Kont Taqdi Qabel? Tistaʼ Terġaʼ Taqdi?
KONT int taqdi qabel f’pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni Kristjana? Forsi kont qaddej ministerjali jew anzjan. Għandek mnejn kont taqdi f’xi qasam taʼ servizz full-time. Mingħajr dubju, int sibt ferħ u sodisfazzjon kbir fl-inkarigi tiegħek, imma mbagħad għal xi raġuni jew oħra ma stajtx tkompli.
Forsi kellek iċċedi l-privileġġ tiegħek biex tieħu ħsieb xi membri tal-familja. Mill-banda l-oħra, ir-raġuni setgħet kienet l-età jew is-saħħa batuta. Deċiżjonijiet bħal dawn ma jfissrux li ma rnexxejtx. (1 Tim. 5:8) Fl-ewwel seklu, Filippu qeda bħala missjunarju imma iktar tard issetilja f’Ċesarija, fejn ħa ħsieb il-familja tiegħu. (Atti 21:8, 9) Fi xjuħitu, is-Sultan David t’Israel tal-qedem irranġa biex ibnu Salamun ikun is-suċċessur tiegħu fuq it-tron. (1 Slat. 1:1, 32-35) Madankollu, Ġeħova baqaʼ jħobb u japprezza kemm lil Filippu u kemm lil David, u dawn għadhom rispettati sal-lum.
Madankollu, jistaʼ jkun li ttiħidlek xi privileġġ taʼ servizz. Kien minħabba kondotta mhix għaqlija? Jew kien hemm involut xi problemi tal-familja? (1 Tim. 3:2, 4, 10, 12) Għandek mnejn ma ħassejtx li kien hemm bżonn li tittieħed din l-azzjoni u jistaʼ jkun li għadek tħoss xi ftit riżentiment sal-lum.
Int Tistaʼ Tirsisti Biex Terġaʼ Taqdi
Meta jintilef privileġġ, ifisser li qatt ma jistaʼ jerġaʼ jinkiseb? Fil-biċċa l-kbira mill-każi le. Iżda biex terġaʼ taqdi trid tirsisti. (1 Tim. 3:1) Imma għala għandek tixtieq dan? Għall-istess raġuni li ddedikajt lilek innifsek lil Alla—imħabba għal Ġeħova u għal dawk li jaqduh. Jekk int lest li turi din l-imħabba billi terġaʼ taqdi, dan se jippermetti lil Ġeħova juża l-esperjenza li int kellek kemm qabel u kemm wara li tlift il-privileġġ tiegħek.
Ftakar fl-assiguranza li Ġeħova ta lil Israel wara li bi dritt ħadilhom il-privileġġi taʼ servizz. Il-Kelma tiegħu tgħid: “Jien Ġeħova; jien ma nbdiltx. U intom ulied Ġakobb; intom ma ntemmejtux.” (Mal. 3:6) Ġeħova ħabb lill-Israelin u xtaq jużahom iktar. Bl-istess mod, Ġeħova hu interessat li juża lilek fil-futur. X’tistaʼ tagħmel fiċ-ċirkustanzi preżenti tiegħek? Sabiex taqdi l-interessi teokratiċi, is-saħħa spiritwali hi iktar importanti mill-abbiltà naturali. Għalhekk, sakemm m’għandekx iktar responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni, stinka biex issaħħaħ l-ispiritwalità tiegħek.
Biex ‘issir setgħan’ fil-fidi, int trid ‘tfittex lil Ġeħova u s-saħħa tiegħu.’ (1 Kor. 16:13; Salm 105:4) Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu permezz taʼ talb mill-qalb. Meta titkellem dwar is-sitwazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova, esprimi s-sentimenti tiegħek u itlob għall-ispirtu tiegħu. Hekk kif tagħmel dan, int se tersaq eqreb lejn Ġeħova u dan se jagħmlek sod. (Salm 62:8; Flp. 4:6, 13) Mod ieħor kif issaħħaħ l-ispiritwalità tiegħek hu billi ttejjeb l-istudju tal-Kelma t’Alla. B’inqas responsabbiltajiet għalissa, forsi tkun tistaʼ tagħmel iktar f’dak li hu studju persunali u tal-familja, forsi billi terġaʼ tagħmel rutina li kienet diffiċli biex iżommha.
Is. 43:10-12) L-aqwa privileġġ li kull wieħed minna jistaʼ jkollu hu li nkunu “ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) Mod mill-isbaħ kif issaħħaħ l-ispiritwalità tiegħek u taʼ sħabek fil-ministeru hu billi żżid l-attività fis-servizz tal-għalqa.
Naturalment, int xorta għadek tirrappreżenta lil Ġeħova bħala wieħed mix-Xhieda tiegħu. (Kif Tistaʼ Tkampa mas-Sentimenti Tiegħek
Meta titlef privileġġ taʼ servizz jistaʼ jqanqal fik sentiment taʼ mistħija jew dispjaċir. Int forsi għandek tendenza li tiġġustifika l-azzjonijiet tiegħek. Madankollu, xi ngħidu jekk aħwa responsabbli jisimgħu d-difiża tiegħek imma xorta waħda jħossu li m’għandekx iżżomm ċertu privileġġ? Forsi tibqaʼ tħoss xi sentimenti negattivi lejn ħutek u dawn iżommuk lura milli tirsisti jew saħansitra jagħmluhielek diffiċli biex titgħallem minn din l-esperjenza. Ejja nikkunsidraw kif l-esperjenzi taʼ Ġob, Manasse, u Ġużeppi jistgħu jgħinuk tkampa maʼ sentimenti negattivi.
Ġob kien irrappreżenta lil oħrajn quddiem Ġeħova u kien qeda bħala anzjan u mħallef f’soċjetà patrijarkali. (Ġob 1:5; 29:7-17, 21-25) Imbagħad, fi żmien kruċjali f’ħajtu, Ġob tilef il-ġid, it-tfal, u s-saħħa tiegħu. Maʼ dawn, hu tilef ukoll ir-reputazzjoni tajba tiegħu. “Jiddieħqu bija,” qal Ġob, “dawk li huma iżgħar minni fil-jiem.”—Ġob 30:1.
Ġob ħass li kien innoċenti għalkollox u ried jiddefendi lilu nnifsu quddiem Ġeħova. (Ġob 13:15) Madankollu, Ġob kien lest jistrieħ fuq Ġeħova u dan ġablu barkiet. Hu tgħallem li kellu bżonn korrezzjoni, speċjalment minħabba l-mod kif irreaġixxa għall-prova li ġarrab. (Ġob 40:6-8; 42:3, 6) Eventwalment, minħabba li Ġob wera l-umiltà, hu ġie mbierek bil-kbir minn Alla.—Ġob 42:10-13.
Jekk tlift xi privileġġ minħabba għemil ħażin min-naħa tiegħek, int forsi taħseb jekk Ġeħova u ħutek il-Kristjani qattx se jaħfrulek u jinsew verament. Mela kkunsidra l-każ tas-Sultan Manasse taʼ Ġuda. Hu għamel “dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, biex joffendih.” (2 Slat. 21:6) Madankollu, Manasse miet leali waqt li kien qed jaħkem bħala sultan. Dan kif ġara?
Eventwalment, Manasse aċċetta d-dixxiplina. Wara li kien injora t-twissijiet, Ġeħova bagħat kontrih l-Assirjani, li rabtuh bil-ktajjen u eżiljawh ’il bogħod f’Babilonja. Hemmhekk, Manasse “pprova jtaffi l-korla taʼ Ġeħova Alla tiegħu u baqaʼ jumilja ruħu ħafna minħabba l-Alla taʼ missirijietu. U baqaʼ jitolbu.” Indiema mill-qalb wasslet lil Manasse biex jieħu azzjoni ħalli jirranġa l-ħażin, u ġie maħfur.—2 Kron. 33:12, 13.
Privileġġi mitlufin rari jingħataw lura kollha f’daqqa. Madankollu, maż-żmien, tistaʼ tingħata ċerti responsabbiltajiet limitati. Il-fatt li taċċettahom u tagħmel l-aħjar li tistaʼ spiss iwassal għal iktar inkarigi. Dan ma jfissirx li se jkun faċli. Jistaʼ jkun hemm xi diżappunti. Minkejja dan, ir-rieda u l-perseveranza jġibu l-barkiet.
Ġen. 37:2, 26-28) Ċertament li dan ma kienx it-tip taʼ trattament li hu stenna minn ulied missieru. Madankollu, kien lest li jagħmel l-almu tiegħu f’dawn iċ-ċirkustanzi, u bil-barka taʼ Ġeħova hu “nħatar fuq dar sidu.” (Ġen. 39:2) Iktar tard, Ġużeppi ġie mitfugħ il-ħabs. Imma wera li kien leali, u Ġeħova kien miegħu, tant li eventwalment ġie fdat biex jieħu ħsieb l-affarijiet konnessi mal-ħabs.—Ġen. 39:21-23.
Ħu bħala eżempju lil Ġużeppi, it-tifel taʼ Ġakobb. Fl-età taʼ 17-il sena, b’mod inġust Ġużeppi ġie mibjugħ bħala lsir minn ħutu. (Ġużeppi ma kienx jaf li dan kollu kellu jservi għal skop. Hu sempliċement kompla jagħmel dak li setaʼ. Għalhekk, Ġeħova setaʼ jużah biex jippreserva l-linja li kellha twassal għan-Nisel imwiegħed. (Ġen. 3:15; 45:5-8) Filwaqt li ħadd minna ma jistaʼ jistenna li jkollu rwol importanti bħalma kellu Ġużeppi, ir-rakkont ispirat juri li l-id taʼ Ġeħova hi involuta fil-privileġġi li jirċievu l-qaddejja Tiegħu. Żomm il-bieb miftuħ billi timita lil Ġużeppi.
Kif Tistaʼ Titgħallem Minn Esperjenzi Diffiċli
Ġob, Manasse, u Ġużeppi għaddew minn esperjenzi taʼ qtigħ il-qalb. It-tlett irġiel aċċettaw dak li Ġeħova ppermetta, u kull wieħed minnhom tgħallem lezzjonijiet taʼ valur. X’tistaʼ titgħallem int?
Fittex dak li Ġeħova għandu mnejn qiegħed jipprova jgħallmek. Fit-taqbida tiegħu mad-disperazzjoni, Ġob sar moħħu fih innifsu u ma baqax jara l-kwistjonijiet iktar importanti. Madankollu, meta Ġeħova ddixxiplinah bl-imħabba, hu reġaʼ kiseb il-bilanċ u ammetta: “Jien tkellimt, imma ma kontx qed nifhem.” (Ġob 42:3) Jekk tħossok imweġġaʼ minħabba li tlift xi privileġġi, ‘taħsibx li int xi ħaġa iktar milli hu xieraq, imma aħseb b’tali mod li jkollok moħħ f’loku.’ (Rum. 12:3) Ġeħova għandu mnejn qed jipprova jaġġustak b’tali mod li int għadek ma tifhimx għalkollox.
Aċċetta d-dixxiplina. Forsi għall-ewwel Manasse ma ħassx li kien jixraqlu ċanfira daqstant iebsa bħalma rċieva. Madankollu, hu aċċettaha, nidem, u abbanduna l-korsa żbaljata tiegħu. Tħossok kif tħossok rigward id-dixxiplina li rċivejt, ‘umilja ruħek f’għajnejn Ġeħova, u hu jeżaltak.’—1 Pt. 5:6; Ġak. 4:10.
Kun paċenzjuż u dispost. L-esperjenzi taʼ Ġużeppi setgħu faċilment wassluh biex iżomm f’qalbu sentimenti taʼ mibegħda u vendikazzjoni. Minflok, hu żviluppa d-dehen u l-ħniena. (Ġen. 50:15-21) Jekk ġejt diżappuntat, kun paċenzjuż. Kun dispost li tiġi mħarreġ minn Ġeħova.
Kont taqdi qabel f’pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni Kristjana? Agħti l-opportunità lil Ġeħova biex fil-futur jagħtik xi privileġġi. Saħħaħ l-ispiritwalità tiegħek. Immodera s-sentimenti tiegħek bil-paċenzja u l-umiltà. Kun lest li taċċetta kwalunkwe inkarigu li tistaʼ tingħata. Kun żgur li “Ġeħova mhux se jżomm lura xi ħaġa tajba minn dawk li jimxu mingħajr nuqqas.”—Salm 84:11.
[Kumment f’paġna 30]
Sir setgħan fil-fidi permezz taʼ talb mill-qalb
[Stampa f’paġna 31]
Mod mill-isbaħ kif issaħħaħ l-ispiritwalità tiegħek hu billi żżid l-attività fis-servizz tal-għalqa
[Stampa f’paġna 32]
Agħti l-opportunità lil Ġeħova biex fil-futur jagħtik xi privileġġi