmien diffiċli fil-​ħajja taʼ David. Il-​fatt li Ittaj kien inkluż fir-​rakkont ispirat huwa prova li Ġeħova jirrikonoxxi u jippremja lealtà bħal din.—Ebr. 6:10.