Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Komplu Ikbru fl-Imħabba Lejn l-Aħwa

Komplu Ikbru fl-Imħabba Lejn l-Aħwa

“Ibqgħu mexjin bl-​imħabba, bħalma l-​Kristu wkoll ħabbkom.”—EFES. 5:2.

1. Ġesù pponta lejn liema karatteristika importanti tas-​segwaċi tiegħu?

 L-​IPPRITKAR tal-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla minn dar għal dar huwa xi ħaġa li tidentifika lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Xorta waħda, Kristu Ġesù għażel aspett differenti tal-​Kristjanità biex jidentifika lid-​dixxipli ġenwini tiegħu. Hu qal: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”—Ġw. 13:34, 35.

2, 3. L-​imħabba tagħna lejn l-​aħwa x’effett għandha fuq dawk li jattendu l-​laqgħat Kristjani tagħna?

2 Ħadd ieħor m’għandu mħabba bħall-​imħabba fost il-​fratellanza Kristjana vera. Sewwasew bħalma kalamita tiġbed il-​ħadid, hekk ukoll l-​imħabba tressaq lill-​qaddejja taʼ Ġeħova lejn xulxin f’unità u tiġbed lil uħud sinċieri lejn il-​qima vera. Pereżempju, ikkunsidra lil Marcelino, raġel fil-​Kamerun li tilef id-​dawl t’għajnejh fuq ix-​xogħol. Wara l-​inċident tiegħu, infirxet ix-​xniegħa li hu kien tilef id-​dawl t’għajnejh minħabba li kien saħħar. Minflok ma farrġuh, il-​kappillan tiegħu u membri oħrajn tal-​knisja tiegħu keċċewh mill-​kongregazzjoni. Meta wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova stiednu għal waħda mil-​laqgħat, Marcelino żamm daqsxejn lura. Ma riedx li jerġaʼ jiġi mwarrab.

3 Marcelino baqaʼ skantat b’dak li ġara fis-​Sala tas-​Saltna. Ġie milqugħ mill-​qalb, u kiseb faraġ mit-​tagħlim Bibliku li semaʼ. Beda jattendi l-​laqgħat kollha tal-​kongregazzjoni, għamel progress fl-​istudju tal-​Bibbja tiegħu, u tgħammed fl-​2006. Issa qed jaqsam il-​verità mal-​familja u l-​ġirien tiegħu u beda diversi studji tal-​Bibbja. Marcelino jrid li l-​individwi li jistudjaw il-​Bibbja miegħu jħossu l-​istess imħabba li esperjenza hu fost il-​poplu t’Alla.

4. Għala għandna nobdu t-​twissija taʼ Pawlu biex ‘nibqgħu mexjin bl-​imħabba’?

4 Filwaqt li hi attraenti, l-​imħabba tagħna lejn l-​aħwa ma tistax tittieħed ħafif ħafif. Aħseb dwar ħuġġieġa żgħira bil-​lejl, din tiġbed lin-​nies lejn il-​fjammi sħan u jnemmnu tagħha. Jekk dawk li qed igawdu l-​ħuġġieġa ma jitfgħulha xejn biex tkompli taqbad, din se tintefa. Bl-​istess mod, l-​għaqda taʼ mħabba meraviljuża fil-​kongregazzjoni se tiddgħajjef jekk aħna bħala Kristjani individwali ma naħdmux biex insaħħuha. Kif nistgħu nagħmlu dan? L-​appostlu Pawlu jwieġeb: “Ibqgħu mexjin bl-​imħabba, bħalma l-​Kristu wkoll ħabbkom u ta lilu nnifsu għalikom bħala offerta u sagrifiċċju b’riħa tfuħ lil Alla.” (Efes. 5:2) Il-​mistoqsija li rridu nikkunsidraw hi, Jien b’liema modi nistaʼ nkompli miexi bl-​imħabba?

“Wessgħu Qalbkom Intom Ukoll”

5, 6. Pawlu għala ħeġġeġ lill-​Kristjani f’Korintu biex ‘iwessgħu qalbhom’?

5 Lill-​Kristjani f’Korintu tal-​qedem, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Ftaħna fommna għalikom, Korintin, wessajna qalbna. M’hemmx nuqqas taʼ wisaʼ għalikom fina, imma hemm nuqqas taʼ wisaʼ fl-​affezzjoni tenera tagħkom. Għalhekk, biex tpattulna—inkellimkom bħallikieku tfal—wessgħu qalbkom intom ukoll.” (2 Kor. 6:11-13) Pawlu għala ħeġġeġ lill-​Korintin biex iwessgħu qalbhom fl-​imħabba?

6 Ikkunsidra kif il-​kongregazzjoni f’Korintu tal-​qedem ġiet stabbilita. Pawlu mar Korintu fil-​ħarifa tas-​sena 50 E.K. Għalkemm ix-​xogħol tal-​ippritkar tiegħu hemmhekk kien diffiċli għall-​ewwel, l-​appostlu ma qatax qalbu. Fi żmien qasir, ħafna f’dik il-​belt poġġew fidi fl-​aħbar tajba. Għal “sena u sitt xhur,” Pawlu ndtefaʼ b’ruħu u b’ġismu jgħallem u jsaħħaħ il-​kongregazzjoni l-​ġdida. B’mod ċar, hu kellu mħabba profonda għall-​Kristjani f’Korintu. (Atti 18:5, 6, 9-11) Huma kellhom kull raġuni biex iħobbuh u jirrispettawh lura. Madankollu, xi wħud fil-​kongregazzjoni tbiegħdu minnu. Forsi ftit minnhom m’għoġbuhomx il-​pariri diretti tiegħu. (1 Kor. 5:1-5; 6:1-10) Oħrajn forsi semgħu l-​malafama tal-​“appostli raffinati żżejjed.” (2 Kor. 11:5, 6) Pawlu ried l-​imħabba ġenwina taʼ ħutu kollha. Għalhekk, talabhom bil-​ħniena biex ‘iwessgħu qalbhom’ billi jersqu qrib lejh u lejn sħabhom fit-​twemmin oħrajn.

7. Kif nistgħu ‘nwessgħu qalbna’ f’li nuru mħabba lejn l-​aħwa?

7 Xi ngħidu għalina? Kif nistgħu ‘nwessgħu qalbna’ f’li nuru mħabba lejn l-​aħwa? Individwi tal-​istess età jew tal-​istess sfond etniku għandhom mnejn jinġibdu lejn xulxin b’mod naturali. U dawk b’gosti simili fir-​rikreazzjoni spiss iqattgħu ħafna ħin flimkien. Imma jekk l-​interessi li naqsmu maʼ xi Kristjani jifirduna minn oħrajn, hemm bżonn li ‘nwessgħu qalbna.’ Ikun għaqli li nistaqsu lilna nfusna: ‘Rari nieħu sehem fil-​ministeru jew f’attivitajiet soċjali m’aħwa barra mill-​grupp intimu tiegħi? Fis-​Sala tas-​Saltna, nillimita l-​kuntatt tiegħi maʼ wħud ġodda għaliex inħoss li huma maż-​żmien għandhom jaħdmu biex jiksbu l-​ħbiberija tiegħi? Nilqaʼ kemm lill-​kbar u kemm liż-​żgħar fil-​kongregazzjoni?’

8, 9. Il-​parir taʼ Pawlu mniżżel f’Rumani 15:7 kif jistaʼ jgħinna nilqgħu lil xulxin b’mod li jsaħħaħ l-​imħabba tagħna lejn l-​aħwa?

8 Fil-​kwistjoni taʼ li nilqgħu lil xulxin, il-​kliem taʼ Pawlu lir-​Rumani jistaʼ jgħinna niżviluppaw il-​ħarsa xierqa lejn l-​aduraturi sħabna. (Aqra Rumani 15:7.) Il-​kelma Griega tradotta hawnhekk “ilqgħu” tfisser “li tilqaʼ b’qalb tajba jew b’ospitalità, li ddaħħal lil dak li jkun fis-​soċjetà u l-​ħbiberija tiegħek.” Fi żminijiet Bibliċi, meta xi ħadd kien juri l-​ospitalità u jilqaʼ l-​ħbieb f’daru, hu kien jurihom kemm kien ferħan li qed jarahom. Kristu b’mod figurattiv laqgħana b’dan il-​mod, u aħna mħeġġin nimitawh billi nilqgħu lill-​aduraturi sħabna.

9 Hekk kif nilqgħu lil ħutna fis-​Sala tas-​Saltna u f’postijiet oħrajn, nistgħu nagħtu attenzjoni lil dawk li ilna ftit ma naraw jew inkellmu. Għala ma tqattax ftit minuti tkellimhom? Fil-​laqgħa li jmiss, nistgħu nagħmlu l-​istess m’oħrajn. Fi ftit żmien, inkunu gawdejna konversazzjonijiet pjaċevoli mal-​maġġuranza minn ħutna. M’hemmx għalfejn tinkwieta jekk ma tilħaqx tkellem lil kulħadd fl-​istess ġurnata. Ħadd m’għandu jieħu għalih jekk ma nkunux nistgħu nilqgħuh f’kull laqgħa.

10. Liema opportunità prezzjuża hija disponibbli għal dawk kollha fil-​kongregazzjoni, u kif nistgħu nieħdu vantaġġ sħiħ minnha?

10 Li nilqgħu lil oħrajn hu l-​ewwel pass f’li nagħtuhom merħba. Huwa pass li jistaʼ jwassal għal diskussjonijiet pjaċevoli u ħbiberiji dejjiema. Pereżempju, meta dawk li jattendu konvenzjonijiet u assembleat jintroduċu lilhom infushom m’oħrajn u jibdew jitkellmu, huma jħarsu ’l quddiem biex jerġgħu jiltaqgħu. Volontieri li jaħdmu fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna kif ukoll dawk li jieħdu sehem fix-​xogħol t’għajnuna wara xi diżastru, spiss isiru ħbieb tal-​qalb għaliex isiru jafu l-​kwalitajiet mill-​isbaħ taʼ xulxin permezz tal-​esperjenzi li jaqsmu. L-​opportunitajiet biex nifformaw ħbiberiji dejjiema joktru fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Jekk ‘inwessgħu qalbna,’ iċ-​ċirku taʼ ħbieb tagħna se jikber, u b’hekk l-​imħabba li tgħaqqadna fil-​qima vera se tissaħħaħ.

Agħmlu l-​Ħin Għal Oħrajn

11. Bħalma jidher f’Marku 10:13-16, Ġesù liema eżempju ħalla?

11 Il-​Kristjani kollha jistgħu jistinkaw biex ikunu avviċinabbli, bħalma kien Ġesù. Ikkunsidra kif Ġesù wieġeb meta d-​dixxipli tiegħu pprovaw iwaqqfu lil xi ġenituri milli jġibu t-​tfal tagħhom għandu. “Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi,” qal hu. “Tipprovawx twaqqfuhom, għax is-​saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.” Imbagħad, “ħaddan it-​tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.” (Mk. 10:13-16) Immaġina kemm ħassewhom ferħanin dawk it-​tfal li kienu qed jintwerew din l-​attenzjoni kollha mħabba mill-​Għalliem il-​Kbir!

12. X’jistaʼ jtellifna milli nitkellmu m’oħrajn?

12 Kull Kristjan għandu jistaqsi lilu nnifsu, ‘Nagħmel lili nnifsi disponibbli għal oħrajn jew spiss nidher li għandi wisq x’nagħmel?’ Drawwiet li mhumiex ħżiena fihom infushom kultant jistgħu joħolqu bħal ħitan għall-​konversazzjoni. Pereżempju, jekk spiss nużaw mobile jew nużaw earphones biex nisimgħu rekordings fil-​preżenza t’oħrajn nistgħu nwasslu l-​messaġġ li nippreferu ma nkunux fil-​kumpanija tagħhom. Jekk oħrajn spiss jarawna mitlufin inħarsu lejn kompjuter żgħir li jinżamm fl-​idejn, jistgħu jikkonkludu li ma rridux inkellmuhom. M’għandniex xi ngħidu, hemm “żmien li toqgħod kwiet.” Imma meta nkunu man-​nies, spiss ikun iż-​‘żmien li nitkellmu.’ (Ekk. 3:7) Xi wħud għandhom mnejn jgħidu, “Nippreferi noqgħod waħdi” jew “Jien ma jkollix aptit nitkellem filgħodu.” Minkejja dan, meta nieħdu sehem f’konversazzjonijiet dħulin anki meta ma jkollniex aptit nagħmlu dan, inkunu qed nuru mħabba li “ma tfittixx l-​interessi tagħha.”—1 Kor. 13:5.

13. Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex ikollu liema ħarsa lejn l-​aħwa Kristjani?

13 Pawlu inkuraġġixxa liż-​żagħżugħ Timotju biex ikollu rispett għall-​membri kollha tal-​kongregazzjoni. (Aqra l-1 Timotju 5:1, 2.) Aħna wkoll għandna nittrattaw lill-​Kristjani akbar fl-​età daqslikieku kienu ommijietna u missirijietna u dawk iżgħar fl-​età bħala ħutna, jiġifieri, tfal tal-​ġenituri tagħna stess. Meta jkollna din l-​attitudni, ħadd mill-​aħwa għeżież tagħna mhu se jħossu bħala stranġier fil-​preżenza tagħna.

14. X’inhuma xi benefiċċji taʼ li jkollna konversazzjonijiet li jibnu m’oħrajn?

14 Hekk kif ikollna konversazzjonijiet li jibnu m’oħrajn, nikkontribwixxu għall-​ispiritwalità u l-​benesseri emozzjonali tagħhom. Ħu li jaħdem f’uffiċċju tal-​fergħa jiftakar b’għożża diversi Beteliti akbar minnu li regolarment kienu jagħmlu l-​ħin biex ikellmuh meta l-​ewwel beda jaqdi f’Betel. Il-​kliem inkuraġġanti tagħhom ġiegħlu jħossu li verament kien parti mill-​familja taʼ Betel. Issa jipprova jimitahom billi jitkellem mal-​Beteliti sħabu.

L-​Umiltà Tgħinna Nagħmlu Paċi

15. X’juri li aħna wkoll kultant ikollna nuqqas taʼ ftehim?

15 Evodja u Sintike, żewġ aħwa nisa Kristjani f’Filippi tal-​qedem, milli jidher kellhom xi diffikultà biex jirranġaw problema li qamet bejniethom. (Flp. 4:2, 3) Sar magħruf pubblikament li Pawlu u Barnaba kellhom xi jgħidu sew u minħabba f’hekk telqu f’direzzjonijiet differenti għal xi żmien. (Atti 15:37-39) Dawn ir-​rakkonti juru li kultant aduraturi veri jkollhom nuqqas taʼ ftehim. Ġeħova jipprovdilna għajnuna biex nirranġaw konflitti u nġeddu ħbiberiji. Imma hu jirrikjedi xi ħaġa minna.

16, 17. (a) Kemm hi importanti l-​umiltà biex nirranġaw konflitti persunali? (b) Ir-​rakkont taʼ meta Ġakobb avviċina lil Għesaw, kif jenfasizza l-​valur tal-​umiltà?

16 Immaġina li int u ħabib se tagħmlu vjaġġ bil-​karozza. Qabel ma tistgħu tibdew il-​vjaġġ tagħkom, tridu ddaħħlu ċ-​ċavetta u tistartjaw il-​magna tal-​karozza. Il-​proċess biex jitranġaw id-​differenzi persunali wkoll jibda b’ċavetta. Iċ-​ċavetta hi l-​umiltà. (Aqra Ġakbu 4:10.) Bħalma se naraw fl-​eżempju Skritturali li ġej, din iċ-​ċavetta tgħin lil dawk li kellhom xi jgħidu biex jibdew japplikaw prinċipji Bibliċi.

17 Kienu għaddew għoxrin sena minn mindu Għesaw kien imtela bi mrar u ried joqtol lil Ġakobb, ħuh it-​tewmi, li kien akkwista l-​primoġenitura mingħandu. It-​tewmin kienu se jerġgħu jiltaqgħu wara dak iż-​żmien kollu, “u Ġakobb beda jibżaʼ ħafna u sar ansjuż.” Hu ħass li kien hemm possibbiltà kbira li Għesaw kien se jaħbat għalih. Imma meta ltaqgħu, Ġakobb għamel xi ħaġa li Għesaw ma kienx qed jistenna. Hu “miel lejn l-​art” hekk kif avviċina lil ħuh. X’ġara mbagħad? “Għesaw ġie jiġri jiltaqaʼ miegħu, ħaddnu, għannqu, u biesu, u nfaqgħu jibku.” Il-​periklu taʼ ġlieda ġie evitat. L-​umiltà taʼ Ġakobb għenet biex tingħeleb kwalunkwe mibegħda li Għesaw setaʼ żamm f’qalbu.—Ġen. 27:41; 32:3-8; 33:3, 4.

18, 19. (a) Meta jqumu konflitti persunali, għala huwa essenzjali li nieħdu l-​inizjattiva biex napplikaw pariri Skritturali? (b) Għala m’għandniex naqtgħu qalbna jekk il-​persuna l-​oħra għall-​ewwel ma twiġibx b’mod pożittiv?

18 Il-​Bibbja fiha pariri eċċellenti dwar kif nirranġaw konflitti. (Mt. 5:23, 24; 18:15-17; Efes. 4:26, 27) a Madankollu, jekk ma napplikawx dawn il-​pariri bl-​umiltà se jkun diffiċli li nagħmlu paċi. Li nistennew lill-​persuna l-​oħra turi umiltà mhijiex is-​soluzzjoni meta aħna wkoll inkunu qed inżommu ċ-​ċavetta f’idna.

19 Jekk l-​ewwel attentati tagħna biex nagħmlu paċi donnhom ma jirnexxux għal xi raġuni jew oħra, m’għandniex naqtgħu qalbna. Il-​persuna l-​oħra għandha mnejn ikollha bżonn iż-​żmien biex tittratta mas-​sentimenti tagħha. Ħut Ġużeppi ttrattawh bi tradiment. Kien għadda ħafna żmien qabel ma ffaċċjawh bħala prim ministru tal-​Eġittu. Madankollu, fl-​aħħar qalbhom irtabet u talbu maħfra. Ġużeppi ħafrilhom, u wlied Ġakobb saru ġens li kellu l-​privileġġ li jġorr l-​isem taʼ Ġeħova. (Ġen. 50:15-21) Billi nżommu l-​paċi maʼ ħutna, aħna nikkontribwixxu għall-​unità u l-​ferħ tal-​kongregazzjoni.—Aqra Kolossin 3:12-14.

Ejja Nħobbu “bl-​Għemil u l-​Verità”

20, 21. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li Ġesù ħasel saqajn l-​appostli tiegħu?

20 Ftit qabel mewtu, Ġesù qal lill-​appostli tiegħu: “Ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.” (Ġw. 13:15) Kien għadu kif spiċċa milli jaħsel saqajn it-​12. Dak li għamel Ġesù ma kienx sempliċement ritwal jew att taʼ qalb tajba. Qabel ma rrakkonta l-​ġrajja tal-​ħasil tas-​saqajn, Ġwanni kiteb: “Ġesù, għax ħabb lil tiegħu li kienu fid-​dinja, baqaʼ jħobbhom sa l-​aħħar.” (Ġw. 13:1) Kienet l-​imħabba tiegħu għad-​dixxipli li qanqlet lil Ġesù biex iwettaq servizz li s-​soltu kien jagħmlu lsir. Issa huma bl-​umiltà kellhom jagħmlu affarijiet bl-​imħabba għal xulxin. Iva, imħabba ġenwina lejn l-​aħwa għandha tqanqalna nuru tħassib u interess għal ħutna Kristjani kollha.

21 L-​appostlu Pietru, li Bin Alla ħasillu saqajh, fehem it-​tifsir taʼ dak li kien għamel Ġesù. Hu kiteb: “Issa li saffejtu ruħkom bl-​ubbidjenza tagħkom lejn il-​verità, u b’hekk għandkom affezzjoni lejn l-​aħwa mingħajr ipokrisija, ħobbu lil xulxin mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha.” (1 Pt. 1:22) L-​appostlu Ġwanni, li l-​Mulej ħasillu saqajh ukoll, kiteb: “Ulied ċkejknin, ħa ma nħobbu la bil-​kliem u lanqas bl-​ilsien, imma bl-​għemil u l-​verità.” (1 Ġw. 3:18) Jalla qlubna jqanqluna biex nikkonfermaw l-​imħabba tagħna lejn l-​aħwa bl-​azzjoni.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​ktieb Organizzati biex Nagħmlu r-​Rieda taʼ Ġeħova, paġni 144-150.

X’Tiftakar?

• B’liema modi nistgħu ‘nwessgħu qalbna’ fl-​imħabba għal xulxin?

• X’se jgħinna nagħmlu l-​ħin għal oħrajn?

• L-​umiltà xi rwol għandha f’li nagħmlu paċi?

• X’għandu jqanqalna nieħdu interess fi sħabna fit-​twemmin?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 21]

Ilqaʼ mill-​qalb lil sħabek fit-​twemmin

[Stampa f’paġna 23]

Titlifx opportunitajiet biex tagħmel il-​ħin għal oħrajn