Insibu Teżori “Moħbijin bil-Għaqal” Fih
“Fih hemm moħbijin bil-għaqal it-teżori kollha taʼ l-għerf u taʼ l-għarfien.”—KOL. 2:3.
1, 2. (a) Liema artefatti ġew skoperti fl-1922, u fejn spiċċaw? (b) Il-Kelma t’Alla liema stedina tagħmel lil kulħadd?
SKOPERTI taʼ teżori moħbijin spiss ġew meqjusin bħala aħbarijiet importanti. Per eżempju, fl-1922, wara għaxriet taʼ snin taʼ ħidma iebsa f’kundizzjonijiet diffiċli, l-arkeologu Britanniku Howard Carter skopra xi ħaġa impressjonanti. Hu sab il-qabar irjali kważi mhux mittiefes tal-Fargħun Tutankamen, li kien fih mal-5,000 oġġett.
2 Għalkemm l-iskoperta taʼ Carter kienet spettakolari, ħafna mill-artefatti li sab spiċċaw f’mużewijiet u f’kollezzjonijiet privati. Veru li forsi għandhom valur storiku jew artistiku, imma ftit li xejn għandhom effett fuq il-ħajja tagħna taʼ kuljum. Madankollu, il-Kelma t’Alla tistidinna biex infittxu għal teżori li verament jeffettwawna. L-istedina hija miftuħa għal kulħadd, u l-premju jiswa ħafna iktar minn kwalunkwe teżor materjali.—Aqra Proverbji 2:1-6.
3. It-teżori li Ġeħova jħeġġeġ lill-aduraturi tiegħu biex ifittxuhom b’liema modi huma taʼ benefiċċju?
3 Ikkunsidra x’valur għandhom it-teżori li Ġeħova jħeġġeġ lill-aduraturi tiegħu biex ifittxuhom. Fost dawn it-teżori hemm “il-biżaʼ taʼ Ġeħova,” li jistaʼ jipproteġina u jħarisna f’dawn iż-żminijiet perikolużi. (Salm 19:9) Jekk insibu “l-għarfien t’Alla” nistgħu niksbu l-akbar unur li bniedem qatt jistaʼ jkollu—relazzjoni persunali mill-qrib maʼ l-Iktar Għoli. U bit-teżori taʼ l-għerf, l-għarfien, u d-dixxerniment li jagħti Alla, aħna se nkunu nistgħu nittrattaw b’suċċess il-problemi u l-kwistjonijiet fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. (Prov. 9:10, 11) Kif nistgħu nsibu teżori prezzjużi bħal dawn?
Insibu Teżori Spiritwali
4. Kif nistgħu nsibu t-teżori spiritwali?
4 Kuntrarju għal arkeoloġi u esploraturi oħrajn li spiss ikollhom ifittxu kullimkien għat-teżori tagħhom, aħna nafu eżattament fejn jistgħu jinstabu t-teżori spiritwali. Il-Kelma t’Alla, bħal mappa taʼ teżor, tidderiġina lejn il-post eżatt fejn nistgħu nsibu t-teżori li wiegħed Alla. Meta rrefera għall-Kristu, l-appostlu Pawlu kiteb: “Fih hemm moħbijin bil-għaqal it-teżori kollha taʼ l-għerf u taʼ l-għarfien.” (Kol. 2:3) Hekk kif naqraw dan il-kliem, għandna mnejn nistaqsu: ‘Għala għandna nfittxu dawn it-teżori? Kif inhuma “moħbijin” fi Kristu? U kif nistgħu nsibuhom?’ Sabiex nieħdu t-tweġibiet, ejja neżaminaw iktar mill-qrib il-kliem taʼ l-appostlu.
5. Pawlu għala kien qed jikteb dwar it-teżori spiritwali?
5 Pawlu kiteb dan il-kliem lil sħabu l-Kristjani f’Kolossi. Hu qalilhom li kien qed jissielet għan-nom tagħhom sabiex “qlubhom jitfarrġu u jingħaqdu flimkien b’mod armonjuż fl-imħabba.” (Aqra Kolossin 2:1, 2.) Għalfejn kien daqshekk konċernat? Evidentement, Pawlu kien konxju li ħutu hemmhekk setgħu kienu influwenzati minn xi wħud fosthom li kienu qed jippromwovu ċerti filosofiji Griegi jew kienu qed jinkuraġġixxu l-idea li terġaʼ tiġi osservata l-Liġi Mosajka. Hu ordna lil ħutu b’mod sod: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin, skond l-affarijiet elementari tad-dinja u mhux skond Kristu.”—Kol. 2:8.
6. Għala għandna nkunu interessati fil-parir taʼ Pawlu?
6 Illum, aħna niffaċċjaw influwenzi simili minn Satana u mis-sistema mill-agħar tiegħu. Il-filosofiji tad-dinja, inkluż l-attitudni sekulari ċentrata fuq l-interessi umani u t-teorija taʼ l-evoluzzjoni, isawru l-ħsibijiet, il-morali, il-miri, u l-istili taʼ ħajja tan-nies. Ir-reliġjon falza għandha rwol importanti f’ħafna ċelebrazzjonijiet reliġjużi popolari. L-industrija tad-divertiment tissodisfa t-tendenzi baxxi tal-ġisem midneb, u ħafna mill-kontenut taʼ l-Internet joħloq periklu serju kemm għaż-żgħar u kemm għall-kbar. Il-fatt li nkunu esposti l-ħin kollu għal dawn it-tendenzi dinjin u oħrajn jistaʼ faċilment jeffettwa l-emozzjonijiet u l-attitudnijiet tagħna lejn id-direzzjoni li jipprovdi Ġeħova, billi jġegħelna nċedu bil-mod il-mod il-qabda soda tagħna mal-ħajja vera. (Aqra l-1 Timotju 6:17-19.) Jidher ċar li rridu nifhmu sew it-tifsir taʼ kliem Pawlu lill-Kolossin u nieħdu bis-serjetà l-parir tiegħu jekk ma rridux li naqgħu fin-nasbiet makakki taʼ Satana.
7. Pawlu liema żewġ affarijiet qal li kienu se jgħinu lill-Kolossin?
7 Jekk nerġgħu nqisu l-kliem taʼ Pawlu lill-Kolossin ninnotaw li wara li semma t-tħassib tiegħu, hu pponta lejn żewġ affarijiet li kienu se jgħinuhom isibu l-faraġ u jkunu magħqudin fl-imħabba. L-ewwel, hu semma li kellhom “jifhmu b’mod ċar u ċert.” Huma kellhom ikunu konvinti għall-aħħar li l-fehma tagħhom taʼ l-Iskrittura kienet korretta, sabiex il-fidi tagħhom tkun ibbażata fuq pedament sod. (Ebr. 11:1) Imbagħad, hu semma “għarfien eżatt dwar is-sigriet sagru t’Alla.” Huma kellhom bżonn iktar minn għarfien bażiku tal-verità u kellhom jifhmu ċar l-affarijiet iktar profondi t’Alla. (Ebr. 5:13, 14) Tabilħaqq parir f’loku għall-Kolossin u għalina llum! Iżda, kif nistgħu nkunu daqshekk ċerti u niksbu għarfien eżatt bħal dan? Pawlu jagħti t-tweġiba fl-istqarrija profonda tiegħu dwar Ġesù Kristu: “Fih hemm moħbijin bil-għaqal it-teżori kollha taʼ l-għerf u taʼ l-għarfien.”
Teżori “Moħbijin” fi Kristu
8. Spjega t-tifsir tat-terminu “moħbijin” fi Kristu.
8 Għalkemm jingħad li t-teżori kollha taʼ l-għerf u taʼ l-għarfien huma “moħbijin” fi Kristu ma jfissirx li huma msakkrin jew li ma jistgħu jintlaħqu minn ħadd. Minflok, dan sempliċement ifisser li sabiex insibu t-teżori rridu nagħmlu sforz kbir u l-attenzjoni tagħna trid tkun iffokata fuq Ġesù Kristu. Dan hu fi qbil maʼ dak li qal Ġesù dwaru nnifsu: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġw. 14:6) Iva, biex insibu l-għarfien t’Alla, irridu nieħdu vantaġġ mill-għajnuna u d-direzzjoni li jipprovdi Ġesù.
9. Liema rwoli ngħataw lil Ġesù?
9 Minbarra li huwa “t-triq,” Ġesù qal li hu “l-verità, u l-ħajja.” Dan jindika li l-irwol tiegħu huwa ħafna iktar minn sempliċi mezz li bih navviċinaw lill-Missier. Ġesù għandu wkoll irwoli li huma vitali biex nifhmu l-verità tal-Bibbja u biex niksbu l-ħajja taʼ dejjem. Tabilħaqq, f’Ġesù hemm moħbijin it-teżori spiritwali li għandhom valur li ma jitqabbel maʼ xejn u li qed jistennew li jiġu skoperti minn uħud li jistudjaw il-Bibbja bir-reqqa. Ejja neżaminaw xi wħud minn dawn it-teżori li jeffettwaw direttament il-prospetti tagħna tal-futur u r-relazzjoni tagħna m’Alla.
10. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġesù minn Kolossin 1:19 u 2:9?
10 “Fih tgħammar u tidher il-milja kollha tad-divinità.” (Kol. 1:19; 2:9) Minħabba li kien maʼ Missieru tas-sema għal annati sħaħ, Ġesù jaf il-personalità u r-rieda t’Alla aħjar minn kwalunkwe persuna oħra. Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù għallem lil oħrajn dak li Missieru kien għallem lilu u rrifletta fl-azzjonijiet tiegħu l-kwalitajiet li Missieru kien rawwem fih. Huwa għalhekk li Ġesù setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-Missier.” (Ġw. 14:9) L-għerf u l-għarfien kollu t’Alla huma moħbijin, jew qegħdin, fi Kristu, u m’hemmx mod aħjar għalina biex nitgħallmu dwar Ġeħova milli nitgħallmu bir-reqqa dak kollu li nistgħu dwar Ġesù.
11. X’konnessjoni hemm bejn Ġesù u l-profeziji Bibliċi?
11 “L-għoti taʼ xiehda dwar Ġesù hu li jnebbaħ l-ipprofetizzar.” (Riv. 19:10) Dan il-kliem jindika li Ġesù hu l-figura ċentrali biex jitwettqu l-ħafna profeziji li hemm fil-Bibbja. Mill-ewwel dikjarazzjoni profetika taʼ Ġeħova, imniżżla f’Ġenesi 3:15, sal-viżjonijiet glorjużi tal-ktieb tar-Rivelazzjoni, il-profeziji tal-Bibbja jistgħu jiġu mifhumin b’mod korrett biss meta nikkunsidraw l-irwol taʼ Ġesù b’konnessjoni mas-Saltna Messjanika. Dan jispjega għala ħafna profeziji fl-Iskrittura Ebrajka jħawdu lil dawk li ma jaċċettawx lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed. Jispjega wkoll għala Ġesù jidher li hu biss bniedem importanti għal dawk li ma japprezzawx l-Iskrittura Ebrajka, li fiha ħafna profeziji Messjaniċi. L-għarfien dwar Ġesù jgħin lin-nies t’Alla jifhmu t-tifsir tal-profeziji Bibliċi li għad iridu jitwettqu.—2 Kor. 1:20.
12, 13. (a) Ġesù kif inhu “d-dawl tad-dinja”? (b) Minħabba li ġew meħlusin mid-dlam reliġjuż, is-segwaċi taʼ Kristu liema obbligu għandhom?
12 “Jien id-dawl tad-dinja.” (Aqra Ġwanni 8:12; 9:5.) Ħafna qabel ma Ġesù twieled fuq l-art, il-profeta Isaija bassar: “In-nies li kienu mexjin fid-dlam raw dawl kbir. U dawk li jgħammru fl-art taʼ dell iswed ħafna, idda dawl fuqhom.” (Is. 9:2) L-appostlu Mattew spjega li Ġesù wettaq din il-profezija meta Hu beda jippriedka u qal: “Indmu, għax qorbot is-saltna tas-smewwiet.” (Mt. 4:16, 17) Il-ministeru taʼ Ġesù lin-nies ġabilhom tidwil spiritwali u ħelsien mill-jasar tat-tagħlim reliġjuż falz. “Jien ġejt bħala dawl fid-dinja,” qal Ġesù, “sabiex kulmin ipoġġi l-fidi fija ma jibqax fid-dlam.”—Ġw. 1:3-5; 12:46.
13 Ħafna snin wara, l-appostlu Pawlu qal lil sħabu l-Kristjani: “Darba kontu dlam, imma issa sirtu dawl għax intom tal-Mulej. Ibqgħu mexjin bħala wlied id-dawl.” (Efes. 5:8) Minħabba li nħelsu mill-jasar tad-dlam reliġjuż, il-Kristjani għandhom l-obbligu li jimxu bħala wlied id-dawl. Dan hu fi qbil maʼ dak li qal Ġesù lis-segwaċi tiegħu fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mt. 5:16) Tapprezzahom int it-teżori spiritwali li sibt f’Ġesù tant li tirrikkmandahom lil oħrajn, kemm bil-kliem u kemm bil-kondotta Kristjana tajba tiegħek?
14, 15. (a) In-nagħaġ u annimali oħrajn kif kienu parti mill-qima vera fi żminijiet Bibliċi? (b) Ġesù għala huwa teżor li ma jitqabbel maʼ xejn fl-irwol tiegħu bħala “l-Ħaruf t’Alla”?
14 Ġesù hu “l-Ħaruf t’Alla.” (Ġw. 1:29, 36) Fil-Bibbja, in-nagħaġ kellhom irwol importanti biex jinħafer id-dnub u biex in-nies javviċinaw lil Alla. Per eżempju, wara li Abraham kien wera li kien lest joffri lil ibnu Iżakk intqallu biex ma jagħmilx ħsara lil Iżakk u ġie provdut b’muntun, jew nagħġa raġel, bħala sostitut. (Ġen. 22:12, 13) Meta l-Israelin inħelsu mill-Eġittu, in-nagħaġ reġaʼ kellhom irwol sinifikanti, din id-darba bħala parti mill-“Qbiż taʼ Ġeħova.” (Eżo. 12:1-13) Iżjed minn hekk, il-Liġi Mosajka għamlitha possibbli li jiġu sagrifikati diversi annimali, inkluż in-nagħaġ u l-mogħoż.—Eżo. 29:38-42; Lev. 5:6, 7.
15 Ebda wieħed minn dawk is-sagrifiċċji—fil-fatt, ebda sagrifiċċju offrut mill-bniedem—ma setaʼ jġib ħelsien permanenti mid-dnub u mill-mewt. (Ebr. 10:1-4) Ġesù, mill-banda l-oħra, huwa “l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.” Dan il-fatt biss jagħmel lil Ġesù teżor li jisboq kwalunkwe teżor materjali li qatt instab. Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nqattgħu l-ħin nistudjaw is-suġġett tal-fidwa bir-reqqa u neżerċitaw fidi f’dak il-provvediment meraviljuż. Billi nagħmlu hekk ikollna t-tama taʼ barka u premju grandjuż—glorja u unur maʼ Kristu fis-sema għall-“merħla żgħira” u ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-art għan-“nagħaġ oħrajn.”—Lq. 12:32; Ġw. 6:40, 47; 10:16.
16, 17. Għala hu essenzjali li nifhmu l-irwol taʼ Ġesù bħala “l-Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-fidi tagħna”?
16 Ġesù huwa “l-Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-fidi tagħna.” (Aqra Ebrej 12:1, 2.) F’Ebrej kapitlu 11 insibu d-diskussjoni taʼ Pawlu magħmula bis-sengħa dwar il-fidi, li tinkludi definizzjoni konċiża u lista taʼ rġiel u nisa eżemplari taʼ fidi bħal Noè, Abraham, Sara, u Raħab. B’dan kollu f’moħħu, Pawlu ħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani biex ‘iħarsu fiss lejn Ġesù, l-Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-fidi tagħna.’ Għala?
17 Għalkemm dawk l-irġiel u nisa leali li huma mniżżlin f’Ebrej kapitlu 11 kellhom fidi soda fil-wegħda t’Alla, huma ma kinux jafu d-dettalji kollha taʼ kif Alla kien se jwettaq il-wegħda tiegħu permezz tal-Messija u tas-Saltna. F’dan is-sens, il-fidi tagħhom ma kinitx kompleta. Fil-fatt, anki dawk li kienu użati minn Ġeħova biex jiktbu l-ħafna profeziji Messjaniċi ma fehmux għalkollox is-sinifikat taʼ dak li kitbu. (1 Pt. 1:10-12) Permezz taʼ Ġesù biss tistaʼ l-fidi tiġi perfezzjonata, jew issir kompleta. Kemm hu essenzjali li nifhmu ċar u nirrikonoxxu l-irwol taʼ Ġesù bħala “l-Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-fidi tagħna”!
Ibqaʼ Fittex
18, 19. (a) Semmi teżori spiritwali oħrajn moħbijin fi Kristu. (b) Għala għandna nkomplu nħarsu lejn Ġesù għal teżori spiritwali?
18 Ikkunsidrajna biss ftit mill-irwoli prezzjużi taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla għas-salvazzjoni taʼ l-umanità. Għad hemm iktar teżori spiritwali li huma moħbijin fi Kristu. Jekk insibuhom se jkollna l-ferħ u l-benefiċċji. Per eżempju, l-appostlu Pietru sejjaħ lil Ġesù l-“Aġent Ewlieni tal-ħajja” u “kewkba taʼ fil-għodu” li titlaʼ. (Atti 3:15; 5:31; 2 Pt. 1:19) U l-Bibbja applikat it-terminu “Amen” għal Ġesù. (Riv. 3:14) Tafhom int it-tifsira u s-sinifikat taʼ dawn l-irwoli? Bħalma qal Ġesù, “ibqgħu fittxu, u ssibu.”—Mt. 7:7.
19 M’hemm ħadd fl-istorja kollha li ħajtu għandha tant tifsir u li hi tant konnessa mill-qrib mal-ġid etern tagħna daqs dik taʼ Ġesù. Fih hemm teżori spiritwali li jistgħu jintlaħqu faċilment minn dawk li jfittxuhom b’qalbhom kollha. Jalla jkollok il-ferħ u l-barka li ssib it-teżori “moħbijin bil-għaqal” fih.
Tiftakar Int?
• Il-Kristjani liema teżori huma mħeġġin ifittxu?
• Il-parir taʼ Pawlu lill-Kolossin għala għadu xieraq għalina llum?
• Semmi u spjega xi wħud mit-teżori spiritwali “moħbijin” fi Kristu.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 5]
Il-Bibbja hi bħal mappa taʼ teżor li tiggwidana lejn ir-rikkezzi li huma “moħbijin bil-għaqal” fi Kristu