“Intom Ħbiebi”
“Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qed nordnalkom.”—ĠW. 15:14.
1, 2. (a) Il-ħbieb taʼ Ġesù minn liema ambjenti differenti kienu ġejjin? (b) Għala hu vitali li nkunu ħbieb maʼ Ġesù?
L-IRĠIEL bilqiegħda fil-kamra taʼ fuq maʼ Ġesù kienu ġejjin minn ambjenti differenti tal-ħajja. L-aħwa Pietru u Indrì kienu sajjieda. Mattew, qabel kien kollettur tat-taxxa—membru taʼ professjoni li kienet mistmerra mil-Lhud. Xi wħud, bħal Ġakbu u Ġwanni, x’aktarx li kienu jafu lil Ġesù mit-tfulija. Oħrajn, bħal Natanjel, forsi kienu ilhom jafuh ftit snin biss. (Ġw. 1:43-50) Madankollu, dawk kollha preżenti f’dak il-lejl importanti tal-Qbiż f’Ġerusalemm kienu konvinti li Ġesù kien il-Messija mwiegħed, l-Iben tal-Alla l-ħaj. (Ġw. 6:68, 69) Żgur li ħassewhom maħbubin meta qalilhom: “Sejjaħtilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.”—Ġw. 15:15.
2 Dan il-kliem li Ġesù qal lill-appostli leali tiegħu japplika fil-prinċipju għall-Kristjani midlukin kollha llum u anki għal sħabhom in-“nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Hu x’inhu l-ambjent li ġejjin minnu, jistaʼ jkollna l-privileġġ li nkunu ħbieb maʼ Ġesù. Il-ħbiberija tagħna miegħu hi tal-akbar importanza għax jekk inkunu ħbieb miegħu nkunu wkoll ħbieb maʼ Ġeħova. Fil-fatt, huwa impossibbli li nersqu qrib lejn Ġeħova mingħajr ma l-ewwel nersqu qrib lejn Kristu. (Aqra Ġwanni 14:6, 21.) Mela allura, x’għandna nagħmlu biex insiru u nibqgħu ħbieb maʼ Ġesù? Qabel ma neżaminaw dan is-suġġett importanti, ejja neżaminaw l-eżempju taʼ Ġesù stess dwar kif kien ħabib tajjeb u naraw x’nistgħu nitgħallmu minn dak li qalu u għamlu d-dixxipli tiegħu minħabba din il-ħbiberija.
Ġesù—Eżempju taʼ Kif Ikun Ħabib Tajjeb
3. Ġesù għal xiex kien magħruf?
3 “Ħafna huma l-ħbieb taʼ l-għani,” kiteb l-għaref Sultan Salamun. (Prov. 14:20) Din l-osservazzjoni tiġbor fil-qosor it-tendenza tal-bnedmin imperfetti li jifformaw ħbiberiji bbażati fuq dak li jistgħu jirċievu minflok fuq dak li jistgħu jagħtu. Ġesù ma kellux dgħufija bħal din. Hu ma ġiex influwenzat mill-qagħda finanzjarja jew soċjali taʼ persuna. Veru, Ġesù ħass imħabba għal ħakkiem żagħżugħ għani u stiednu biex ikun segwaċi tiegħu. Madankollu, Ġesù qal lir-raġel biex ibigħ dak li kellu u jagħtih lill-foqra. (Mk. 10:17-22; Lq. 18:18, 23) Ġesù kien magħruf bħala ħabib tan-nies batuti u mistmerra, mhux tas-sinjuri u l-prominenti.—Mt. 11:19.
4. Għala nistgħu ngħidu li l-ħbieb taʼ Ġesù kellhom in-nuqqasijiet?
4 Ċertament, il-ħbieb taʼ Ġesù kienu individwi b’nuqqasijiet. Pietru kultant naqas li jara l-affarijiet minn perspettiva spiritwali. (Mt. 16:21-23) Ġakbu u Ġwanni wrew spirtu ambizzjuż meta staqsew biex Ġesù jagħtihom pożizzjonijiet prominenti fis-Saltna. L-azzjoni tagħhom irrabjat lill-appostli l-oħrajn, u l-kwistjoni tal-prominenza kienet il-kaġun t’argumenti kontinwi. Madankollu, Ġesù bil-paċenzja pprova jirranġa l-ħsieb tal-ħbieb tiegħu u ma rrabjax magħhom malajr.—Mt. 20:20-28.
5, 6. (a) Ġesù għala baqaʼ ħbieb mal-biċċa l-kbira mill-appostli? (b) Ġesù għala temm il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġuda?
5 Ġesù ma baqax ħbieb maʼ dawn l-irġiel imperfetti għax kien permissiv iżżejjed jew għax ma kienx jara l-imperfezzjonijiet tagħhom. Minflok, hu għażel li jiffoka fuq l-intenzjonijiet tajbin u fuq il-kwalitajiet pożittivi tagħhom. Pereżempju, Pietru, Ġakbu, u Ġwanni raqdu minflok m’appoġġaw lil Ġesù matul l-iktar żmien diffiċli tiegħu. Ġesù kellu raġun ikun diżappuntat bihom. Xorta waħda, hu ra li l-motivi tagħhom kienu tajbin għax qalilhom: “L-ispirtu hu ħerqan imma l-laħam dgħajjef.”—Mt. 26:41.
6 B’kuntrast, Ġesù temm il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġuda l-Iskarjota. Għalkemm Ġuda minn barra deher li żamm il-ħbiberija, Ġesù induna li dak li qabel kien ħabib tal-qalb kien ippermetta li qalbu tiġi korrotta. Minħabba li Ġuda sar ħabib tad-dinja, hu għamel lilu nnifsu għadu t’Alla. (Ġak. 4:4) Għalhekk, Ġesù kien diġà bagħat lil Ġuda ’l barra meta Hu ddikjara l-ħbiberija Tiegħu mal-11-il appostlu leali li kien baqaʼ.—Ġw. 13:21-35.
7, 8. Ġesù kif wera mħabbtu għal ħbiebu?
7 Ġesù ma ffokax fuq in-nuqqasijiet tal-ħbieb leali tiegħu imma hu aġixxa fl-aħjar interessi tagħhom. Pereżempju, hu talab lil Missieru biex jipproteġihom matul il-provi tagħhom. (Aqra Ġwanni 17:11.) Ġesù wera konsiderazzjoni għal-limitazzjonijiet fiżiċi tagħhom. (Mk. 6:30-32) U ma kienx interessat biss f’li jgħidilhom dak li kien jaħseb hu imma kien ukoll jismaʼ u jifhem dak li huma kienu jaħsbu u kif kienu jħossuhom.—Mt. 16:13-16; 17:24-26.
8 Ġesù għex u miet għal ħbiebu. Veru, hu kien jaf li kellu joffri ħajtu bħala ħtieġa legali biex jissodisfa l-livell taʼ ġustizzja taʼ Missieru. (Mt. 26:27, 28; Ebr. 9:22, 28) Imma Ġesù ta ħajtu biex juri mħabbtu. Ġesù qal: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.”—Ġw. 15:13.
Id-Dixxipli Kif Irreaġixxew għall-Ħbiberija taʼ Ġesù?
9, 10. In-nies kif irreaġixxew għall-ġenerożità taʼ Ġesù?
9 Ġesù kien ġeneruż fil-ħin, fl-affezzjoni, u fl-affarijiet materjali tiegħu. Minħabba f’hekk, in-nies kienu jinġibdu lejh u kienu ferħanin li jagħtuh lura. (Lq. 8:1-3) Mill-esperjenza persunali, Ġesù setaʼ jgħid: “Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom. Iferrgħulkom f’ħoġorkom kejl tajjeb, marsus, mheżżeż, u mfawwar. Għax bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom lura.”—Lq. 6:38.
10 M’għandniex xi ngħidu, xi wħud ipprovaw jissieħbu maʼ Ġesù sempliċement għal dak li setgħu jakkwistaw mingħandu. Dawn il-ħbieb foloz abbandunaw lil Ġesù meta fehmu ħażin xi ħaġa li kien qal. Minflok ma fdaw f’Ġesù meta ma fehmuhx, huma malajr waslu għal konklużjoni żbaljata u ċaħduh. B’kuntrast, l-appostli kienu leali. Il-ħbiberija tagħhom maʼ Kristu spiss għaddiet minn prova, imma huma għamlu l-aħjar li setgħu biex jappoġġawh matul żminijiet tajbin u koroh. (Aqra Ġwanni 6:26, 56, 60, 66-68.) Fl-aħħar lejl tiegħu fuq l-art bħala bniedem, Ġesù esprima l-apprezzament tiegħu lejn ħbiebu, billi qalilhom: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-provi tiegħi.”—Lq. 22:28.
11, 12. Ġesù kif aċċertahom lid-dixxipli, u huma kif wieġbu?
11 Ftit wara li Ġesù faħħar lid-dixxipli tiegħu għal-lealtà tagħhom, dawn l-istess irġiel abbandunawh. Għal ftit, huma ħallew il-biżaʼ mill-bniedem jegħleb l-imħabba tagħhom għal Kristu. Għal darb’oħra, Ġesù ħafrilhom. Wara l-mewt u l-irxoxt tiegħu, hu dehrilhom u aċċertahom mill-ħbiberija tiegħu. Iktar minn hekk, hu fdalhom inkarigu sagru—biex jagħmlu dixxipli “min-nies tal-ġnus kollha” u biex ikunu xhieda tiegħu “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Mt. 28:19; Atti 1:8) Id-dixxipli kif wieġbu?
12 Id-dixxipli ntefgħu b’ruħhom u ġisimhom f’li jxerrdu l-messaġġ tas-Saltna. Bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, huma malajr imlew lil Ġerusalemm bit-tagħlim tagħhom. (Atti 5:27-29) Lanqas saħansitra t-theddida tal-mewt ma waqqfithom milli jobdu l-kmand taʼ Ġesù biex jagħmlu dixxipli. Wara biss ftit għaxriet taʼ snin li rċivew il-kmand taʼ Ġesù, l-appostlu Pawlu setaʼ jikteb li l-aħbar tajba kienet ġiet pritkata “fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” (Kol. 1:23) Ċertament, dawn id-dixxipli wrew li huma kienu japprezzaw il-ħbiberija kbira li kellhom maʼ Ġesù!
13. Id-dixxipli taʼ Ġesù b’liema modi ħallew it-tagħlim tiegħu jeffettwahom?
13 Dawk li saru dixxipli ħallew ukoll it-tagħlim taʼ Ġesù jeffettwa l-ħajja persunali tagħhom. Għal ħafna, dan kien ifisser li jagħmlu bidliet kbar fl-imġiba u fil-personalità tagħhom. Xi dixxipli ġodda qabel kienu omosesswali, adulteri, sakranazzi, jew ħallelin. (1 Kor. 6:9-11) Oħrajn kellhom ibiddlu l-attitudni tagħhom lejn dawk taʼ razza oħra. (Atti 10:25-28) Xorta waħda, huma obdew lil Ġesù. Huma neżgħu l-personalità l-qadima tagħhom u libsu l-ġdida. (Efes. 4:20-24) Saru familjari mal-“moħħ taʼ Kristu,” billi fehmu u imitaw il-mod kif jaħseb u jaġixxi hu.—1 Kor. 2:16.
Ħbiberija maʼ Kristu Llum
14. Ġesù x’wiegħed li se jagħmel matul il-“konklużjoni tas-sistema”?
14 Ħafna mill-Kristjani tal-ewwel seklu kienu jafu lil Ġesù personalment jew rawh wara li ġie rxoxtat. Ovvjament, aħna ma kellniex dan il-privileġġ. Allura, kif nistgħu nkunu ħbieb taʼ Kristu? Mod wieħed hu billi nobdu d-direzzjoni li tagħtina l-klassi tal-ilsir leali u għaqli, li hi magħmula minn ħut Ġesù midlukin bl-ispirtu li għadhom ħajjin fuq l-art. Ġesù wiegħed li matul il-“konklużjoni tas-sistema,” hu kien se jaħtar lil dan l-ilsir “fuq kulma għandu.” (Mt. 24:3, 45-47) Illum, il-biċċa l-kbira minn dawk li jfittxu li jkunu ħbieb maʼ Kristu mhumiex membri taʼ din il-klassi tal-ilsir. Il-mod kif iwieġbu għad-direzzjoni li jirċievu mingħand il-klassi tal-ilsir leali kif jinfluwenza l-ħbiberija tagħhom maʼ Kristu?
15. X’se jiddetermina jekk persuna tkunx magħduda bħala nagħġa jew bħala mogħża?
15 Aqra Mattew 25:31-40. Ġesù sejħilhom ħutu lil dawk li jifformaw il-klassi tal-ilsir leali. Fit-tixbiha tiegħu dwar is-separazzjoni tan-nagħaġ mill-mogħoż, Ġesù b’mod ċar jgħid li hu jqis il-mod kif nittrattaw lil ħutu bħala xi ħaġa persunali. Fil-fatt, hu qal li dak li kien se jiddetermina nagħġa minn mogħża kien se jkun il-mod kif individwu ttratta saħansitra lil ‘wieħed mill-iżgħar minn dawn ħutu.’ Għalhekk, il-mod primarju li bih dawk li għandhom it-tama għall-art juru x-xewqa tagħhom li jkunu ħbieb maʼ Kristu hu billi jappoġġaw il-klassi tal-ilsir leali.
16, 17. Kif nistgħu nuru l-ħbiberija tagħna lejn ħut Kristu?
16 Jekk int tittama li tgħix fuq l-art taħt is-Saltna t’Alla, kif tistaʼ turi l-ħbiberija tiegħek lejn ħut Kristu? Ejja nikkunsidraw tliet modi biss. L-ewwel, billi tieħu sehem b’qalbek kollha fix-xogħol tal-ippritkar. Kristu kkmanda lil ħutu biex jippritkaw l-aħbar tajba mad-dinja kollha. (Mt. 24:14) Madankollu, il-fdal taʼ ħut Kristu fuq l-art illum kieku jsibuha diffiċli biex iwettqu din ir-responsabbiltà mingħajr l-għajnuna taʼ sħabhom in-nagħaġ l-oħrajn. Fil-fatt, kull darba li membri tal-klassi tan-nagħaġ oħrajn jieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar, huma jkunu qed jgħinu lil ħut Kristu biex iwettqu l-inkarigu sagru tagħhom. Kristu u l-klassi tal-ilsir leali u għaqli japprezzaw ħafna dan l-att taʼ ħbiberija.
17 It-tieni mod li bih dawk tal-klassi tan-nagħaġ oħrajn jistgħu jgħinu lil ħut Kristu hu billi jappoġġaw finanzjarjament ix-xogħol tal-ippritkar. Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu ħbieb għalihom infushom permezz “taʼ l-għana mhux ġust.” (Lq. 16:9) Mhux għax nistgħu nixtru l-ħbiberija maʼ Ġesù jew maʼ Ġeħova. Minflok, billi nużaw il-ġid materjali biex inġibu ’l quddiem l-interessi tas-Saltna, aħna nkunu qed nuru l-ħbiberija u l-imħabba tagħna, mhux biss bil-kliem, imma “bl-għemil u l-verità.” (1 Ġw. 3:16-18) Aħna nagħtu appoġġ finanzjarju bħal dan meta nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar, meta nagħtu xi flus għall-kostruzzjoni u għall-manutenzjoni tal-postijiet taʼ qima tagħna, u meta nikkontribwixxu fondi għax-xogħol tal-ippritkar mad-dinja kollha. Hu kemm hu l-ammont li nikkontribwixxu, kemm Ġeħova kif ukoll Ġesù ċertament li japprezzaw l-għoti bil-ferħ tagħna.—2 Kor. 9:7.
18. Għala għandna nobdu d-direzzjoni bbażata fuq il-Bibbja li tingħata mill-anzjani tal-kongregazzjoni?
18 It-tielet mod li bih ilkoll kemm aħna nuru li aħna ħbieb taʼ Kristu hu billi nikkooperaw mad-direzzjoni provduta mill-anzjani tal-kongregazzjoni. Dawn l-irġiel huma maħturin mill-ispirtu qaddis taħt id-direzzjoni taʼ Kristu. (Efes. 5:23) “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Ebr. 13:17) Kultant nistgħu nsibuha taʼ sfida li nobdu direzzjoni bbażata fuq il-Bibbja li tingħata mill-anzjani lokali. X’aktarx li aħna konxji tal-imperfezzjonijiet tagħhom, u dan jistaʼ jġegħelna nħarsu lejn il-parir tagħhom b’mod ħażin. Xorta waħda, Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni, hu kuntent li juża lil dawn l-irġiel imperfetti. Għalhekk, il-mod kif nirreaġixxu għall-awtorità tagħhom jinfluwenza direttament il-ħbiberija tagħna maʼ Kristu. Meta ngħalqu għajnejna għan-nuqqasijiet tal-anzjani u bil-ferħ insegwu d-direzzjoni tagħhom, nuru l-imħabba tagħna lejn Kristu.
Fejn Nistgħu Nsibu Ħbieb Tajbin
19, 20. X’nistgħu nsibu fil-kongregazzjoni, u x’se nikkunsidraw darb’oħra?
19 Ġesù jkompli jieħu ħsiebna mhux biss permezz t’indokrar minn rgħajja kollhom imħabba, imma wkoll billi pprovdielna ommijiet u aħwa spiritwali fil-kongregazzjoni. (Aqra Marku 10:29, 30.) Meta int għall-ewwel bdejt tissieħeb mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kif irreaġixxew qrabatek? Nittamaw li appoġġaw l-isforzi tiegħek biex tersaq qrib lejn Alla u Kristu. Imma Ġesù wissa li kultant “bniedem ikollu n-nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu.” (Mt. 10:36) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li fil-kongregazzjoni nistgħu nsibu wħud li jintrabtu magħna iktar minn ħu letterali!—Prov. 18:24.
20 Bħalma hu indikat mit-tislijiet persunali taʼ Pawlu fil-konklużjoni tal-ittra tiegħu lill-kongregazzjoni taʼ Ruma, hu għamel ħafna ħbieb tal-qalb. (Rum. 16:8-16) L-appostlu Ġwanni għalaq it-tielet ittra tiegħu bil-kliem: “Sellili għall-ħbieb b’isimhom.” (3 Ġw. 14) Ovvjament, hu wkoll kien żviluppa ħbiberiji dejjiema. Kif nistgħu aħna nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù u tad-dixxipli tal-bidu billi nagħmlu u nżommu ħbiberiji b’saħħithom maʼ ħutna spiritwali? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra t-tweġiba għal din il-mistoqsija.
Int Kif Twieġeb?
• Liema eżempju ħalla Ġesù dwar kif ikun ħabib tajjeb?
• Id-dixxipli kif irreaġixxew għall-ħbiberija taʼ Ġesù?
• Kif nistgħu nuru li aħna ħbieb taʼ Kristu?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 14]
Ġesù kien interessat f’dak li kienu jaħsbu ħbiebu u kif kienu jħossuhom
[Stampi f’paġna 16]
Kif nistgħu nuru x-xewqa tagħna li nkunu ħbieb maʼ Kristu?